Jekk qatt niftakar żmien li rajt daqstant solidarjetà bejn
il-bnedmin kien dawn l-aħħar ġimgħat jew aħjar xhur li d-dinja ntlaqtet
mill-imxija tal-Corona Virus. Ma rridx nillimita ruħi għal pajjiżna għaliex
is-solidarjetà rajnieha fuq livell dinji, solidarjetà bejn pajjiż u ieħor,
solidarjetà bejn belt u oħra u naturalment solidarjetà bejn familja u oħra,
bejn bniedem u ieħor. L-imxija tal-Covid 19 għamlet ħafna ħsara lid-dinja, kemm
mil-lat ekonomiku kif ukoll fejn tidħol is-saħħa tal-bniedem, imma ġabitna
f’sensina u ndunajna li ħadd ma jista’ jgħix mingħajr il-proxxmu, kulħadd
għandu bżonn lil ħaddieħor, ħadd ma għandu kollox b’tali mod li ma għandu bżonn
lil ħadd. Erġajan bdejna nifhmu kemm hi importanti l-għajnuna ta’ ħaddieħor.
X’inhi s-solidarjetà
Is-solidarjetà hija kelma li nużaw aħna l-Maltin. Kliem
jixxiebaħ jintuża f’ilsna oħra bħataljan, l-Ingliż u l-Ispanjol. Hija kelma li
ġejja mill-Franċiż <solidarité>. Dan huwa nom
li jindika fuq kollox forma ta’ impenn etiku-soċjali favur ħaddieħor, jew
attitudni ta’ benevolenza u komprensjoni li turi ruħha sal-punt li tiġi
espressa fi sforz attiv u ħieles, bl-iskop biex jgħin bżonnijiet jew qagħdiet skomdi
jew diffiċli ta’ xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna.
Hekk niddefinixxiha jiena s-solidarjetà iżda tajjeb nispjega
fil-qosor dak li qed ngħid hawn fuq. Meta ktibt impenn etiku-soċjali rrid
nifhem li dak li jkun biex ikun solidali ma’ xi ħadd jew ma’ xi kawża jrid
jimpenja ruħu b’mod li jibqa’ sod anke meta jkollu jgħum kontra l-mewġ. Imma
dan l-impenn għandu jkun etikament korrett u ma jmurx kontra s-soċjetà. Eżempju
jien ma nistax nisraq lill-imgħallem biex nagħti xi ħaġa li min għandu bżonn.
Ma nistax nivvinta metodi li jmorru kontra s-soċjetà biex ngħin parti minn din
is-soċjetà, eżempju, jien ma nistax inkeċċi familja minn darha biex f’dik
id-dar imur joqgħod xi ħadd li ma għadnux saqaf fuq rasu għax hekk inkun qed
noħloq problema oħra minflok insolvi l-ewwel waħda.
Bil-kelma benevolenza rrid ngħid li lil dak li jkun nixtieqlu
kull ġid, nixtieq li jkun komdu fid-dinja, fil-ħajja, fil-familja, fuq il-post
tax-xogħol. Il-kelma stess jekk nifhmuha ftit turina t-tifsira tagħha. Din hija
kelma Taljana, il-Volere bene, li trid it-tajjeb, trid is-sewwa għal ħaddieħor.
Mela benevolenza ma hija xejn għajr ix-xewqa li inti tkun tajjeb daqsi.
Il-kelma kompassjoni tista’ titfisser bil-kelma mħabba, imma
hawn ma aħniex qed nitkellu fuq imħahha erotika jew imħabba lejn xi ħaġa, dik
li nsejħulha delizzju, hawn l-imħabba li qed nitkellmu dwarha hija mħabba lejn il-bniedem
innifsu, imħabba bla ebda ħsieb ulterjuri, imħabba lejn bniedem jew lejn kawża
sempliċiment għax dak li jkun jew dik il-kawża jistħoqqilhom li jkunu maħbubin
u rrispettati.
Dan huwa argument ta’ personaliżmu, fejn jien nixtieq li
inti tkun qiegħed sewwa mhux biex nigwadanja xi ħaġa mingħandek imma għax fik
nara bniedem li jixraqlek id-dinjità bħalma jixraqli jien. Din hija
s-solidarjetà.
Omissjoni
Issa ladarba semmejna s-solidarjetà tajjeb naraw ftit
sitwazzjoni oħra li bħal din li diġà semmejna hija sikkina taqta’ miż-żewġ
naħat. Din hija l-omissjoni. X’inhi l-omissjoni? Omissjoni hija s-sitwazzjoni
fejn inti titraskura l-obbligi tiegħek, meta ma tagħmilx dmirijietek. Aħna
bħala bnedmin għandna ċerti obbligi li rridu nsegwu biex ngħixu f’soċjetà bla
nkwiet żejjed. Iżda l-obbligi li għandu l-bniedem ma jistgħux imorru kontra
l-bniedem stess. Ħalli nispjega ruħi. Nagħmlu mod inkun għaddej minn xatt
il-baħar u nara bniedem jgħum u qiegħed f’diffikultà. Jien obbligat ngħinu,
obbligat naqbeż il-baħar u nsalvah. Jekk indawwar wiċċi ’l hemm inkun qed
nagħmel omissjoni. Imma jekk jiena ma nafx ngħum, jekk ikun il-każ li jekk
naqbeż il-baħar jien minflok ngħin lil dak il-bniedem nispiċċaw ngħerqu
t-tnejn, allura f’dan il-każ ma nkunx qed nonqos mill-obbligi tiegħi. F’dan
il-każ jiena obbligat insib min jgħin lil dak li qed jgħereq u mhux naqbeż
il-baħar jien. Din hija l-omissjoni li tmur id f’id mas-solidarjetà.
Fid-dinja tagħna
Nerġa’ nsemmi dawn il-ġimgħat li għaddejna. Kemm rajna
solidarjetà, kemm għajnuna rajna tingħata lil min għandu bżonn. Mill-istat,
mill-Knisja lokali, mill-Kunsilli Lokali, minn gruppi parrokkjali jew gruppi
soċjali oħra, mill-ġirien, mill-ħbieb. Dawn il-ġimgħat koroh li għaddew minn
fuqna ħarġu l-qalb tal-bniedem. Mhux nillimita ruħi għal Malta biss. Tkellimt
ma’ ħbieb u familjari li jgħixu barra minn Malta u tista’ tgħid li kulħadd
qalli li jew qed jgħin lil ħaddieħor jew sab lil min jgħinu. Tabilħaqq nistgħu
ngħidu li minkejja kollox, dawn huma ġimgħat ta’ solidarjetà fejn il-bniedem
induna li hemm min għandu bżonnu u fejn kien hemm min induna li għandu bżonn li
ħaddieħor. Din hi s-solidarjetà vera.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 6 ta' Ġunju 2020
Nessun commento:
Posta un commento