venerdì 12 giugno 2020

Sajf bla festi


Fost il-ħafna restrizzjonijiet li l-imxija tal-Covid 19 ġabet magħha hemm dik li attivitajiet tal-massa ma jistgħux isiru. Is-sajf Malti ma joffrix xi varjetà enormi ta’ attivitajiet fejn jingħaqdu numru kbir ta’ nies flimkien. Jekk taqta’ xi kunċert bħal dawk tal-Isle of MTV u ta’ Joseph Calleja fuq il-Fosos tal-Furjana u forsi l-fieri kummerċjali (trade fair), il-festi parrokkjali biss jibqa’ bħala attivitajiet li jattiraw eluf ta’ nies. L-attivitajiet l-oħrajn kollha huma relattivament żgħar fejn il-festi għax l-aktar l-aktar konna naraw xi barbeque bi ftit mijiet ta’ nies iżda dan in-numru ma huwa xejn fejn l-eluf li ġieli naraw f’xi marċ tas-Sibt jew il-Ħadd filgħodu jew fil-purċissjoni ta’ ċerti festi parrokkjali.


Bħal sajjetta fil-bnazzi
Din l-imxija waslet fuq id-dinja għal għarrieda. Ħadd minna qatt ma basar li xi ħaġa hekk kellna ngħaddu minnha, aħna l-bnedmin tat-tielet millenju, fejn il-mediċina għamlet passi ta’ ġgant il quddiem u fejn ix-xjenza tant kibret li kważi bdejna naħsbu li ħadd u xejn ma jista’ għalina. Iżda konna żbaljati. Dan il-virus ġie fuqna u sammarna, sallabna, mhux għax sabna fuq sieq waħda imma sabna bla saqajn. Daqsxejn ta’ virus u waqqaf lid-dinja kollha kemm hi. Daqsxejn ta’ virus u neħħielna l-pretenzjonijiet kollha li kellna.

Bħal sajjetta fil-bnazzi ħasad ukoll lill-organizzaturi tal-festi parrokkjali tagħna. Ħafna dilettanti tal-festi huma wkoll dilettanti tal-Ġimgħa l-Kbira u għalhekk ikollna ngħidlu li dawn laqqtuha doppjament għax id-delizzju li fuqu jaħsbu u jaħdmu s-sena kollha kellu jitwarrab minn fuq l-aġenda tagħhom.

Deċiżjonijiet tal-Kurja
Meta l-awtoritajiet ekkeżjatiċi Maltin raw x’kien ġej u fehmu l-gravità tas-sitwazzjoni, dlonk ħarġu struzzjonijiet biex jitwaqqaf il-quddies u ma jsirux festi parrokkjali. Issa billi ħafna restrizzjonijiet ġew imnaqqsa, id-dilettanti tal-festi bdew jagħmlu ħafna mistoqsijiet dwar jekk il-festi humiex ser isiru jew le. Biex tgħaxxaqha, il-Kurja ta’ Għawdex ħarġet direttivi u linji gwida kif għandhom jiġu ċċelebrati l-festi tal-parroċċi Għawdxin u l-Kurja Maltija ħarġet direttivi oħra li jorbtu l-festi parrokkjali ta’ Malta. Kienu ħafna li ma fehmux din il-ħaġa u għalfejn hemm differenza bejn id-direttivi.

Irridu nifhmu li fl-istat Malti nsibu żewġ djoċesijiet, l-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex li magħha hemm ukoll il-gżira ta’ Kemmuna. Dawn huma żewġ djoċesijiet separati minkejja li flimkien jiffurmar il-Konferenza Episkopali Maltija. Kull djoċesi bħalma għandha l-isqof, il-katidral, il-kurja, it-tribunali u l-kumplament, għandha wkoll id-deċiżjonijiet tagħha li jistgħu jkunu differenti minn dawk ta’ djoċesijiet oħra anke fl-istess konferenza episkopali. Mela qegħdin ngħidu li d-djoċesi ta’ Għawdex hija awtonoma u għandha dritt toħroġ regoli differenti minn dawk li toħroġ l-Arċidjoċesi ta’ Malta.  Aħna billi ngħixu f’pajjiż ċkejken u għalina Malta u Għawdex u Kemmuna huma nazzjon wieħed ma tantx nifhmuha li jkollna differenzi bejnietna. Biex nagħti eżempju, l-Italja li hija pajjiż wieħed, fiha aktar minn mitejn djoċesi, kull waħda bl-isqof u l-katidral u l-kruja u l-kumplament, anke jekk imbagħad hemm Konferenza Episkopali waħda, li tissejja CEI.

Bla flus
Il-Malti jgħid li bla flus la tgħannaq u lanqas tbus u aħna nistgħu ngħidu li mhux ma tbusx biss imma ma tagħmel xejn mingħajrhom. Il-festi Maltin jinvolvu ammont kbir ta’ flus li kollha kemm huma jinġabru mill-organizzaturi matul is-sena. Il-flus jinġabru mill-attivitajiet li jsiru u għalhekk ladarba f’Marzu twaqqfu l-attivitajiet tal-massa, waqfu wkoll l-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi b’risq il-festi. Mela anke kieku l-kurja ma waqqfitx il-festi xorta kien ser ikollna problemi kbar biex jitħallsu l-ispejjeż tal-festa.

Hawn naqsam magħkom ħsieb li għadda minn moħħi xi snin ilu. Qrajt kumment ta’ persuna li baqa’ ġewwa moħħi. Din il-persuna kitbet li dawk il-gabbani u stands oħrajn li jarmaw fil-festi għandhom jagħtu donazzjoni lill-Kunsill Lokali għax dan irid inaddaf warajhom. U jien għidt bejni u bejn ruħi: donazzjoni lill-Kunsill? Mela l-parroċċa li torganizza l-festa xi jmissha tieħu? Il-każin tal-banda li jirsisti s-sena kollha għall-fondi biex jagħmel ġimgħa festa jibqa’ b’xejn? Il-kumitat tal-festa li jħabbat bieb bieb biex jiġbor xi ħaġa għall-armar jibqa’ b’xejn? Tan-nar li jaħdmu u jiġbdu lejn ir-raħal jew belt tant nies Maltin u barranin biex jaraw xogħolhom ħaqqhom xi ħaġa? Jekk  dawn l-entitajiet u għaqdiet ma jorganizzawx huma l-festa il-kunsill xorta jrid inaddaf il-pjazza u t-toroq tar-raħal.

Dan huwa sajf differenti għal kulħadd, għal dawk id-dilettanti tal-festi kemm ta’ barra kif ukoll ta’ ġewwa kif ukoll għal dawk li ma humiex dilettanti. Min se jibki u min se jifraħ. Din hi d-dinja, rota, daqqa ’l fuq u daqqa ’l isfel. Biss dan huwa sajf li żgur se nkunu nistgħu nirriflettu dwar aspett importatni fis-sajf Malti; il-festi tagħna u n-nuqqas tagħhom. Se jkun l-istess is-sajf 2020?.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 13 ta' Ġunju 2020


Nessun commento:

Posta un commento