sabato 26 settembre 2015

Knisja mal-poplu

Kemm hija qrib in-nies il-Knisja Kattolika.


Matul din is-sena pajjiżna qiegħed jiċċelebra żewġ anniversarji li għalkemm huma differenti għal kollox minn xulxin, hemm rabta remota bejniethom. Qiegħed nirreferi għall-450 anniversarju mill-assedju l-kbir u l-50 sena mill-ftuħ tad-Dar tal-Providenza. Ir-rabta ta’ bejn dawn iż-żewġ avvenimenti hija fil-fatt li fihom it-tnejn hemm involviment dirett ta’ saċerdoti.

Martri u eroj
L-għolja Xiberras, sakemm inbniet il-Belt Valletta u twaqqfet l-ewwel parroċċa fiha fl-1571, kienet tagħmel parti mill-parroċċa ta’ Ħal Qormi. Fi żmien l-assedju l-kbir tal-1565, il-kappillan tal-Qriema kien Dun Gioanello Cilia. Dan ħass li kien fid-dmir li jmur ġewwa l-forti Sant Iermu, mhux biex jagħmel bħall-qaddis patrun tal-parroċċa tiegħu, San Ġorġ, u jissielet kontra l-għadu, imma biex jassisti lis-suldati li kienu fil-forti li kienet tagħmel parti mill-konfini tar-raħal tiegħu.

Il-Maltin u l-Kavallieri li kien hemm fil-forti li tħares id-daħla tal- port prinċipali ta’ gżiritna, issieltu bil-kbir biex jiddefendu lil Malta mill-g

ħadu, imma fit 23 ta’ Ġunju Sant Iermu waqa’ f’ idejn it-Torok. Dawk li kienu fil-forti, fosthom Dun Gioannello, qatgħulhom rashom u ġew marbutin ma’ twavel tal-in jam u ntefgħu l-baħar. Bla ras mhux faċli jintgħaraf dak li jkun, l-aktar 450 sena ilu meta ma kellhomx il-mezzi  xjentifiċi li għandna llum. Ir-raħal tal-furnara kellu jistenna sal-1569 biex jinħatarlu kappillan ġdid għax ħadd ma seta’ jiddikkjara li Dun Ġwann Cilia kien tassew mejjet. Hemm min jgħid li l-ġisem bla ħajja tiegħu għarfuh minn difett fiżiku li kellu.  Li nafu żgur hu li dan is-saċerdot miet martri waqt il-qadi tal-ħidma saċerdotali tiegħu. Miet ukoll ta’ eroj għax minkejja li ra l-għadu javvanza, xorta baqa’ jassisti spiritwalment lil dawk li kienu fil-forti.

Dar mhux bħall-oħrajn
Dun Mikiel Azzopardi kellu 55 sena meta biddel bini tas-servizzi Ingliżi f’ dar għal persuni b’ diżabilità. Kien ilu 31 sena jqaddes meta ġabar numru ta’ persuni li qabel kienu jiġu mwarrbin u moħbijin. Kien fl-1965 meta Dun Mikiel fetaħ id-Dar tal-Providenza. Sa dak iż-żmien persuna b’ diżabilità kienet tiqies bħala piż u l-mentalità miskina ta’ xi wħud kienet tiddieħaq u tgħaddi lil dawn it-talin biż-żmien. Monsinjur Azzopardi mhux talli ma ddieħaqx bihom, anzi tahom ħajja dinjituża. Għall-grazza ta’ Alla l-mentalità tagħna l-Maltin inbidel tul dawn l-aħħar ħamsin sena u llum nagħmlu minn kollox biex dawn il-persuni jgħixu ħajja kemm jista’ jkun indipendenti. Sirna nirrikonoxxu li dawn it-talin għandhom ħafna x’ jistgħu jagħtu lis-soċjetà u billi jista’ jkun li hemm xi differenzi minna, xorta ma għandhomx ikunu fil-marġini tas-soċjetà. Ħamsin sena ilu l-mentalità kienet differenti.

Matul is-snin id-dar tkabbret u kompliet titgħammar skont il-ħtiġijiet tar-residenti. Monsinjur Azzopardi miet fit-13 ta’ Mejju, 1987, sewwasew erbat ijiem wara l-elezzjoni ġenerali ta’ Malta. Waqt l-omelija tal-funeral tiegħu, l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca kien serraħ ras Dun Mikiel li l-opra li kien beda’ hu b’ risq ‘l-anġli tiegħu’, kif kien isejjaħ lir-residenti tad-Dar tal-Providenza, kienet sejra tibqa’ wieqfa u miexja ’l quddiem. Fil-fatt hekk ġara u llum qegħdin  niċċelebraw il-ħamsin anniversarju mill-bidu ta’ din id-dar.

Knisja mal-poplu
Dawn huma biss żewġ każi fejn il-Knisja tkun fuq quddiem biex tgħin lill-poplu, biex tkun mal-poplu, biex tkun għall-poplu. Minkejja kollox, minkejja dak li ġieli nisimgħu,  il-Knisja minn dejjem kienet għall-avangwardja, dejjem kienet tal-ewwel biex tgħin lin-nies l-aktar fil-bżonn. Min beda l-ewwel skejjel? Min fetaħ l-ewwel orfanatrofji? Min telaq minn pajjiżu biex imur jgħin popli oħrajn? Min fetaħ l-ewwel dajr għan-nies bla saqaf fuq rashom? Min ta l-ewwel kenn lin-nisa msawta? Min dejjem assita lil dak li jkun fil-bżonn minkejja l-perikli tal-gwerer jew tal-mard?

Dun Ġwann jew Gioannello Cilia seta’ baqa’ f’ daru ġewwa Ħal Qormi, bogħod mill-periklu, paxxut, imma ħass x’ jgħidlu li postu kien mas-suldati f’ Sant Iermu. U mar hemm, mar jassisti lill-parti mill-merħla fdata f’ idejh, mar u sab il-mewt. Kien jaf li seta’ jsibha l-mewt, imma dan il-ħsieb ma beżżgħux, ma qatalux qalbu.

Monsinjur Mikiel Azzopardi seta’ baqa’ assistent ekkleżjastiku tal-Azzjoni Kattolika, imma ried li l-ħolma li kellu issir realtà. Ħolma li għadna narawha magħna sal-lum. Ħolma li biddlet il-mentalità ta’ pajjiż. Ħolma qaddisa.

Dan kollu huwa l-frott ta’ Knisja li tkun qrib il-poplu, li tkun tħoss il-polz tal-poplu u għalhekk tkun tista’ tagħmel l-ewwel pass. Ġieli nisimgħu kritika li l-Knisja tintilef fir-rikkezzi, fit-titli; bażiliċi, arċiprieti, monsinjuri u kanonċi. Il-kritiċi jkollhom raġun kieku l-Knisja tieqaf hemm, imma l-anniversarji li qegħdin niċċelebraw din is-sena jixhdu dan kollu. Il-Knisja hija entità tan-nies, tinsab man-nies, tinsab qalb in-nies u mhux illum biss, imma min dejjem hekk kienet. Taħsbux li qed ngħid dan għax jiena saċerdot (la jiena arċipriet, la kononku u lanqas monsinjur, biex ħadd ma jaħseb li qed niddefendi t-titli li għandi), le xejn minn dan. L-istorja hija l-aqwa xhud ta’ dan li qed ngħid.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon -26 ta' Settembru 2015


Nessun commento:

Posta un commento