venerdì 11 settembre 2015

Turiżmu reliġjuż

Sa mill-ewwel żminijiet tal-Knisja, l-Insara kienu jfittxu li jagħmlu pellegrinaġġi lejn l-aktar postijiet għeżież għalihom bħal dawk li fihom għex Ġesù Kristu. Kienu spiss ukoll iżuru oqbra ta’ martri u biż-żmien bdew isiru l-pellegrinaġġi. L-aktar pellegrinaġġ popolari u mixtieq kien dejjem lejn l-Art Imqaddsa, imma kemm minħabba l-bogħod, kemm minħabba n-nuqqas ta’ mezzi finanzjari jew ta’ trasport kif ukoll minħabba li dawn il-postijiet mhux dejjem kienu f’ idejn l-Insara, kellha tinstab soluzzjoni oħra. Għalhekk fil-knejjes bdew isiru l-istazzjonijiet tal-Via Crucis u dak li jkun seta’ jinvista dawn l-istazzjonijiet mill-qrib ta’ daru u jħossu daqs li kieku żar il-postijiet għeżież fejn għex il-Mulej. Meta l-folja nqalbet, reġgħu bdew isiru pellegrinaġġi għal Ġerusalemm. Betlem, Nazzaret u l-inħawi l-oħra tal-Palestina. Nistgħu ngħidu li dan kien l-ewwel turiżmu reliġjuż fid-dinja. Ma rridux  nimmaġinaw turiżmu bħal tal-lum. Kien ikun vjaġġ iebes u ta’ sagrifiċċju. Minkejja li għaddew elfejn sena, dawn it-tip ta’ vjaġġi għadhom isiru, mhux biss fit-Terra Santa imma f’ bosta rkejjen oħrajn tad-dinja li għandhom xi rabta speċjali ma’ xi qaddis jew devozzjoni partikolari.

Spanja, l-Portugall u Franza
Lourdes Franza
Wieħed mill-postijiet l-aktar popolari mal-Insara li jkunu jixtiequ jagħmlu pellegrinaġġ, insibuh ġewwa Spanja. Jissejjaħ Santiago di Campostela. Jingħad li l-Appostlu San Ġakbu wasal sa hawn bil-predikazzjoni tiegħu. Illum huma eluf kbar il-pellegrini li jimxu kilometri twal biex jaslu sas-santwarju famuż, fejn hemm ċensier kbir daqs lampier, imdendel mas-saqaf ta’ dan is-santwarju. Għall-fatt biss ta’ dan iċ-ċensier huma numerużidawk li jżuru dan il-post sabiħ. Spanja tat ukoll lill-Knisja bosta persuni qaddisa u llum huma ħafna dawk li  jmorru pellegrinaġġ fuq il-passi tagħhom. San Duminku ta’ Gużman, Santa Tereża ta’ Avila, San Ġwann tas-Salib huma biss tlieta mill-qaddisin Spanjoli li jiġbdu lejn din l-art numru kbir ta’ turisti reliġjużi. Nistgħu nsemmu wkoll id-devozzjoni Marjana li hemm fi Guadalupe u f’ Garabandal, żewġ lokaliotajiet Spanjoli oħra li wkoll jattiraw numru kbir ta’ pellegrini.

Fejn jidħol vjaġġar reliġjuż, il-Portugall huwa sinonimu ma’ Fatima. Illum Fatima huwa lok ta’ pellegrinaġġi mhux biss għall-Insara ewropej imma anke għal dawk li jaqsmu l-Atlantiku billi l-Portugall huwa l-ewwel  pajjiż fejn wieħed jista’ jniżżel saqajh meta jħalli l-kontinent Amerikan.
Fi Franza żgur li l-aktar post reliġjuż magħruf huwa Lourdes. Dan il-post illum sar joffri jiem ta’ riflessjoni spiritwali u fl-istess waqt opportunità li wieħed igawdi l-ġmiel naturali tal-inħawi. Franza wkoll tat lill-Knisja u lid-dinja qaddisin kbar bħal Ġwanni Marija Vianney u Tereża tal-Bambin Ġesù. Ars, fejn kien kappillan Vianney u Lisieux, minn fejn kienet Santa Tereża illum huma mfittxijin minn bosta Nsara. Post ieħor Franċiż li forsi mhux daqstant magħruf magħna huwa La Salette, fejn il-Madonna kienet dehret lil żewġt itfal fl-1846. Franza toffri wkoll post fejn jilqa’ kull tip ta’ Nsara, Kattoliċi, Protestatni, Evanġeliċi u nsomma lil kulħadd. Dan huwa Taizè. Hemmhekk hemm komunità ekumenika li tilqa’ lil min ikun irid jgħaddi ftit jiem  ta’ paċi ta’ veru.

Italja
L-Italja hija miksija minn fuq sa isfel b’ santwarji jew postijiet devozzjonali li jżuruhom miljuni ta’ turisti reliġjużi ta’ kull sena. Minn Turin, post San Ġwann Bosco għal Padova, magħruf għal sant’ Antnin. Assisi, raħal San Franġisk u Santa Kjara għal Cassia post Santa Rita. San Giovanni Rotondo għad-devoti ta’ Padre Pio għal Bari fejn hemm devozzjoni kbira għal San Nikola. Ruma hija l-Belt Kapitali tal-Fidi Nisranija u għalhekk it-turiżmu reliġjuż hemmhekk huwa enormi. Loreto, Pompei u Sirakuża huma lokalitajiet oħra Taljani li jattiraw bosta pellegrini.

Polonja
Wadowice Polonja
Il-Polonja sa qabel ma’ waqa l-Komuniżmu ftit li xejn konna nafu biha. Konna nafu li teżisti u ftit li xejn aktar. Illum dan il-pajjiż sar ukoll wieħed li jiġbed numru kbir ta’ pellegrini. Dawn iżuru l-postijiet li fihom twieled, għex u ħadem il-Papa San Ġwanni Pawlu II. Imma mhux biss, il-Polonja hija wkoll l-art li fiha d-devozzjoni lejn il-Madonna s-sewda u l-post fejn bdiet il-qima lejn Il-Ħniena Divina. Illum il-Polonja sar lokal popolari ma’ dawk li jfittxu postijiet devozzjonali differenti minn dawk tradizzjonali.

U Malta?
Grotta ta' San Pawl Rabat Malta
Pajjiżna huwa wieħed minn tal-bidu li ħaddan il-fidi Nisranija. Postijiet ta’ devozzjoni għanda kemm trid – fors xi wħud lanqas nafu bihom aħna stess. Ta’ Pinu, il-Madonna tal-Mellieħa, l-għar ta’ San Martin, Il-Madonna tas-Saħħa, il-grotta ta’ San Pawl, il-Madonna tal-Għar, il-Madonna tal-Ħerba, il-Madonna tal-Ħlas, ir-Redentur tal-Isla u nistgħu nibqgħu sejrin. Pajjiżna għandu potenzjal li joffri turiżmu reliġjuż bħal pajjiżi oħrajn u nemmen li għandu vantaġġ fuq pajjiżi oħra. Il-fatt li kollox huwa qrib inaqqas il-ħin tal-ivjaġġar u għalhekk pellegrinaġġ fil-gżejjer Maltin jista’ jkun imżewwaq sewwa biex jiġbor fih l-aktar postijiiet possibbli.

Il-mistoqsija tiegħi hija din: kemm qegħdin nisfruttaw dan il-potenzjal?


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 12 ta' Settembru 2015





Nessun commento:

Posta un commento