sabato 5 settembre 2015

Il-Bażilika u l-Arċipretali

Għadu kemm ġie fi tmiemu ix-xahar ta’ Awwissu. Il-qawl Malti jgħid li Awwissu ix-xemx taħarqu u x-xita tmissu. Din is-sena nistgħu ngħidu li dak li jgħid dan il-qawl  seħħ tassew għax kellna jiem sħan sewwa kif ukoll kellna maltempati li ftit li xejn hawn min jiftakar bħalhom fix-xahar ta’ nofs is-sajf. Hemm xi wħud li dan il-qawl iħawduh u jgħidu li Awwissu la tarah u lanqas tmissu, u dawn it-talin għandhom raġun għax bejn il-vaganzi li bosta jkollhom, bejn il-jiem ta’ divertiment ħdejn il-baħar u bejn il-festi fl-ibliet u l-irħula tagħna, Awwissu jgħaddi bħal ħolma u kważi kważi la jagħtik ċans tarah u lanqas tmissu għax filli jkun għadukif beda u filli jintemm.

Ix-xahar ta’ Awwissu ta’ din is-sena sejjer jibqa’ mfakkar ukoll għal żewġ okkażjonijiet speċjali għal żewġ parroċċi Maltin, il-bidu tal-proċess biex ir-Rotunda tal-Mosta tingħata t-titlu ta’ Bażilika u l-għoti tat-titlu Arċipretali lill-parroċċa ta’ Ħad Dingli.

Sempliċiment titli
Il-potenzjalment Bażilika tal-Mosta
Xi jfisser li knisja tkun Bażilika jew li parroċċa tkun Arċipretali? Huma titli ta’ rispett lejn lok reliġjuż li jkun jixraqlu ċerta stima minħabba l-popolarità tiegħu. Kieku jkollna nikkomparaw il-knejjes mal-bnedmin inkunu nistgħu ngħidu li jeżistu titli differenti lill-persuni differenti. Lit-tabib insejħulu Dott, lin-nutar ngħajtulu Manifk, lill-avukat nindirizzawh b’ Sinjur, lill-bennejn ngħidulu Mgħallem, imma lkoll huma bnedmin li twieldu bla ħwejjeġ u lkoll sejrin jintemmu fl-istess post, iżda minħabba n-natura tax-xogħol li jagħmlu nagħtuhom titli differenti.

L-għan tal-Knisja (bil-K kbira) huwa x-xandir tal-kelma ta’ Alla u s-salvazzjoni tal-erwieħ. Dan isir permezz tas-sagramenti. Issa sagrament jista’ jsir fil-Vatikan, f’ Bażilika, fi knisja Arċipreatli, fi knisja ċkejkna jew f’ kappella mitlufa f’ nofs ir-raba, xorta waħda huwa l-istess sagrament. Is-sustanza tas-sagrament ma tinbidilx skont il-post li fih jiġi amministrat. Il-post huwa aċċidentali u jista’ jinbidel, imma s-sustanza ma tinbidel qatt u għalhekk jekk wieħed jirċievi sagrament f’ Bażilika huwa l-istess daqs li kieku jirċievih f’ kappella ċkejkna qalb l-għelieqi.
Allura b’ dan l-argument ikun hawn min jistaqsi: għalfejn jingħataw dawn it-titli? Ma rridux ninsew li ċerti knejjes għandhom storja kbira, oħrajn fihom xi devozzjoni partikolari u għalhekk iżuruhom bosta nies. Bħala rikonoxximent jistgħu jingħataw titlu bħal Bażilika, li jingħata mill-Papa jew ta’ Arċipretali li jingħata mill-Arċisqof.

Kontroversja
Il-knisja Arċipretali ta' Ħad Dingli
Dawn iż-żewġ każi taw bidu għal kontroversja sħiħa, l-aktar fuq il-mezzi tal-media soċjali. Ħeqq Malta qegħdin u l-inqas xrara dlonk tqabbad ħuġġieġa! Xi wħud staqsew jekk għadux iż-żmien li jingħataw dawn it-titli u oħrajn staqsew għaliex il-Mosta u Ħad Dingli u mhux parroċċi oħrajn. Oħrajn ferħu u xi wħud staqsew jekk il-Knisja f’ Malta hijiex sejra ’l quddiem bl-għoti ta’ titli bħal dawn. Jien mhux sejjer nidħol fil-merti ta’ għadhomx żmiemhom it-titli jew għalfejn dawn il-parroċċi u mhux oħrajn u ma rridx inkompli l-kontroversji li diġa jeżistu.

Jekk hemm min jaħseb li l-għoti tat-titlu ta’ Bażilika hija xi ħaġa li ma għadiex tingħata ikun sejjer żball. Xi knejjes ta’ ċerta importanza jiġu iddikkjarati bażiliċi tista’ tgħid mill-bidu tal-eżistenza tagħhom. Dawk kollha li xi darba marru Lourdes jafu li hemmhekk hemm il-Bażilika ta’ San Piju X, knisja taħt l-art mibnija bil-konkos li ma fiha l-ebda opri artistiċi, imma minħabba l-importanza tagħha ingħatat it-titlu ta’ Bażilika. F’ Malta għandna bażiliċi li ftit li xejn jissemmew. Il-Knisja parrokkjali tan-Nazzarenu f Tas-Sliema hija Bażilika u ħadd ma jsejħilha b’ dan it-titlu. L-istess l-għar tal-Madonna fil-knisja tad-Dumnikani tar-Rabat kif ukoll il-knisja tad-Duluri f’ Ħaż Żebbuġ. Dawn huma Bażiliċi wkoll imma ftit li xejn jiġu rriferuti bit-titli li għandhom.

Il-Bażilika tad-Duluri Ħaż Żebbuġ
Personalment nemmen li l-ħażin huwa meta nintilfu fuq titlu u nitilfu s-sens veru tal-post. Ninħlew fuq l-aċċident u mwarrbu s-sustanza. Xi wħud staqsew kemm se jiżdiedu jew jonqsu dawk li jiffrekwentaw il-Knisja bl-għoti ta’ dawnit-titli. Nemmen li la sejrin jiżdiedu u lanqas jonqsu, min verament hu Nisrani ma jmurx il-Knisja għax hi Bażilika, Arċipreatli, jew kappella bla ebda titli jew unuri, imma jmur għax jemmen u jħossu fid-dover li jmur. Mill-banda l-oħra jekk hemm knejjes li jixraqilhom titlu ma narax għalfejn ma għandux jingħata.

Ftakart f’ Dun Karm
Dan l-argument fakkarni fil-poezija tal-Poeta Nazzjonali tagħna, Dun Karm Psaila, mhux għax nafu għax huwa miet qabel ma twelidt jien, imma għax studjajtu. Waħda mill-aktar poeziji tiegħu li nħobb hija “Żjara lil Ġesù”. F’ din il-poeżija l-awtur jirrakkonta x’ ħass meta daħal jagħmel vista lis-sagrament f’ kappella  ċkejkna f’ nofs l-għelieqi. Ma daħalx f’ Katidral, ma daħalx f’ Bażilika jew f’ Parroċċa Arċipretali, imma f’ daqxejn ta’ kappella rurali. Hemmhekk ħassu qrib il-Ħallieq. Dun Karm jurina kemm is-sustanza hija importanti aktar mill-aċċidenti. Il-post jista’ jinbidel imma s-sagrament huwa wieħed, ikun fejn ikun.  Din hija l-aktar ħaġa importanti li għandna nifhmu.


Fr Reno Muscat 

Dan l-Artilu deher f' In-Nazzjon, 5 ta' Settembru 2015







Nessun commento:

Posta un commento