venerdì 30 settembre 2016

L-għajta

Kont qiegħed naqra kiteb fil-gallarija x’ ħin leħen il-bejjiegħa tal-ħut waqqafni mill-qari. Dak il-ħin moħħi ġera bija u l-għajta ħaditli ħsiebi minn Ħal Qormi għal Oslo fin-Norveġja. Dwar l-għajjat aħna ngħidu li dan huwa nofs il-bejgħ, iżda l-għajta li ftakart fiha llum ma hijiex għajta li tista’ tisma’, anzi hija għajta muta, bla leħen. Qiegħed nirreferi għall-pittura ta’ Edvard Munch li hija magħrufa b’ dan l-isem.

Il-pittur

Edvard Munch
Edvard Munch kien pittur Norveġiż li għex bejn l-1863 u l-1944. Fl-istudji tiegħu huwa brilla fil-matematika, il-fiżika u l-kimika. Madanakollu, kontra x-xewqa ta’ missieru, huwa ħalla l-kulleġġ fejn kien qed jistudja biex imur jistudja l-arti u jsir pittur. Tal-istess idea bħal missieru kienu bosta ħbieb u familjari ta’ Munch iżda hu kien determinat li jsir pittur. Fid-djarju tiegħu huwa kien kiteb hekk: Fl-arti tiegħi nipprova nesprimi l-ħajja u dak li tfisser għalija.

Għal xi żmien huwa kien jgħix ġewwa Pariġi kif ukoll Berlin iżda reġa’ lura lejn Oslo fejn baqa’ jgħix il-kumplament ta’ ħajtu. L-arti tiegħu hija differenti minn l-arti li aħna drajna naraw, din l-arti trid il-ħsieb biex tifhimha sewwa. Meta dan l-artist miet ix-xogħol artistiku tiegħu ħallieh lill-belt ta’ Oslo. Dan il-wirt jikkonsisti f’ 1,100 pittura, 4,500 disinn u 18,000 print. Fl-1963 infetaħ mużew ġewwa l-istess belt fejn hemm esebiti dawn il-bċejjeċ kollha.

L-Għajta
Der Schrei der Natur
Waħda mill-aktar pitturi famużi ta’ dan l-artist tissejjaħ “Skrik”, dik li jiena qed insejħilha bħala “L-Għajta”. Ma nafx għandix insejħilha hekk jew inkella “It-Twerżieqa” għaliex bl-Ingliż din il-pitura tissejjaħ “The Scream”, bit-Taljan tissejjaħ “L-Urlo” u bil-Franċiż  “Le Cri”, imma aħna ejjew insejħulha “L-Għajta”. L-isem li Munch ta lil din il-pittura huwa bil-Ġermaniż: Der Schrei der Natur – L-Għajta tan-Natura.

Munch pitter erba’ verżjonijiet ta’ din il-pittura bejn l-1893 u l-1910. Din turi figura b’ espressjoni donnha agonizzata, imbeżżgħa, mitlufa b’ idejha t-tnejn ma’ ħaddejha. L-isfond tal-pittura huwa ħamrani u sewdieni.  Jekk wieħed jifli sew, jara li fuq wara tal-figura, li la nafu hijiex raġel jew mara, jidhru figuri ta’ żewġ persuni oħra filwaqt li fl-isfond nistgħu naraw ukoll żewġ xwieni. Billi l-pittura ta’ Munch hija simbolista u espressjonista, wieħed irid iħares sew u juża wkoll ftit tal-immaġinazzjoni.

Skont l-awtur u l-kontributur ta’ The New York Times, Arthur Lubow, din il-pittura hija ikona tal-arti moderna u tista’ titqies bħala l-Mona Lisa ta’ dawn iż-żminijiet.

Mid-djarju ta’ Munch
Dwar din il-pittura, Munch kiteb fid-djaru tiegħu dan il-kliem: Lejla minnhom x’ ħin kont għaddej mal-ġenb, bil-belt fuq naħa u l-fjord taħti, ħassejtni għajjien u debboli. Waqaft u ħarist lejn il-fjord – ix-xemx kienet nieżla u l-isħab kien qiegħed jinbidel f’ lewn ħamrani bħad-demm. Ħassejt bħal għajta għaddejja min-natura. Donni smajt l-għajta. Pittirt dal-kwadru, pittirt l-isħab daqs li kieku kien demm. Il-kulur werżaq. Din saret l-Għajta.

Minn dan il-ftit kliem miktub mill-artist stess nistgħu nintebħu x’ ried iffisser bil-pittura tiegħu. Jekk ma naqrawx dak li kien kiteb għandna mnejn ma nifhmux x’ hemm moħbi wara dik il-pittura.

Patrimonju
Il-erba’ verżjonijiet ta’ din il-pittura llum huma ta’ valur kbir. Waħda minn dawn il-pitturi, dik tal-1893 insibuha fil-Mużew Nazzjonali ta’ Oslo, filwaqt li waħda mpittra bil-pastellina fl-1893 wkoll u oħra mpittra fl-1910 insibuhom fil-mużew tal-Artist Munch f’ Oslo ukoll. Ir-raba’ kopja, li kienet impittra fl-1895, inbiegħet waqt irkant tal-arti fl-2012. Il-prezz imħallas għal din il-pittura kien ta’ $119,922,600, iva sewwa qed taqra, ftit inqas minn mija u għoxrin miljun dollaru Amerikan! Din illum tinsab ġewwa l-Amerika għand kollezzjonista tal-arti. Meta tara dawn iċ-ċifri dlonk tinduna li biċċa xogħol ta’ dan l-artist, bħal ovvjament l-artisti kbar kollha, hija xejn anqas minn patrimonjun kbir.

Serq
Il-Mużew ta' Munch
Fit-12 ta’ Frar 1994 il-pittura li nsibu fil-Mużew Nazzjonali  ta’ Oslo insterqet. Min seraq din il-pittura ħalla nota miktubna li kienet tgħid hekk “Ħajr għas-sigurtà fqira li hawn”.  Intalab rahan ta’ miljun dollaru għaliha iżda l-mużew ma aċċettax. Il-pittura instabet bla ebda ħsara fis-7 ta’ Mejju tal-istess sena.

Fit-22 ta’ Awwissu 2004 insterqet il-pittura tas-sena 1910 li nsibu fil-Mużew Munch. Flimkien ma’ din il-pittura, dawk li serqu ħadu magħhom ukoll pittura oħra ta’ Munch, bl-isem ta’ “Madonna”.  Kienet ġriet ix-xnieha li l-pitturi kienu nħarqu mill-ħallelin sabiex ineħħu kull traċċa tas-serqa. Il-kunsill ta’ Oslo kien offra żewġ miljun Kroner (€231.000) lil min jagħti xi informazzjoni li twassal biex dawn il-pitturi jinstabu. Fil-31 ta’ Awwissu, tas-sena 2006 il-pulizija kienet ħabbret li ż-żewġ pitturi kienu misjuba u kienu f’ kundizzjoni tajba ħafna, aħjar milli stennew li jsibuhom.
Fuq fuq din hija l-istorja ta’ pittura famuża li ftakart fiha għax smajt lil tal-ħut tgħajjat taħt il-gallarija tiegħi! Storja li xtaqt naqsam magħkom.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 1 ta' Ottubru 2016





Nessun commento:

Posta un commento