venerdì 16 settembre 2016

Fil-pjazza tar-raħal

Illum ftit li xejn għadna nisimgħu diski Maltin ġodda, biss madwar 40 sena ilu ma kienx hekk. Waħda mid-diski popolari ta’ dak iż-żmien, miktuba minn Enzo Gusman fl-1975 u kantata minnu stess kienet iġib l-isem “Fil-pjazza tar-raħal”. Illum wara dawn is-snin kollha din id-diska għadha popolari, forsi mhux daqs kemm kienet qabel, imma hija sinonima ma’ dan il-kantant.

Gusman jgħid li kien kiteb dan il-kanzunetta meta kien jaħdem ma’ bank li kellu fergħa fil-pjazza ta’ quddiem il-knisja l-qadima ta’ San Bastjan ġewwa Ħal Qormi. Il-kantawtur kien josserva l-ħajja tal-pjazza u jirrakkonta dak li kien jara ta’ kuljum; tlett irġiel xjuħ fuq it-taraġ taz-zuntier, jirrrakkunataw il-passat ta’ ħajjithom u dak li għaddew minnu.

Iċ-ċentru tar-raħal
Tassew li din il-kanzunetta kienet imnebbħa minn dak li jiġri fil-pjazza ta’ San Bastjan fil-belt Pinto, iżda hija storja li tista’ tiġi applikata għal kull raħal ieħor għaliex il-pjazza minn dejjem kienet iċ-ċentru ta’ kull raħal. Aħna l-Maltin għandna isem ieħor għall-pjazza: misraħ, nom mimmat ġej minn serraħ, għaliex il-pjazza sservi wkoll bħala l-post fejn wieħed jgħaddi ftit ħin jistriħ fuq xi bank u jgħid kelmtejn. Il-pjazza hija l-qalb tar-raħal, hija ċ-ċentru tar-raħal. Fil-każ ta’ Ħal Qormi hemm aktar minn pjazza waħda li sservi ta’ ċentru tar-raħal. Minbarra dik ta’ San Bastjan li kienet ta’ ispirazzjoni għad-diska li semmejt fil-bidu, hemm pjazez oħrajn, bħal dik ta’ San Franġisk, jew quddiem il-knisja ta’ San Ġorġ, kif ukoll quddiem l-iskola, li wkoll huma ċentri li fihom jiltaqgħu n-nies.

Ħaż-Żebbuġ
Il-pjazza ta' Ħaż-Żebbug
Pjazza tipika li personalment naraha bħala ċ-ċentru jew aħjar il-fus tar-raħal hija dik ta’ Ħaż-Żebbuġ. Hemmhekk issib kollox: il-knisja parrokkjali, il-każini tal-banda, il-każini tal-partiti politiċi, il-każini sportivi, il-ħwienet tat-te, il-pompa tal-petrol, tal-pastizzi,  il-ħanut tal-gazzetti, ħwienet tal-ħwejjeġ, ħwienet taż-żraben, ristoranti jew pizzerija, ħwienet tal-merċa, jintrama’ suq aktar minn darba fil-ġimgħa kif ukoll hemm l-iskola u fil-qrib hemm ukoll iċ-ċimiterju. Il-pjazza ta’ Ħaż-Żebbuġ timmeraviljani għax hija tabilħaqq ħajja nistgħu ngħidu 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. Din il-pjazza hija wkoll il-post fejn il-festi tal-parroċċa jitgawdew l-aktar, u fejn l-aktar ikun hemm attività fil-ġimgħat tal-festi tal-parroċċa. Fiha jsiru l-programmi tal-baned, fiha jsir il-logħob tan-nar tal-art, fiha tista’ tgħid isiru l-aktar attivitajiet importanti ta’ dawk il-ġimgħat.

Hemm xi rħula oħra Maltin li wkoll il-pjazza prinċipali tagħhom hija ċ-ċentru tal-ħajja. Iż-Żurrieq, iż-Żejtun, is-Siġġiewi, imma bħall-pjazza ta’ Ħaż-Żebbuġ donnu ma hawn imkien.

Mhux Malta biss
Pjazza f' Napli (Barra)
Sa issa tkellimna biss fuq pjazez Maltin, biss il-ħajja li nsibu fil-pjazza Maltija insibuha wkoll f’ xi pjazez barranin ukoll. Niftakar meta kont ngħix Napli, ftit metri bogħod minn fejn kont noqgħod kien hemm il-pjazza ewlenija tal-kwartier. Din ma kinietx l-unika pjazza imma kienet l-aktar waħda attiva. Hemmhekk kienu jsiru l-kunċerti mużikali, hemmhekk hemm il-ħwienet. B’ differenza minn Malta, ġewwa l-Italja is-sigaretti ma jinbiegħux mill-ħwienet tax-xorb iżda minn ħwienet li jbiegħu prodotti tat-tabakk. Fil-pjazza li qed insemmi kien hemm dan il-ħanut ukoll. Niftakar sidu kien jismu Gennaro. Mhux faċli tinsa ismu meta tiftakar f’ Napli! F’ din il-pjazza kien hemm (u forsi għad hemm sal-lum ukoll) il-ħajjat u l-iskarpar. F din il-pjazza ma jintramax is-suq għaliex dan jintarama fi triq qrib, iżda fiha xorta wieħed jista’ jsib jixtri kollox. Fuq kollox f’ din il-pjazza jiltaqgħu xi anzjani, jlabalbu u jpejpu; xena bħalma kien jara Gusman ġewwa Malta.

Xena simili bħal din kont naraha f’ raħal ċkejken qrib Avellino. Kull meta mort hemmhekk dejjem rajt għadd ta’ nies fil-pjazza ewlenija ta’ dan ir-raħal li ma fihx aktar minn 3,000 persuna. Il-pjazza hija l-post fejn dak li jkun jgħaddi jieħu l-caffettino u jgħid kelma mal-ħbieb qabel ikompli sejjer fuq xogħolu.

In-naħa ta’ fuq tal-Italja l-istorja tinbidel. Aktarx li minflok il-pjazza l-anzjani ifittxu xi ċentru jew każin għalihom. Dan aktarx għall-fatt li t-temp ftit li xejn jipperemtti li dak li jkun joqgħod bilqegħda fi pjazza għal ħin twil.

L-akbar pjazza
Fosos tal-Furjana
L-akbar pjazza f’ pajjiżna insibuha fil-Furjana, magħrufa bħala l-fosos tal-Furjana. Din il-pjazza minn dejjem serviet għal attivitajiet kbar li minn żmien għall-ieħor kienu u għadhom ikunu organizzati. Attivitajiet politiċi kbar, attivitajiet reliġjużi, kunċerti mużikali nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Il-karattru ta’ din il-pjazza hija differenti minn dik ta’ pjazez oħrajn. Ma fihiex l-elementi li fihom pjazzez oħrajn. Dan forsi għall-fatt li l-Furjaniżi ma għandhomx bżonn il-fosos biex imorru jgħaddu siegħa żmien għaliex għandhom bosta ġonna fis-subborg tagħhom. Xorta waħda ta’ kull filgħaxija jkun hemm xi wħud li jgħaddi siegħa żmien fuq il-fosos.

Kemm isiru attivitajiet fil-pjazza tar-raħal. Kemm bnedmin jgħaddu minnha. Kemm negozju, kemm kummerċ. Madwar il-pjazza iddur il-ħajja tal-belt jew raħal. U kemm ħsibijiet jistgħu jiġuk waqt li tkun fil-pjazza. Perezempju dan il-ħsieb li nikteb dwar il-pjazza tar-raħal ġieni waqt li kont qed nieħu cappuccino f’ ħanut ġewwa pjazza Maltija.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 17 ta' Settembru 2016




Nessun commento:

Posta un commento