Fi ċkunitna waħda mill-akbar
stennija fil-jiem tal-festa tar-raħal kienet li jarmaw il-gabbani u mmorru
nixtu hot dog, bezzun imsaħħan fil-fwar b’zalzetta fih u bi ftit fażola
biz-zalza fuqu. Għalina kienet tkun xi ħaġa speċjali għax dan it-tip ta’ ikel
konna nsibuh biss fil-jiem tal-festa minkejja li huwa xi ħaġa ħafifa ħafna biex
tippreparah id-dar. Insomma għalina t-tfal ta’ dawk is-snin kienet tkun l-aqwa
ikla li konna nistennewha b’ħerqa minn festa għal oħra, minn sena għal sena.
Din ma hijiex xi ħaġa li oriġinat Malta, imma addottajnieha u addattajna
r-riċetta tagħha għalina.
Il-kelma hot dog tista’ tirreferi
għaż-zalzett biss. Iz-zalzett li oriġinarjament kien ikun użat għall-hot dog huwa
msejjaħ Wiener, jiġifieri zalzett ta' Vjenna jew inkella Frankfurter jew
Frankfurter Würstchen, imsejjaħ ukoll Frank. L-ismijiet ta’ dan iz-zalzett bosta
drabi jirreferu għad-dixx magħmul minnhom. Il-preparazzjoni u l-kondimenti
tal-hot dog ivarja madwar id-dinja. Kondimenti tipiċi jinkludu mustarda,
ketchup, basal fiz-zalza tat-tadam u zalza tal-ġobon. F’xi postijiet il-hot dog
ikun jinkludi basal imqatta’ jalapeños,
ġobon maħkuk, coleslaw jew bacon. Dawn it-tipi ta’ zalzett kienu jkunu
importati fl-Istati Uniti mill-Ġermanja u saru popolari ħafna fil-pajjiżi
kollha. Il-hot dog kien sar l-ikel tat-triq tal-klassi tal-ħaddiema fl-Istati
Uniti u kien ikun mibjugħ minn gabbani u karettuni armati apposta b’dan l-ikel.
Forsi ftit jafu li l-hot dog sar assoċjat mill-qrib mal-baseball u minħabba
l-popolarità ta’ dan l-isport, daħal ħelu ħelu fil-kultura Amerikana.
Jekk insemmu l-bezzun nistgħu
ngħidu li dan ikun magħmul minn ħobż artab, li fost il-furnara kien magħruf
bħala ħobż tal-Franċiż. Dan il-ħobż huwa differenti mill-ħobż Malti u fost
l-ingredjenti tiegħu nsibu x-xaħam jew il-butir, ingredjent li ma ssibux fil-ħobża
Maltija. Il-proċess ta’ dan it-tip ta’ ħobż huwa wkoll differenti minn dak
tal-Malti għax dan għandu bżonn is-sħana u l-fwar qabel ma jiddaħħal fil-forn.
Jekk il-ħobża Maltija tinħabeż, jiġifieri tiddaħħal fil-forn biex tissajjar,
fuq il-qiegħa tal-forn, il-bezzun tal-ħobż tal-Franċiż jissajjar fi pjanċa.
Frankfurter u Wiener
Il-kelma “Frankfurter” ġejja minn
Frankfurt, il-Ġermanja, fejn oriġina z-zalzett tal-majjal simili għal dak li
jintuża fil-hot dogs. Dan iz-zalzett, li jissejjaħ ukoll Frankfurter Würstchen,
kien magħruf sa mis-seklu 13 u sar aktar popolari meta beda jitqassam lill-poplu
fil-festi tal-inkurunazzjonijiet imperjali. Din id-drawwa bdiet fl-inkurunazzjoni ta' Massimiljanu II, Imperatur
tas-Sagru Imperu Ruman fl-1564. Il-kelma "Wiener" tirreferi
għal Vjenna, il-belt kapitali tal-Awstrija, li bil-Ġermaniż tissejjaħ Wien.
Hemm kien hemm ħanut tal-laħam li beda jagħmel zalzett magħmul minn taħlita ta’
majjal u ċanga waqt li z-zalzett ta’ Frankfurt kien ikun fih laħam tal-majjal
biss. Johann Georg Lahner, biċċier li għex bejn l-aħħar tas-seklu 18 u l-bidu
tas-seklu 19 mill-belt ta’ Coburg, jingħad li ġab il-Frankfurter Würstchen fi
Vjenna, fejn żied iċ-ċanga mat-taħlita u sempliċement sejħilha Frankfurter. Illum
il-ġurnata, fil-pajjiżi li jitkellmu bil-Ġermaniż, ħlief l-Awstrija, iz-zalzett
tal-hot dog jissejjaħ Wiener jew Wiener Würstchen.
Mhux magħruf sewwa min beda l-prattika
li jservi ż-zalzett fil-bezzun. Waħda mill-iktar stejjer kredibbli tgħid li Harry
M. Stevens, li kien ibigħ l-ikel imsajjar, waqt li kien qed jaħdem fin-New York
Polo Grounds fl-1901, ġiet f’moħħu l-idea li juża bziezen tal-ħobż Franċiż biex
iżomm iz-zalzett minħabba li kienet spiċċat il-karta strazza li kienu qed jużaw
biex iservi z-zalzett. Storja oħra tgħid li wieħed imigrant Ġermaniż jismu Anton
Ludwig Feuchtwanger, minn Frankfurt, kien pijunier fil-ħolqien tal-hot dog li
nafu llum. Huwa kien ibigħ iz-zalzett fuq karettun fit-toroq. Billi dan
iz-zalzett kien ikun jaħraq, huwa kien jipprovdi ngwanta lil min kien jixtri
zalzatta, biss ħafna drabi ix-xerrej kien jibqa’ sejjer bl-ingwanta u kif
ngħidu bil-Malti lil dan Feuchtwanger kienet tiġih iz-zalza ogħla mill-ħuta jew
biex nibqgħu fl-istess argument kienet tiġih l-ingwanta ogħla miz-zalzetta.
Għalhekk martu jingħad li ssuġerietlu li z-zalzett jibda jbigħu f’bezzun
tal-ħobż Franċiż. Xi wħud jgħidu li dan Feuchtwanger introduċa z-zalzett
fil-bezzun fl-1904 waqt il-Louisiana
Purchase Exposition.
Illum
Il-hot dog tal-lum ma għadux dak
li konna nsibu nixtru mill-gabbani tal-festi nofs seklu ilu. Illum inbidel
fid-dehra u sirt issibu servut anke fi ħwienet tal-ikel, speċjalment f’menu
għat-tfal. Biss ma rridux naħsbu li dan huwa ikel għat-tfal biss. Fl-Amerika,
fejn wara kollox oriġina l-hot dog, isiru kompetizzjonijiet tal-hot dogs
fosthom Nathan's Hot Dog Eating Contest li jsir kull nhar l-4 ta’ Lulju fi
Brooklyn, New York, kompetizzjoni li ilha ssir mill-1972 u li għaliha jkunu
l-adulti li jieħdu sehem. Is-sena l-oħra rebaħ din il-kompetizzjoni raġel li
kiel 62 hot dog.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' Awwissu 2024
Nessun commento:
Posta un commento