Il-mistiċi, jiġifieri
dawk il-persuni li jkollhom esperjenza mistika, li tfisser li bniedem ikun qrib
Alla b’tali mod li fih jew bih iseħħu għeġubijiet, ma humiex nies li għexu eluf
jew mijiet ta’ snin ilu. Sal-lum għadna nsibu minn dawn in-nies iżda minħabba
l-ħajja mgħaġġla li ngħixu fiha u minħabba l-ħafna aljenazzjonijiet li għandha,
għandna mnejn lanqas nindunaw bihom jew ma nagħtux każ meta jkun hemm xi ħaġa
miktuba dwarhom.
Fil-Calabria
Fin-Nofsinhar tal-Italja,
sewwasew fir-reġjun tal-Calabria sa ftit snin ilu kienet tgħix waħda mara
mistika li kull ma jmur aktar qegħdin nisimgħu dwarha u dwar xi kwalitajiet jew
qawwiet li kellha. Din il-mara kien jisimha Fortunata Evolo imma kulħadd kien
jafha bħala Natuzza. Hija twieldet qrib Mileto, sewwasew f’ Paravati nhar it-23
ta’ Awwissu 1924 u mietet fir-raħal li twieldet fih fl-1 ta’Novembru tas-sena
2009.
Twieldet f’familja fqira
ħafna fejn il-missier kien telaq lejn l-Arġentina u ħalla lil martu u lil
uliedu bħall-Erbgħa fost il-ġimgħa bla ebda sold. It-tfulija ta’ Natuzza xejn
ma kienet waħda feliċi, anzi nistgħu ngħidu li kienet waħda ta’ tbatija kemm
materjalment minħabba l-faqar kif ukoll emozzjonalment. Omm Natuzza, Maria
Anġla, minkejja li żewġha kien telaq, xorta baqgħet twelled it-tfal u din
il-ħaġa kienet fuq fomm ir-raħħala kollha. Uliedha kienu meqjusin bħala frott
id-dnub u għalhekk kellhom ibatu minn ċkunithom minħabba lsien in-nies.
Esperjenzi mistiċi
Natuzza Evolo |
Jingħad li Natuzza
rat lill-Madonna l-ewwel darba meta kellha madwar 5 snin imma ma ndunatx li
kienet Hi. Evolo stess tgħid: “Lanqas kont naf min kienet il-Madonna, imbagħad
bdejt naraha spiss meta kelli tmien snin. Tfajla sabiħa, tifla ħelwa.” Il-Verġni
mqaddsa kienet tidhrilha bħala tfajla ta’ bejn il-15 u s-16-il sena, liebsa
l-abjad, ftit il fuq mill-art, b’karnaġġjon skur, għajnejn kbar ta’ lewn skur
bħal xagħarha.
Waqt li ommha
kienet tara kif ser taqla’ xi ħaġa biex titma’ lil uliedha, Natuzza, li kienet
għadha daqxejn ta’ tifla, kienet tieħu ħsieb ħutha. Kienet iddur il-fran forsi
tiddobba ħobża minkejja li kienet spiss tiġi mgħajra. Aktar ma kienu jkunu
koroh jiemha, aktar kien ikollha dehriet minn dik it-tfajla samra. Xi kultant
dik is-“Sinjorina” kienet tieħu l-ħajja u tersaq lejn is-sodda ta’ Natuzza u
tħares lejha b’dik il-ħlewwa ta’ omm, ħarsa li forsi Marija Anġla qatt ma
setgħet tħarsilha.
Ħjiel minn
ħajjitha
Natuzza, fl-14 ta’
Awwissu, 1943, iżżewġet lill-mastrudaxxa Baskal Nicolace, sena akbar minnha,
bil-prokura, għax iż-żagħżugħ kien inġabar bil-lieva fl-armata minħabba t-tieni
gwerra dinjija u kien jinsab fuq il-front tal-battalja. Minn dan iż-żwieġ
twieldu ħamest itfal.
Id-dar ta’ Natuzza
laqgħet fiha eluf ta’ nies li fittxew il-mistrieħ tal-qalb u tar-ruħ. Imma dan
ma kienx biżżejjed. Hija qalet li x-xewqa tal-Madonna hija li fil-qrib tinfetaħ
dar kbira biex min ikollu bżonn isib ftit serħan il-qalb. Fil-fatt twaqqfet
għaqda biex tieħu ħsieb twettaq din ix-xewqa.
Tul ħajitha Natuzza
kellha ssofri ħafna. Kienu infetħulha l-pjagi u kien hemm bosta
manifestazzjonijet sopranaturali oħrajn li seħħew ma’ din il-mara
mill-Calabria.
Kienu l-5.15 sewwa, l-1
ta’ Novembru 2009 meta Natuzza Evolo, wara lejl impressjonanti u ta’ tbatija
straordinarja, ħadet l-aħħar nifs. Hemm ħafna x’wieħed iżid ma’ dan li ktibt jien, Dan huwa biss farka.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' Il-Mument - 26 ta' Awwissu 2018
Nessun commento:
Posta un commento