Is-safar huwa
mezz li jiftaħlek moħħok għax permezz tiegħu tista’ tiltaqa’ ma’ kulturi ġodda,
nies ġodda, tara drawwiet differenti minn dawk li tkun imdorri bihom. Illum
is-safar sar faċli ħafna. illum biex issiefer sar aktar faċli milli kien fi
żmien il-bużnanna biex tmur sal-Belt!
Bis-saħħa
tal-Unjoni Ewropea u aktar tard biż-żona Shengen, l-ivjaġġar f’parti kbira
tal-ewropa sar qisu dak li jkun sejjer minn belt għal oħra. Dan ma jfissirx li
s-safar tagħna huwa limitat għal din iż-żona biss jew għall-pajjiżi Ewropej
biss. Tiskanta kemm hawn min iżur pajjiżi li lanqas qatt ma tkun ħlomt bihom
biex ma ngħidx qatt ma tkun smajt bihom. Imma l-aktar popolari magħna l-Maltin
jibqgħu l-pajjiżi Ewropej.
Waħda mill-ibliet
li saret poplari magħna dawn l-aħħar snin hija Madrid, il-kapitali ta’ Spanja.
Sewwasew fil-qalba ta’ din il-belt meraviljuża wieħed isib il-pjazza bl-isem Puerta del Sol. Tajjjeb ngħidu xi ħaġa
dwarha għall-benefiċċju ta’ dawk li xi
darba jżuruha u għall-informazzjoni ġenerali ta’ dawk l-oħrajn li ma għandhomx
ħajra jmorru sa Spanja.
Pjazza li tissejjaħ bieb?
Puerta del Sol |
Puerta del Sol ma
tfisser xejn għajr Bieb ix-xemx. Allura għandna mnejn nistaqsu kif il-pjazza
tissejjaħ hekk. Isem il-pjazza ġej mill-bieb antik li kien l-ewwel bini ta’ din
il-pjazza. Qegħdin nitkellmu fis-seklu XII mhux ilbieraħ! Meta Madrid saret
il-belt kapitali Spanjola minflok Toledo fis-seklu XV qrib dan il-bieb bdew
telgħin bosta binjiet li kienu jservu għall-amministrazzjoni tal-pajjiż. Billi
f’dawn il-binjiet kien hemm dak kollu li l-poplu tal-qrib kien ikollu bżonn, ma
damx wisq biex dan il-post sar il-fus tal-ħajja ta’ Madrid. F’din il-pjazza
beda jiltaqa’ l-poplu ta’ din il-belt għal kull manifestazzjoni, f’din
il-pjazza l-poplu ta’ Madrid beda jsib il-mistrieħ tiegħu u f’din il-pjazza
bosta namrati kienu jwegħdu mħabbithom lil xulxin. Fi ftit kliem din il-pjazza
saret il-qalba, iċ-ċentru tal-belt kollha.
Aktar tard bdew
jinbnew binjiet oħrajn bħalma huwa dak li llum iservi bħala uffiċċju tal-Kunsill
li oriġinarjament kien l-uffiċċju tal-posta.
Ħajja
Illum Puerta del
Sol hija ċentru ħaj li fih issib minn kollox. It-turisti kollha li jżuru Madrid
b’xi mod jew ieħor iżuru din il-pjazza, jew tal-inqas jippruvaw jgħaddu minnha mqar
bil-karozza. Meta wieħed jieqaf fiha jsib bosta ħwienet, isib jixtri minn
kollox, u meta ngħid minn kollox wieħed irid jifhem li kollox ifisser kollox!!
Matul il-lejl hawnhekk isir ċentru ta’ divertiment. Bosta lokali ta’
divertiment huma mifruxin mad-dawra tal-pjazza u fil-qrib tagħha, lokali li
jattiraw kull tip ta’ ġenerazzjoni, minn dik żagħżugħa sa dik anzjana. F’Puerta del Sol kulħadd isib fejn jiddeverti. Puerta del Sol huwa l-post l-aktar
attiv anke bil-lejl.
L-Ors
L-arma ta' Madrid |
Bejn Calle de
Alcalá u Carrera de San Jerónim, żewġ toroq li jwasslu għal Porta del Sol,
insibu statwa ta’ ors wieqaf ma’ siġra. Bosta jistaqsu x’inhu dan l-ors. L-arma
tal-belt ta’ Madrid turi sewwasew ors wieqaf ma’ siġra u dan il-monument juri
dak li turi l-arma tal-post. Minkejja li l-pjazza hija waħda antika sewwa, din
l-iskultura hija relattivament ġdida. Kienet inawgurata fl-1967 wara li nħadmet
mill-artist Spanjol Antonio Navarro
Santafé (1906-1983). Biex ngħidu d-dritt, il-post li fih qegħda llum mhux dak
oriġinali minkejja li kienet fl-istess pjazza. Din tpoġġiet fil-post tal-lum fl-1986.
F’din il-pjazza
nsibu wkoll il-famuż Kilometru Żero. Minn dan il-post f’din il-pjazza jitkejlu
d-distanzi fi Spanja. Meta jgħidu li minn
Madrid sa xi belt oħra Spanjola hemm daqshekk jew daqshell kilometri
jkunu bdew jitkejlu minn hawnhekk.
L-aħħar tas-sena
F’din il-pjazza
jinġabar il-poplu ta’ Madrid u t-turisti li jkun hemm fil-belt nhar l-aħħar ta’
kull sena. Hawn isiru l-festaġġjamenti biex jagħlqu s-sena li tkun spiċċat u
jagħtu merħba lis-sena l-ġdida. Hija drawwa li ftit qabel idoqq nofsillejl
jindaqqu tnax-il tokk ta’ qanpiena mill-palazz tal-Kunsill Lokali. Bejn kull
tokk ikun hemm bejn wieħed u ieħor tliet sekondi. Hemm drawwa li ma’ kull tokk
dawk li jkunu fil-pjazza jieklu għenba. F’nofsillejl fost l-għajat u l-ferħ,
max-xampanja u l-briju tinxtegħel tabella bil-kliem “Feliz” u l-annu li jkun
beda.
It-tabella famuża |
La qed insemmi
t-tabelli ma nistax ma nsemmix tabella famuża li nsibu f’din il-pjazza. Fuq
waħda mill-binjiet naraw tabella ġganteska tax-xarba Tio Pepe. Din hija xarba,
sherry, li bdiet issir fl-1844. Il-produtturi tagħha ħasbu biex jirreklamaw din
ix-xarba fl-aktar parti popolari ta’ Madrid u għamlu din it-tabella fl-1936.
Maż-żmien it-tabella saret Land Mark
ta’ Madrid. Fl-2011 din it-tabella tneħħiet iżda wara tliet snin reġgħet sabet
postha tiddomina din il-pjazza.
Din hija l-qalba
ta’ Madrid, il-belt kapitali Spanjola li għandha ħafna u ħafna x’toffri lil min
iżurha, imma għandha pjazza bi storja twila li meta wieħed iżur il-belt ikun
qed jonqos jekk ma jżuriehx naqra.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Awwissu 2018
Nessun commento:
Posta un commento