Niftakar meta kont għadni
nistudja Napli, filgħaxija konna niltaqgħu fis-sala tat-televiżjoni biex naraw
l-aħbarijiet, jew naqraw il-gazzetta, ngħidu kelma jew nieħdu grokk flimkien.
JIen u nqalleb il-gazzetti kont nara logħba li mhix tisliba jew xi ħaġa simili,
kaxxa li fiha jkollha disa’ kaxxi weqfin u disa’ kaxxi mindudin jiġifieri
wieħed u tmenin kaxxi u mbagħad kull disa kaxxi, tlieta wiefqa u tlieta
minduna, jiffurmaw kaxxa oħra li flimkien jiffurmaw disa’ kaxxi b’disa’ kaxxi.
Naqra ikkomplikata l-biċċa jekk ma tkun qatt rajt din il-logħba. Staqsejt
x’inhi u ma kienx hemm wisq min jaf x’kienet, iżda wieħed student qalli: “Dik
Sudoku, trid timla l-kaxxi z-zgħar bin-numri mill-1 sad-9 bla ma jkunu rripeturi,
u dan mhux kollox, kull linja, wieqfa jew minduda jrid ikun fiha n-numri mill-1
sad-9 bla ma jkun hemm l-ebda numru rripetut.” Ħsibt li kienet ħaġa tqila
ħafna, imma dan il-ħabib poġġa ħdejja u bdejna naħdmu din il-logħba flimkien.
Ikolli ngħid li
għoġbitni, anzi nkun aktar sinċier jekk ngħid li sirt adict għaliha u ta’ kull filgħaxija kont immur fis-sala fejn sħabi,
niftaħ il-gazzetta u noqgħod naħdem is-Sudolu. Tant kont sirt inħobbha din
il-logħba li darba s-surmast kien ġibidli l-attenzjoni u qalli li filgħaxija
qatt ma nkun magħhom. Meta għidtlu li kellu żball qalli li nkun fis-sala
magħhom imma l-preżenza tiegħi tkun finta, għax inkun mitluf fis-Sudoku. Ikolli
nistqarr li wara tant snin din il-logħba loġika għadha taffaxxinani u kif nara
waħda quddiemi dlonk infittex lapes bies nibda naħdimha.
Il-logħba fil-ġurnal Le Siècle |
Dan l-aħħar ġietni
l-kurżità dwar din il-logħba u fittixt ftit dwarha. Billi llum anke fil-ġurnali
Maltin insibu s-Sudoku, nixtieq naqsam magħkom ftit tagħrif dwarha.
Oriġini
L-ewwel forma ta’ din
il-logħba bdiet tidher fil-ġurnal Franċiż Le
Siècle lejn tmiem is-seklu XIX, sewwasew fid-19 ta’ Novembru 1892. Din ma
kinitx is-Sudoku tal-lum, imma nistgħu ngħidu li tat bidu għaliha. Ftit snin
wara, nhar is-6 ta’ Lulju 1895, gazzetta Franċiża oħra, kompetitriċi ma’ dik li
għadni kemm semmejt, ħarġet b’logħba aktar raffinata. Il-logħba fil-gurnal La France kienet aktar tixbah lis-Sudoku
li nilgħabu aħna llum. Dawn il-logħbiet kienu jidhru fil-gazzetti Franċiżi
darba f’ġimgħa u bosta ġurnali oħrajn bdew huma wkoll jippubblikawhom, iżda bejn
l-ewwel u t-tieni gwerra dinjija ma bqajniex naraw aktar minn dan il-logħob fuq
il-gazzetti. Tajjeb ngħidu wkoll li dan il-logħob kien jissejjaħ Carré magique, jiġifieri kwadru maġiku.
Sudoku moderna
Sudoku f'ġurnal Malti |
Il-logħba tal-lum bdiet
tidher fuq ġurnal Amerikan fl-1979. Kien l-Arkitett irtitrat Howard Garns li ta’ 74 sena beda iforni lil
dan il-ġurnal b’din il-logħba. Garns miet fl-1989 mingħajr ma laħaq ra l-logħba
tiegħu ssir fenominu internazzjoanli. Lanqas nafu jekk hu kienx jaf bil-ġurnali
Franċiżi li madwar mitt sena qabel kienu jippubblikaw l-antenati tal-logħba
tiegħu. Isem il-logħba issa kien sar Number
Place.
Fl-1984 il-logħba kienet
introdotta fil-Ġappun mill-ġurnal Monthly
Nikolist. L-isem ġdid tagħha sar Sūji
wa dokushin ni kagiru li jfisser In-numru jrid ikun wieħed biss. Iżda dan
l-isem kien twil wisq u għalhekk l-editur tal-ġurnal ħa l-ewwel ittri tal-aktar
kelmiet importanti fl-isem u temm bl-U minflok bl-A u hemmhekk twieldet
il-kelma Sudoku. Min hawn din il-logħba ħadet isimha, isem li tafu d-dinja
kollha.
Madwar id-dinja
Il-ġurnali Ingliżi minn
dejjem kienu magħrufin għat-tislibiet li jkollhom fihom. Nhar it-12 ta’
Novembru 2004 The Times Ingliża bdiet
tippubblika din il-logħba b’mod regolari bl-isem ta’ Su Doku. Il-logħba dlonk
intgħoġbot mill-qarrejja u fi ftit ġimgħat kull ġurnal Ingliż beda jkollu
s-Sudoku fih. Il-ġurnali Ingliżi jkollna nammettu li għadhom sal-lum jinfluwenzaw
il-ġurnaliżmu globali u għalhekk ma setax jonqos li xi ħaġa li kisbet daqstant
suċċess fl-Ingliterra ma tkunx ikkupjata mill-ġurnali tad-dinja.
Sudoku online |
Kien hawn li jien sirt
midħla ta’ din il-logħba, kont insibha fil-ġurnal La Repubblica. U pajjiżna mhux eċċezzjoni. Kull ġurnal Malti llum
issiblu s-Sudoku, hawn minnhom li jkollhom waħda kuljum u hawn oħrajn li fihom
ma ssibhiex daqshekk spiss. Minbarra dan, illum issib kotba li jkun fihom
Sudoku biss, mijiet ta’ logħbiet fi ktieb wieħed. Dawn il-kotba huma adattati
ħafna għal waqt xi vjaġġ fit-tul, fuq il-ferrovija jew fuq xi coach. Illum issib is-Sudoku anke fuq
l-internet. Insibu wkoll varjazzjonijiet tal-logħba imma l-bażi hija dejjem
l-istess.
Hawn jiġi f’moħħi Patri
Ġorġ Grech, Alla jaħfirlu. Meta kont il-kunvent tal-Birgu u ta’ kull filgħodu
mal-kafè kont noqgħod naħdem is-Sudoku, kuljum preċett kien jistaqsini jekk dik
il-puzzle hix bil-Malti jew
bl-Ingliż. Miskin kien jinsa!
X’dinja wara daqxejn ta’
logħba għandek tgħid hux?
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento