Kull twemmin reliġjuż
għandu dak il-bini jew tal-inqas post li għalih huwa sagru, huwa l-post fejn
tiġi eserċitata l-fidi. Hekk insibu li t-tempju kien l-aktar post qaddis
għal-Lhud imma mbagħad kellhom, u għad għandhom is-sinagogi. Għall-Insara hemm
il-knisja, imma xi drabi nitħawdu meta nsemmu ismijiet differenti għal postijiet
fejn isir il-kult Nisrani; knisja, kappella, santwarju, katidral, bażilika, kolleġġjata,oratorju.
Dawn huma kollha ismijiet li jirreferu għal xi post fejn fih l-Insara jinġabru
biex iqimu lil Alla. Malta ma għandiex id-drawwa li nsejħu xi knisja Duomo bħalma hemm fl-Italja. Jiġri li ħafna
drabi nistaqsu meta għandna nsejħu post knisja u meta tkun kappella.
Ismijiet
Minkejja li l-ilsien
Malti huwa wieħed semitiku madanakollu t-terminoloġija, il-kliem li nużaw fejn
tidħol il-Knisja u t-twemmin Nisrani huwa fil-parti l-kbira tiegħu Romanz, ġej
mit-Taljan. Dan wieħed malajr jifhmu għaliex l-ilsna Semitiċi aktarx huma
marbutin mat-twemmin Musulman filwaqt li l-ilsna Romanzi aktar huma marbutin
mal-Kristjaneżmu. Biss noqgħodu attenti għax din hija t-tendenza u mhux
ir-regola.
Knisja parrokkjali ta' San Pawl ir-Rabat |
Il-kelma
<<Knisja>> aktarx ġejja mill-Grieg Κυριακή (kyriake) li ġejja
mill-kelma κυριακός (kuriakós) li
tirreferi għal xi ħaġa li hija tal-Mulej. Κυριακή tfisser ukoll il-jum
tal-Ħadd, il-jum tal-Mulej. Din il-kelma inbidlet skont il-post imma ħafna
jsostnu li l-għeruq tagħha huma dawk Griegi. Irridu nżommu f’moħħna wkoll li
bil-kelma knisja nistgħu nifhmu dik l-għaqda li waqqaf Kristu kif ukoll l-edifiċju
fejn isir il-kult. Għal-Latini l-Knisja ta’ Kristu kienet Ecclesia filwaqt li l-post fejn jiltaqgħu kien jissejjaħ Domus, li tfisser dar għax fil-verità
l-ewwel Insara ma kellhomx knejjes fejn jiltaqgħu imma kienu jiltaqgħu f’xi
sala ta’ dar mislufa lilhom minn xi għani. Illum niddistingwu l-Knisja ta’
Kristu mill-knisja tal-ġebel billi l-ewwel waħda niktbuha b’K kbira filwaqt li
l-oħra tinkiteb b’k żgħira. Anke l-kelma latina kienet ġejja mill-Grieg εκκλησια,
(eklesia). L-influwenza ta’ din il-kelma nxterdet sewwa kif inxtered ukoll
it-tagħlim Nisrani. Fid-dinja Ġermanika l-kelma saret Kirika jew Kerke, illum
bil-Ġermaniż kirche, bl-Olandiż kerk u bl-Ingliż church. Fid-dinja Latina l-kelma ecclesia baqgħet tiddomina u għalhekk insibu li fit-Taljan din
il-kelma saret chiesa, fil-Franċiż église u fl-Ispanjol iglesia. Il-Malti nassumi li ħa l-isem
mill-Grieg għalkemm fl-Għarbi il-kelma għal knisja hija كنيسة, (kenisa). Hu x’inhu l-għeruq kollha qegħdin
fl-ilsien Grieg.
Knisja wkoll hija kull
bini li jservi ta’ post ta’ kult ċentrali għall-parroċċa. Kull parroċċa għandha
l-knisja parrokkjali li fiha jsiru l-magħmudijiet u għalhekk ikollha l-fonti
batteżimali, iż-żwiġijiet u l-funerali minbarra s-sagramenti l-oħra kollha.
Magħmudijiet jistgħu jsiru barra mill-knisja parrokkjali nhar Sibt il-Għid,
iżda tiġijiet jistgħu jsiru fi knejjes oħra fil-parroċċa li jkunu sagramentali,
jiġifieri jkollhom pemess li fihom jiġi ċċelebrat is-sagrament taż-żwieġ.
Funerali aktarx isiru fil-knejjes parrokkjali iżda ġieli jkun hemm każi fejn ma
jsirx hekk. Il-Griżma tal-Isqof normalment issir fil-knisja parrokkjali iżda
jista’ jkun hemm eċċezjonijiet.
Kappella
Il-kelma kappella li
wkoll tintuża għal xi bini li fih issir il-liturġija ġejja mill-Franċiż chapele li fl-aħħar mill-aħħar ġejja
mil-Latin cappella li tflisser kappa
żgħira. Kappa żgħira jew chapele kien
il-mantell ta’ San Martin ta’ Tours li qasam mal-fqajjar inċerċer li kien ra
fit-triq. Hawn mhux sejrin noqghħodu nidħlu fl-istorja ta’ San Martin u x’rabta
kellu mat-twelid tal-kelma chapele. Kappella
oriġinarjament kienet tirreferi għal post fi knisja li fih kienu jinżammu
r-relikwi tal-qaddisin. Illum għadna nsibu kappelli laterali fil-knejjes tagħna
kif ukoll il-kappella tas-sagrament.
Kappella taċ-ċimiteru tal-Addolorata |
Kappella aktarx tkun
tagħmel parti minn xi bini ieħor. Għalhekk insejħulhom hekk il-kappella
tal-isptar, il-kappella taċ-ċimiterju, il-kappella tal-ħabs, il-kappella
tal-ajruport eċċetra, huma knejjes li nsibuhom f’bini akbar. Kappella wkoll
tissejjaħ dik li fiha jsiru l-konklavi biex jintgħażel papa ġdid. Il-kappella Sistina
fil-palazzi tal-Vatikan tagħmel parti minn bini akbar. Imma mhux l-istess meta
niġu biex nirreferu għall-knejjes konventwali jew li jkunu parti minn xi kunvent
tal-patrijiet. Dawn ma nsejħulhomx kappella imma knisja bħal pereżempju
l-knisja ta’ San Mark ir-Rabat, il-knisja tal-Kapuċċini l-Furjana jew il-knisja
ta’ San Franġisk ta’ Putrijal. Dawn huma knejjes li jagħmlu parti minn binja
akbar.
La qed insemmu l-kunvneti
tajjeb nagħmlu d-distinzjoni bejn kunvent u monasteru. Sa żmien San Franġisk u
San Duminku, (seklu XIII) kienu jeżistu biss monasteri. Monasteru huwa l-post
għall-irħieb, dawk li jgħixu ħajja axxetika u spiss f’iżolament. Monasteru
ġejja minn Mono stare, toqgħod
waħdek. Fil-monasteri l-irħieb kien ikollhom speċi ta’ appartament kull wieħed,
b’biċċa art biex jaħdmuha u jgħixu għal rashom minkejja li jkunu f’binja waħda
bħal ma kienu u għadhom xi wħud mill-Benedittini. Monasteru jissejjaħ ukoll
il-post fejn joqgħodu s-sorijiet tal-klawsura. Kunventi bdejna nsibuhom
mat-twaqqif tal-Franġiskani u d-Dumnikani, issa nbdiet forma ġdida ta’ ħajja
flimkien, con vivere, tgħix flimkien,
kliem li minnu ħarġet il-kelma <<kunvent>>. Mela l-patri joqgħod
fil-kunvent, ir-raħeb joqgħod fil-monasteru imma billi hawn Malta ma għandniex
irħieb lanqas għandna monasteri maskili iżda għandna monasteri ta’ sorijiet
tal-klawsura bħal pereżempju ta’ Sant’ Ursula l-Belt jew ta’ Santa Skolastika fil-Birgu.
Knejjes żgħar
Kappella ta' San Ġorġ Birżebbuġa |
F’pajjiżna hawn numru
kbir ta’ kappelli fil-kampanja. Minkejja li dawn ma jagħmlux parti minn xi
binja akbar xorta waħda ma nsejħulhomx knisja. F’dan il-każ għandna t-tendenza
li nsejħulhom kappelli minħabba d-daqs tagħhom. Ġeneralment il-kappelli
fil-kampanja tagħna huma ċkejknin u kienu jservu biss biex lill-bdiewa u
lir-raħħala li kienu jgħixu bogħod mill-parroċċa sabiex dawn kienu jkunu
jistgħu jsibu fejn jaqdu l-ħtiġijiet spirtwali tagħhom. Illum xi wħud minn dawn
il-kappelli ma għadhomx fl-imwarrab u sabu ruħhom fil-qalba tal-belt jew raħal
li sekli ilu kien jidher imbiegħed.
Iżda kappelli żgħar ma
jinstabux biss fil-kampanja. F’bosta rħula qodma Maltin insibu għadd ta’
knejjes żgħar fil-qalba. Araw ir-Rabat, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi jew iż-Żejtun.
Kemm kappelli hemm fil-qalba ta’ dawn l-irħula antiki? Bosta minnhom inbnew
bħala wegħda minn xi familja nobli.
Xi kappelli ngħidu li
huma ġuspatronat. Dan iffisser li dak il-bini jkun inbena minn xi ħadd u
ħallieh lill-familja tiegħu biex tieħu ħsieb hi u għalhekk il-binja ma tkunx
parti mill-parroċċa. Eżempju ta’ dan insibu l-kappella tad-Duluri f’ Ħaż-Żebbug
u dik ta’ San Franġisk ta’ Pawla f’ Ħal Qormi. Bħal dawn insibu bosta oħrajn.
Aktar kappelli
Jissejħu kappelli wkoll
dawk il-knejjes żgħar li fihom issir adorazzjoni matul il-ġurnata kollha. Dawn
jistgħu jkunu jew xi kappella antika li lum qed isservi għal dan il-għan bħal
dik ta’ Sant’ Antnin u Santa Katarina f’Birkirkara u ħafna oħrajn jew binja
ġdida li nbniet għal dan il-għan jew infetħet għal dan il-għan bla ma qatt kienet
kappella, bħalma nsibu Tal-Pietà ħdejn il-knisja parrokkjali tal-Madonna ta’
Fatima jew Ħaż-Żebbuġ dak li huwa maghħruf bħala ċ-Ċenaklu. Dawn ukoll jissejħu kappelli, kappelli
tas-sagrament. Kappelli jissejħu wkoll
dak il-postijiet ġodda li qegħdin iservu lill-poplu li jgħix qribhom. Bħala eżempju
nistgħu nsemmu dik ta’ Mlit fil-Mosta jew tas-Sagra Familja f’Ħal Qormi.
Mhux faċli tgħid eżatt
id-differenza bejn kappella u knisja għax it-tnejn iservu għall-istess għan
imma kif rajna hemm anke rwoli differenti.
Tafu li lanqas
l-enċiklopedija ma tagħti definizzjoni eżatta tad-differenza bejn kappella u
knisja!
© Fr Reno Muscat
Monasteru Santa Skolastika Birgu |
Kunvent San Duminku Rabat |
Kappella Tal-Adorazzjoni B'Kara (Sant; Antnin u Santa Katarina) |
Nessun commento:
Posta un commento