Fi żmien il-festi tal-bliet u l-irħula tagħna spiss naraw statwi ta’ anġli
fuq xi pedestall isebbħu t-toroq tagħna u jagħtu bixra festiva lill-ambjent
Malti. Imdorijin bl-anġli tal-festa, imma kemm nafu fuqhom sewwasew?
F’bosta tradizzjonijiet reliġjużi, l-anġlu huwa ħolqien spiritwali li xogħlu
huwa li jaqdi lil Alla jew lill-allat kif ukoll jista’ jkun għas-servizz
tal-bniedem tul il-mixja spiritwali tiegħu f’din id-dinja. Ir-reliġjonijiet
kbar kollha, dawk li jemmnu f’Alla wieħed, jemmnu fl-eżistenża ta’ dawn
l-ispirti. Għalhekk insibuhom fit-tradizzjoni Lhudija, Nisranija, kemm
kattolika, Ortodossa kif ukoll Protestanta u jemmnu fihom ukoll il-Musulmani.
Ladarba dawn jemmnu f’dawn l-ispirti qaddisa li qegħdin hemm biex jaqdu
lill-ħallieq, jeżisti wkoll it-twemmin dwar dawk l-anġli li rribellaw u spiċċaw
imkeċċijin mis-saltna u qegħdin taħt it-tmexxija ta’ Satana.
Anġeloloġija
L-istudju dwar l-anġli jissejjaħ anġeloloġija. F’dan l-istudju nsibu li
kull anġlu huwa keatura spiritwali ta’ razza unika. Jiġifieri kull anġlu huwa
razza għalih u b’hekk ma jistax jimmultiplika – sewwasew kif qattus u kelb ma
jistgħux jipproduċu flimkien għax huma żewġ razez differenti minkejja li
t-tnejn li huma jaqgħu taħt il-klassi ta’ annimali. San Tumas ta’ Akwinu
fis-Summa Teoloġika jagħtina l-ġerarkija ta’ dawn l-anġli. Fuq nett insibu
s-Serafini, il-Kerubini u t-Troni. Warajhom insibu lill-Ħakmiet li San Tumas
isejjaħ: Dominazzjoni, Virtù u Setgħat li l-istess qaddis jaħti l-isem ta’ Potestà.
Fl-aħħar faxxa nsibu l-Prinċipati, l-Arkanġli u l-Anġli.
Fuq l-istess linja nsibu l-istudju ta’ dawk l-anġli ribelli li tkeċċew
mill-ġenna. Dan l-istudju jissejjaħ Demonoloġija. Dan l-istudju nsibuh sew fost
l-Insara kif ukoll fost dawk ta’ fidi Lhudija. Min jistudja dan il-qasam ma
jfissirx li jkun imsieħeb max-xitan, anzi huwa studju importanti għal-linji
gwida tal-Knisja.
Arkanġli
Mal-gradi ta’ fuq nett ftit li xejn għandna familjarità aħna l-bnedmin.
Nafu b’xi każi fejn dehru xi serafini, bħal meta San Franġisk irċieva l-pjaġi
ġewwa La Verna meta Kristu deherlu bħala serafin, iżda l-aktar li aħna familjai
magħhom huma l-Arkanġli. It-tradizzjoni tgħidilna li dawn huma seba’: Mikiel,
Gabrijel, Rafel, Urjel, Barakiel, Jeħudjel u Sealtjel. Minn dawn ukoll hemm
l-aħħar erba’ li ftit li xejn nafu dwarhom. L-ewwel tlieta nafuhom aktar.
Mikiel li ismu jfisser: Min hu bħal Alla, insibuh imsemmi b’ismu fl-Ittra
ta’ Ġuda [Ġud:1:9]. Huwa dak li ħadha kontra l-anġli ribelli u rebħilhom.
Gabrijel ifisser Il-qawwa ta’ Alla. Lil dan l-Arkanġlu nsibuh fil-ktieb
tat-Testment il-Qadim ta’ Danjel [Dan:8:16]. Rafel ifisser Alla jfejjaq. Fil-ktieb
ta’ Tobit niltaqgħu ma’ dan l-arkanġlu bosta drabi, għalkemm huwa msejjaħ biss
anġlu u mhux arkanġlu.
Il-kostodju
It-twemmin tagħna wkoll jgħallimna li kull wieħed u waħda minna għandu
Anġlu kustodju, anġlu li Alla jagħti lil kull bniedem biex jigwidah, jieħu
ħsiebu u jbegħdu mill-perikli. Dwar dawn l-anġli l-Insara Protestanti ma tantx
jaqblu minkejja li ma jinnegawhomx. Santa Ġemma Galgani, il-qaddisa mistika
minn Capannori fit-Toscana, tgħid li kienet titkellem mal-anġlu kustodju
tagħha. Qaddisin oħra kellhom kuntatt mal-anġlu kustodju tagħhom b’xi mod jew
ieħor. Fost dawn hemm San Pietru, San Tumas ta’ Akwinu, San Franġisk ta’
Assisi, San Franġisk ta’ Sales, Santa Franġiska Romana u San Piju ta’
Pietralcina.
Hemm bosta aktar x’wieħed iżid dwar dawn il-ħlejjaq spiritwali, imma hawn
tajna ħarsa ħafifa dwarhom.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 19 ta' Awwissu 2018
Nessun commento:
Posta un commento