L-Italja, bħalma bosta jafu, għandha l-forma ta’ żarbuna bit-tromba għolja.
Ħafna minna huma familjari ma’ Ruma, Firenze, Milan, Venezja u postijiet oħra
li huma min-nofs il fuq tal-Italja. Dawn l-aħħar snin kiber l-interess f’Napli
minħabba li f’Malta għandna ħafna dilettanti tal-presepju u hemmhekk isibu
l-ġenna tal-art fejn jidħol id-delizju tagħhom. Imma llum tajjeb nitfgħu
ħarsitna aktar l isfel, lejn il-Calabria.
Ħalli nerġgħu nsemmu ż-żarbuna tat-tromba; il-Calabria tiġi fil-wiċċ
tas-sieq, mill-wiċċ sal-qiegħ imma mhux l-għarqub jew it-takkuna. Dan ir-reġjun
ma jagħmilx għajb lill-kumplament tar-reġjuni Taljani għaliex fih ġmiel kbir
minkejja li ftit huwa magħruf.
Magna Graecia
Din il-parti tal-peninsola, flimkien ma’ parti mill-Puglia, parti minn
Campania, il-Basilicata u Sqallija kienu jgħixu fihom bosta Griegi għall-ħabta
tat-tmien seklu qabel Kristu. Minħabba dan il-fatt ir-Rumani kienu laqqmu lil
dawn l-inħawi bħala Magna Graecia, li
tfisser il-Greċja l-Kbira. Mela nistgħu ngħidu li din il-faxxa kienet tasal sa
ftit bogħod minn artna. Billi l-Griegi kienu nies ta’ kultura u għerf kbir, ma
jistax jonqos li anke meta telqu pajjiżhom u bdew jgħixu f’dik l-art li llum
insibuha bħala n-Nofsinhar tal-Italja, ħadu magħom id-drawwiet kif ukoll
l-għerf ta’ pajjiżhom. Sal-Medjuevu dawn il-partijiet kollha ġew Taljanizzati
iżda l-bini li kienu bnew baqa’ wieqaf hemm biex ikun xhud ta’ dawk
iż-żminijiet tad-deheb.
L-isem
L-isem ta’ Calbria aktarx oriġina fit-tielet seklu qabel Kristu. Dan l-isem
kien jirreferi mhux biss għal fejn insibu l-Calabria llum iżda kien jiġbor fih
anke l-parti ta’ isfel tal-Puglia, jiġifieri t-takkuna taż-żarbuna wkoll. Dik
li llum hija Calabria kienu jsejħulha Bruttium, li ġej mil-laqam li kienu
jsejħu bih lin-nies tal-akwati, Brutti!
L-Imperu Biżantin ħoloq id-Dukat tal-Calabria li wkoll kien jiġbor fih il-parti
tat-takkuna. Biż-żmien il-parti ta’ isfel tal-Puglia ma baqgħetx tagħmel parti
minn dan ir-reġjun u l-Calabria sar reġjun kif nafuh illum. Tajjeb ngħidu li
l-Griegi din il-parti kienu jsejħulha Italja, dak l-isem li biż-żmien bdiet
ntissejjaħ il-peninsula kollha.
Turiżmu
Bħal kull reġjun ieħor, il-Calabria għandha l-kapitali tagħna jew dak li
jissejjaħ Capo Luogo. Catanzaro taqsi
din il-funzjoni. F’din il-belt fost bosta attrazzjonijiet turistiċi nsibu
l-pont magħruf imsejjaħ Il Ponte Bisantis.
Dan il-pont li sar wara nofs is-seklu li għadda huwa wieħed mill-itwal
pontijiet fl-Ewropa, huwa twil kważi -470 metru u għoli 112-il metru, imma
l-ħaġa tal-għaġeb f’din l-istruttura hi li huwa magħmul minn arkata waħda biss
minkejja l-għoli u t-tul. Il-katridral tal-post ukoll fih storja interessanti,
Kien mibni fuq fdal ta’ katidral Norman u fir-Rinaxximent kien modernizzat,
iżda fit-tieni gwerra dinjija ntlaqat mill-bombi u kellu jerġa’ jiġi mibni
mill-ġdid. Catanzaro hemm bosta ġonna sbieħ fejn wieħed jista’ jqatta’ ftit ħin
ta’ mistrieħ u sliem.
Qaddisin
San Franġisk ta' Paola |
Il-Calabria tiftaħar li fiha twieled wieħed mill-qaddisin Taljani, fundatur
ta’ordni tal-patrijiet. Dan huwa San Franġisk, mhux dak ta’ Assisi imma ta’
Paola. Paola huwa raħal qrib Cosenza, anzi jagħmel parti mill-provinċja ta’
Cosenza. Fil-Calabria hemm devozzjoni qawwija lejn dan il-qaddis u bosta rġiel
iġibu ismu. Francesco mill-Calabria aktarx li jiċċelebra l-onomastiku tiegħu
fit-2 ta’ April, jum il-festa ta’ San Franġisk ta’ Paola u mhux fl-4 ta’
Ottubru nhar San Franġisk ta’ Assisi.
La qed insemmu l-qaddisin tajjeb insemmi daqxejn ta’ raħal li jġib l-isem
ta’ Soriano. Min hu devot ta’ San Duminku żgur li ġieli sema’ b’dan l-isem
minkejja li għandu mnejn ma jkunx jaf fejn hu. Soriano Calabro insibuh qrib Vibo Valentia.
Jingħad li hemmhekk, f’kunvent tad-Dumnikani kienet dehret il-Madonna lil
wieħed Fra u ħallietlu pittura ta’ San Duminku għaliex fil-knisja ma kienx hemm
sa dak iż-żmien. Din il-pittura għadha tinstab fil-knisja tad-Dumnikani
f’Soriano Calabro fejn jiċċelebraw il-festa tal-qaddis nhar il 15 ta’
Settembru.
Baħar u aktar
Żgur li aħna l-Maltin ma għandniex għalfejn insiefru biex nitpaxxew
bil-ġmiel tal-baħar għax pajjiżna huwa mogħni b’bajjiet mill-isbaħ. Xejn inqas
sbieħ huma l-bajjiet tal-Calabria.
Pizzo Calabro huwa post ma’ xatt il-baħar li fih ġmiel naturali kbir, baħar
nadif u sabiħ ħafna. Tropea ma jagħmilx għajb lil Pizzo għax ukoll hemm wieħed
fejn jitpaxxa. Dawn iż-żewġ postijiet jinstabu fil-provinċja ta’ Vibo Valentia.
Ma’ din il-provinċja wkoll insibu r-raħal bl-isem Capo Vaticano li ta’ min
iżuru wkoll. U nsomma nistgħu nibqgħu sejrin.
Imma l-Calabria mhux baħar biss, ma nistgħux ninsew il-kċina ta’ dan
ir-reġjun. Kemm l-ikel kif ukoll il-ħelu li jsiru hawnhekk għandhom palat
tassew tajjeb. Jekk tħobb l-ikel jaħraq hawnhekk għandek issib il-ġenna tal-art
għax il-bżar aħmar jużawh f’kollox. Jien li l-ikel pikkanti ma jdejjaqnix, ma
kienx irnexxileix niekol il-peperoncino moqli!
Is-sigriet wara dan il-ġmiel kollu huwa s-sempliċità li għad hemm f’din
il-parti mhux tant magħrufa tal-Italja
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 15 ta' Settembru 2018
Nessun commento:
Posta un commento