venerdì 28 settembre 2018

Ħobb – u agħmel li trid!


Santu Wistin
Wieħed mis-sentimenti tal-bniedem li l-aktar nisimgħu jew nitkellmu dwaru huwa l-imħabba. Wieħed mill-aktar suġġetti popolari fil-kitba tar-rumanzi jew fil-produzzjoni tal-films huwa l-imħabba. L-imħabba nistgħu ngħidu wkoll li tgħin fit-tidwir tar-rota tal-ekonomija għaliex jintefqu bosta flejjes biex jiġi muri dan is-sentiment; minn warda jew kartolina sa ċurkett tad-djamanti jew rigali oħra li jiswew il-belli liri. Hu x’inhu l-imħabba hija sentiment li kulħadd għandu u kulħadd għandu l-modi tiegħu kif juriha.

L-imħabba iżda tista’ tkun vera jew falza. Imħabba vera tibqa’ għal dejjem, dik falza ma ddumx ma tintemm. Santu Wisitn għandu frażi famuża ħafna dwar l-imħabba: Ħobb u agħmel li trid. Xi jrid ifisser bil-kliem “Agħmel li tird”? Dan il-qaddis kbir jaf li jekk l-imħabba tkun ġenwina, dak kollu li tagħmel huwa sewwa. Huwa qiegħed jirreferi għal imħabba vera umhux waħda kosmetika jew egoistika.

Xi tħobb?
Kemm-il darba niġu wiċċ imb wiċċ ma’ din il-mistoqsija? Xi tħobb tiekol, xi tħobb taqra, xi tħobb tagħmel fi tmiem il-ġimgħa, xi tħobb tara fuq it-televiżjoni? Elf mistoqsija! Din hija tip ta’ mħabba li lkoll għandna minnha. Hija l-gosti ta’ dak li jkun. Billi aħna lkoll differenti allura anke l-gosti tagħna ma jistgħux ikunu l-istess. Il-gosti jidħlu f’kollox – fl-ikel, fil-moda, fid-divertiment u nsomma f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-bniedem. U mnalla huwa hekk għax bis-saħħa tal-gosti, kif jgħid il-Malti: il-baqra tinbiegħ kollha!

Imħabba oħra hija dik li tissejjaħ passatemp: min iħobb iġemma l-bolli min iħobb imur għall-kaċċa, min iħobb il-futbol u min iħobb it-tiġrijiet taż-żwiemel. Hawn tajjeb niġbdu l-attenzjoni; mhux sewwa li wieħed biex igawdi l-passatemp tiegħu jdejjaq lil ħaddieħor. Kull passatemp hemm ħinu u postu. Meta wieħed jeżerċita l-passatemp tiegħu f’post mhux adattat jew fi żmien jew ħin mhux propizju, ikun qed juri l-arroganza tiegħu. Ħalli nerġa’ lura lejn il-kliem tal-Isqof ta’ Ippona, Wistin. Mela jekk tħobb tista’ tagħmel li trid, imma ma tistax tkun tħobb passatemp imma ma tħobbx aktar minnu lil għajrek. Il-grad tal-imħabba lejn għajrek għandu jkun bil-wisq aktar minn l-imħabba lejn il-mogħdija taż-żmien tiegħek. Għalhekk jgħidlek “Agħmel li trid” għax qiegħed jassumi li lill-bnedmin tħobbhom aktar minn kollox.

Uża u armi
Illum qegħdin ngħixu f’dinja tad-disposables, uża u armi. Tassew li dan l-aħħar snin intbaħna li ma jistax ikun li nibqgħu nużaw u narmu u għalhekk daħlet l-idea li nerġgħu nużaw jew li nirriċiklaw. Imma kemm ilħaqna nġarrejna mill-idea tal-uża u armi? Illum kif titwieled tarbija tiddaħħal fid-dinja tal-uża u armi. Fejnhom dawk il-ħrieqi ta’ dari? U tgħid il-mara tal-lum mhux sejra toqgħod tgħalli u tħasel dawk il-ħrieqi bojod bħalma kienu jagħmlu l-ommijiet ta’ madwar nofs seklu ilu! U biex ngħidu d-dritt lanqas fadlilha ħin illum il-mara tagħmel dak ix-xogħol. Allura l-ewwel ilbies li jitpoġġa fuq tarbija tat-twelid ikun ħarqa  disposable!

U x’ma nsibux disposable illum? Lanqas irrid insemmi għax ma nieqaf qatt. Biss din il-mentalità daħlet ukoll fejn tidħol l-imħabba. Uża u armi, biddel meta tixba’, ixtri l-ġdid u l-antik warrbu, eħles minnu, neħħih minn quddiem għajnejk. Din hija t-tendenza tal-bniedem tat-tielet millenju. U sfortunatment il-mentalità ta’ uża u armi daħlet ukoll fejn jidħlu l-bnedmin. Il-proprjetarju, id-direttur ma għadux iħares aktar lejn il-ħaddiem bħala xi ħadd li għandu jħobb għax qiegħed imexxilu l-intrapriża tiegħu il quddiem imma bħala biċċa għodda li la ma taqdix xogħolha sewwa jibdilha. U viċi versa, anke l-impjegat ma għadux iħobb lill-imgħallem tiegħu u jara fih bħala dak li qed jipprovdilu l-ħobża ta’ kuljum imma bħala bniedem li qed jistgħana minn fuq dahru. Iż-żewġ każijiet huma żbaljati għaliex ma fihomx imħabba ġenwina imma mħabba eġoċentrika, imħabba li ddur fuq il-persuna nnifisha bla ma tati kont ta’ dak li hemm lil hinn mill-persuna.

Il-kunċett ta’ uża u armi sar ukoll popolari fost il-koppji. Fejn tispiċċa l-imħabba li darba jkunu ħolmu biha, li jkunu wegħdu lil xulxin? Possibbli li mħabba vera tista’ tmut għal kollox? Hawn nikwota qaddis ieħor, San Pawl. Dan jgħidilna li l-imħabba taf tistabar u tħenn u fost ħwejjeġ oħra fuq kollox jgħid li l-imħabba ma tintemm qatt. (kantiku tal-imħabba, 1Kor:13:1-8) Hawn Pawlu wkoll bħal Wistin qed jitkellem dwar imħabba vera, dik li jekk ikollok minnha tista’ tagħmel li trid għax żgur mhux ser tagħmel xi ħaġa kontra tagħha.

Ħobb u agħmel li trid għax ma tistax tgħix bla mħabba. Dan huwa sentiment għani li kull bniedem għandu ġewwa fih, imma sfortunatament mhux dejjem jitħaddem sewwa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 29 ta' Settembru 2018





Nessun commento:

Posta un commento