venerdì 7 settembre 2018

Misraħ San Ġorġ


L-aktar pjazza ċentrali fil-Belt Valletta hija bla dubju dik li nsibu quddiem il-palazz. Sa minn meta nbniet il-Belt Kapitali tagħna, din kienet iġġib dan l-isem imma hemm min isejħilha Misraħ il-Palazz, anzi biex ngħidu s-sewwa kein hemm żmien fejn il-plakek li juru l-isem ta’ din il-pjazza fuq naħa kienu juru li dik hija Pjazza San Ġorġ u fuq in-naħa l-oħra kienu jgħidu li dik il-pjazza kienet iġġib l-isem ta’ Misraħ il-Palazz. Illum dan l-iżball ma għadux jeżisti u l-pjazza uffiċjalment tissejjaħ għall-qaddis li semmewha għalih il-Kavallieri ta’ Malta.

Il-Palazz
Jiddomina lil din il-pjazza nsibu l-Palazz. Sa minn meta nbniet din il-belt, dan il-bini dejjem kien ta’ importanza fit-tmexxija tal-Gżejjer Maltin. Hemm kien jamministra lil pajjiżna kull Gran Mastru minn La Cassier il quddiem. Kien il-Gran Mastru Pietro del Monte, dak li kompla x-xogħol, jew aħjar fi żmienu kompla x-xogħol fuq il-belt mibnija mill-Ġentlomi għall-Ġentlomi, li tefa’ għajnejh fuq din il-biċċa art u ħolom li sewwasew fil-qalba tal-belt jinbena palazz li jservi għall-amministrazzjoni tal-pajjiż. La Cassier bena l-palazz oriġinali fuq pjanta tal-Malti Ġlormu Cassar. Maż-żmien dan il-palazz tkabbar u kompla jissebbaħ biex huwa dak li hu llum. Ejjew inħallu żmien il-Franċiżi għaliex dawn kienu snin ta’ taqlib politiku minkejja li kienu qosra. Mad-daħla tat-tmexxija Brittanika fuq pajjiżna, dan il-Palazz sar il-Palazz tal-Gvernatur. Għal darba oħra sar il-post tat-tmexxija. Sa ftit snin ilu l-parlament Malti kellu postu f’dan il-bini, anzi ngħidu li żewġ swali minnu servew bħala sede tal-Parlament Malti sakemm fl-2015 dan bidel postu u mar fid-daħla tal-Belt fil-bini ta’ Renzo Piano.
Sal-lum dan il-palazz għadu jservi bħala uffiċċju tal-President ta’ Matla. Fih ukoll insibu l-Armenija li tista’ tiftaħar b’waħda mill-akbar kollezzjonijiet ta’ armi fid-dinja.

Main Guard
Parata militari f'misraħ San Ġorġ
Sewwasew  faċċata tal-palazz insibu binja li meta tqabbilha mal-maestrija tal-palazz tidher umli. Qed nirreferi għal dik il-binja li nsejħulha l-Main Guard. Dan il-bini sar biex iservi bħala post għall-gwardja li kienet taqdi lill-palazz u tħares lill-Gran Mastru u lid-dinjitarji l-oħra kollha li kienu jkunu fil-palazz. Isem din il-binja oriġinarjament kien Guardia della Piazza. Il-portiku li naraw illum fil-faċċata tal-Main Guard mhux minn dejjem kien hemm, anzi ma huwiex parti mill-pjanta oriġinali. Dan żdied fl-1814 mill-Ingliżi, kif turi biċ-ċar l-arma minquxa fil-ġebel li tidher fuq dan il-portiku.
Dejjem affaxxinani l-fatt li dan il-bini huwa mibni fuq sular wieħed mill-parti tal-faċċata, ħaġa rarissima fil-Belt Valletta fejn l-ispazju huwa limitat. Naf li fil-Belt hemm dar fi Triq l-Ifran, kanturniera ma’ Triq San Duminku li wkoll għandha sular wieħed biss.

Ġrajjiet importanti
F’din il-pjazza seħħew xi wħud mill-ġrajjiet ta’ pajjiżna li baqgħu mniżżlin fl-istorja. Fiż-żewġt itruf tal-bini tal-Main Guard naraw żewġ funtani mill-isbaħ li kważi huma l-uniċi dekorazzjonijiet ma’ din il-faċċata. Kien propju f’din il-pjazza li meta fl-1614 tlesta l-akwadott kien jasal l-ilma mir-Rabat għall-Belt. Sena wara saret funtana mill-isbaħ biex tfakkar dan l-avveniment għax sa dak iż-żmien il-Belt Valletta kienet tiddependi biss mill-ilma tal-bjar. Fejn il-funtana saret ukoll kolonna bid-delfini skolpiti fuqha biex tfakkar il-wasla tal-ilma hemmhekk. Illum dik il-funtana tinstab fi ġnien fil-Furjana filwaqt li l-kolonna jingħad li tneħħiet mill-post fi żmien il-Kavalieri stess, aktarx fi żmien Pinto.

Meta fl-1882 f’Malta daħal id-dawl elettriku dan il-misraħ kien minn tal-ewwel li ġie mdawwal. Fil-fatt f’dik is-sena stess saru l-fanali tad-dawl elettriku hemmhekk biex idawlu lil dan il-misraħ matul il-lejl.

L-għoti tal-George Cross 
Din il-pjazza lum reġa’ tpoġġa fiha l-monument tas-Sette Giugno. Hawnhekk kien il-post fejn ra folol jifirħu imma ra wkoll il-folol jiġġieldu għad-drittjiet tagħhom bħall-ġrajja tas-7 ta’ Ġunju 1919, ġrajja mdemmija li wasslet lill-ħakkiema ta’ dak iż-żmien jagħtu lil Malta Kostituzzjoni fl-1921. Illum il-munument tal-artist Anton Agius jinsab f’Misraħ San Ġorġ biex ifakkar din il-biċċa mill-istorja ta’ Malta. F’din il-pjazza wkoll pajjiżna kien onorat bil-midalja tal-George Cross. It-tieni gwerra dinjija xejnma kienet ħanina għalina l-Maltin u biex jiġi rikonoxxut il-kuraġġ li bih issieltu l-Maltin spalla ma’ spalla mal-Brittaniċi, ġew onorati b’din il-midalja li turi qlubija. Kien propju f’din il-pjazza, mimlija terrapien u dak kollu li ħalliet il-gwerra li nhar il-15 ta’ April 1942 pajjiżna ngħata din il-midalja li sal-lum għadha tidher fuq il-bandiera nazzjonali tagħna. Dan l-avveniment għadu mfakkar permezz ta’ rħama li nsibu f’dan il-misraħ mal-ħajt tal-Palazz. Ħaġa oħra li rajna f’din il-pjazza hija t-tapit tal-fjuri li kesa l-art tagħha, ħaġa li qatt ma konna rajnieha qabel.

Illum Misraħ San Ġorġ ingħata id-dehra li tixraqlu, misraħ, li sewwasew ifisser post fejn tistrieħ. Fih insibu bankijiet fejn wieħed jista’ jpoġġi bilqegħda u jossorva l-ħajja għaddejja minn dan il-post ċentrali fil-belt kapitali tagħna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 8 ta' Settembru 2018








Nessun commento:

Posta un commento