venerdì 10 gennaio 2020

Krakovja


Waħda mill-ibliet l-aktar popolari mat-turist Malti saret il-belt Pollakka ta’ Krakovja. Minkejja li din mhix il-belt kapitali ta’ dan il-pajjiż, fiha bosta attrazzjonijiet li tħajjar lil dak li jkun iżurha. Hija belt mimlija ħajja u attività. Fiha l-belt il-qadima, imdawra bi ġnien dawra mejt u ’l barra minn dan il-ġnien tkompli din il-belt meraviljuża.



Farka storja
Krakovja hija waħda mill-akbar bliet li nsibu fil-Polonja. Fiha jgħixu aktar minn seba’mija u ħamsin elf ruħ, Bħal kull belt antika, din tinsab mibnija maġenb xmara għaliex l-ilma minn dejjem kien element li mingħajru ma tistax twaqqaf belt. Ix-xmara li tgħaddi minn Krakovja jisimha Vistula. Din ix-xmara hija twila aktar minn elf kilometru u tgħaddi minn bosta bliet Pollakki oħrajn bħal Varsavja, il-kapitali tal-pajjiż, Gdansk u tispiċċa fil-Baħar Baltiku.

Hemm leġġenda li tgħid li fil-post kien jgħix dragun. Kienu bosta dawk il-kavallieri li ppruvaw jeqirduh imma kollu ta’ xejn għax spiċċaw jittieklu huma minn dal-kiefer dragun. Imma Krakus ħadem mod ieħor. Dan il-kavallier minflok mar jiġġieled mad-dragun beda jitimgħu ħrief avvalenati sakemm id-dragun miet. Fuq l-għar fejn kien jgħix id-dragun dan Krakus bena l-kastell tiegħu u waqqaf il-belt ta’ Krakovja. Xi għadam tad-dragun iddendlu fid-daħla tal-katidral tal-post li nsibu fil-limiti tal-kastell Wavel mibni minn Krakus. Illum nafu li dan l-għadam, li għadu mdendel fil-post, aktarx huwa jew ta’ xi balena jew ta’ mammoth, annimal estint antenat tal-iljunfant.

L-istorja ta’ Krakovja hija waħda twila u mqallba. Ma nistgħux ma nsemmux parti mill-aktar kerha tal-istorja ta’ din il-belt. Bħal ħafna bliet oħra li matul it-tieni gwerra dinjija kienu taħt il-ħakma tan-Nażisti, fiha saru bosta atti tal-biża kontra ċ-ċittadini l-aktar dawk ta’ nisel Lhudi.

Il-fabbrika ta’ Oskar Shindler
Naħseb ħafna rawh il-film Shindler’s List. Dan jirrakkonta l-istorja ta’ industrijalist Ġermaniż li kellu fabbrika fi Krakovja. Hu kien iħaddem bosta Lhud u bis-saħħa ta’ hekk ħelishom minn mewt ċerta. Illum il-bini ta’ din il-fabbrika inbidel f’mużew li juri minn xiex għadda l-poplu ta’ Krakovja matul is-snin tal-aħħar gwerra dinjija.

Fil qrib ta’ dan il-mużew kien jinsab il-getto tal-Lhud u għalhekk ma jistax jonqos li hemm bosta tifkiriet ta’ dawn il-paġni suwed tal-istorja tal-bniedem. Fadal biċċa żgħira mill-ħajt li kien idawwar il-getto biex jissegrega lil-Lhud mill-kumplament tad-dinja.

Interessanti hija l-pjazza li kienet tagħmel parti mill-getto. Illum f’ din il-pjazza nsibu għadd ta’ siġġijiet kbar tal-bronż, kollha vojta. Dan huwa monument għal dawk l-eluf ta’ Lhud li minn din il-pajzza tgħabbew biex imorru fil-kampijiet ta’ konċentrament. Hawnhekk huwa post prominenti fl-istorja tax-Shoah, il-ġenoċidju ta’ sitt miljun Lhudi pjanat minn Adolf Hitler.

Qaddis ta’ żmienna
F’din il-belt serva bħala arċisqof San Ġwanni Pawlu II. Minkejja li huwa ma kienx minn Karakovja, ta’ żagħżugħ għadda ħafna żmien f’din il-belt. Kienet is-sena 1978 meta l-Unesco iddikkjarat lill-Belt ta’ Krakovja bħala sit ta’ wirt storiku dinji. Fis-16 ta’ Ottubru ta’ dik is-sena Karol Wojtyła intgħażel bħala l-mexxej tal-Knisja Kattolika, papa mhux Taljan wara 455 sena.

Dan il-Papa twieled u għex bosta snin f’Wadowice, raħal mhux wisq bogħod minn Krakovja. Hemm illum ukoll sar post ta’ turiżmu reliġjuż grazzi għal dan il-bniedem li nistgħu insejħulu kien sar il-Kappillan tad-dinja. Bosta jmorru jżuru Wadowice u jsibu li quddiem il-knisja parrokkjali ta’ dan ir-raħal hemm pjazza li fl-art tagħha hemm l-ismijiet tal-artijiet li żar il-Papa Ġwanni Pawlu II. Isem pajjiżna huwa mniżżel ukoll, għax wara kollox żar Malta akar minn darba.

Santa Marija
Fil-pjazza ewlenija ta’ Krakovja nsibu knisja kbira u sabiħa ddedikata lil Santa Marija. Fuq l-artal maġġur tal-knisja nsibu opra mill-isbaħ. It-titular huwa trittiku sulturat, xogħol ta’ bejn is-snin 1477 u 1489. Fin-nofs naraw lil Marija mtellgħa s-sema filwaqt li fil-ġnub naraw sitt panewijiet skulturati b’siltiet mill-ħajja tal-Madonna.  Minn fuq wieħed mill-kampnari ta’ din il-bażilika tindaqq fanfarra bit-tromba kull siegħa. Il-fanfarra tieqaf sobtu u ma tintemmx. Dan isir biex jitfakkar l-għassies li kien fuq dan il-kampnar fl-1241. Meta t-Tatari resqu lejn Krakovja biex jattakkawha, dan l-għassies qabad it-tromba u beda jdoqqha biex jagħti sinjal tal-periklu li kien fil-qrib iżda vleġġa sparata mit-Tatari nifditlu għonqu u qatlitu waqt li kien qed idoqq. Din il-fanfarra, jew aħjar il-biċċa li tindaqq minnha, tindaqq kuljum, kull siegħa kuljum u dik ta’ nofsinhar tixxandar fuq ir-radju mal-Polonja kollha.

Dan huwa ftit, anzi ftit ħafna minn dak li wieħed jista’ jgawdi meta jżur Krakovja. Żgur li żjara hemmhekk tibqa’ f’moħħ dak li jkun!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' Jannar 2020


Nessun commento:

Posta un commento