Fost il-ħxejjex aromatiċi li nsibu f’bosta djar tagħna hemm
il-pjanta tan-nagħniegħ. Ir-riħa qawwija ta’ din ix-xitla tagħti palat tajjeb
l-aktar f’ikliet fuq bażi ta’ ħut, għalkemm in-nagħniegħ ma jintużax biss
mal-ħut imma hemm vatrjetà kbira ta’ riċetti li fihom tidħol il-werqa ta’ din
il-ħaxixa b’togħma distinta.
Il-pjanta tan-nagħniegħ insibuha tikber nistgħu ngħidu
mal-erbat irjieħ tad-dinja għaliex hija pjanta li ma tridx wisq kura, tippreferi
ħamrija umduża iżda kapaċi tirreżisti ambjenti aktar xotti. Insibu madwar
għoxrin kwalità differenti ta’ nagħniegħ, kollha b’dik it-togħma qawwija
tagħhom. Forsi għalhekk din il-ħaxixa tikber fid-dinja kollha għaliex bil-bosta
speċi li nsibu tagħha, bosta ambjenti huma tajbin għalihom.
Wieħed mill-iżvantaġġi ta’ din il-pjanta hija li ma ddumx
wisq ma tinfirex u tikber bil-konsegwenza li timla’ l-post fejn tkun u għandha
t-tendenza li toħnoq pjanti oħrajn. Għalhekk tajjeb wieħed iżommha f’qatgħa
għaliha waħdeha jew jekk tkun se titkabbar f’ammonti żgħar, tinżam f’qasrija.
Ħaxixa
prezzjuża
Fl-Evanġelju skont San Luqa u f’dak skont San Mattew insibu
riferiment għal din il-pjanta. Kristu kien qed joħodha mal-Fariżej li skont Hu,
kienu jħallsu d-dieċmi fuq il-ħxejjex li jixtru, fosthom in-nagħniegħ u mbagħad
ma jagħtux każ il-liġi ta’ Alla (Mattew Kapitlu 23 vers 23 u Luqa Kapitlu 11
vers 42). Ejjew inħallu barra il-moral ta’ dan il-fatt u niffukaw dwar
id-dieċmi li li jissemmew.
Id-dieċmi kienet taxxa imposta fuq il-bdiewa u fuq dawk li
jrabbu l-bhejjem. Kienet parti minn kull għaxra jew biex nifthemu aħjar għaxra
fil-mija mill-profit. Ladarba n-nagħniegħ jissemma li kienet titħallas it-taxxa
fuqu bilfors li kien hemm kummerċ tajjeb tiegħu. Tajjeb insemmu l-ħxejjex
l-oħra li jissemmew miegħu f’dawn l-Evanġelji li semmejt biex b’hekk nieħdu
stampa aktar ċara ta’ xi ħxejjex kienu jintużaw fil-Lvant madwar elfejn sena
ilu. F’Mattew insibu l-busbież u l-kemmun filwaqt li f’Luqa niltaqgħu
mal-fejġel iżda dan iżid il-kliem “u fuq kull xorta ta' ħxejjex”. Mela naslu
għall-konklużjoni li dawn il-ħxejjex kienu jintużaw ħafna mil-Lhud.
Iżda mhux biss il-Lhud kienu u għadhom jużaw in-nagħniegħ. Madwar
id-dinja nsibu bosta popli li jużaw il-weraq ta’ din il-pjanta fil-platti
tagħhom.
Il-mojito
u l-aš-šhāy
Mojito |
Il-werqa tan-nagħniegħ insibuh ukoll f’xi xarbiet. Popolari
ħafna l-aktar fl-Amerika ta’ Isfel huwa dak imsejjaħ Mojito. Jekk ser issaqsi
għalih f’xi ħanut tax-xorb kun af sewwa kif għandek tipproninzja l-isem għax
għandu nmejn tal-bar ma jifhmekx. L-isem billi huwa Kuban jinqara “Moħito”,
għax fl-Ispanjol il-J tinstema’ bħala Ħ. Il-mojito fih rum abjad, zokkor, meraq
tal-limunċell, ilma tal-gass u titpoġġa fit-tazza fergħa ċkejkna tan-nagħniegħ.
Xarba tabilħaqq tajba u rinfreskanti. Jingħad li din ix-xarba oriġinat bħala mediċina,
biss illum hija xarba popolari ħafna fil-barijiet.
It-te tan-nagħniegħ jew kif isejħulu fl-Afrika ta’ fuq; aš-šhāy
huwa popolari ħafna kemm mal-poplu Afrikan kif ukoll ma’ dawk li jżuru xi
pajjiż Afrikan li jmiss mal-Mediterran. It-te jissajjar b’mod normali u
fl-aħħar ftit waqtiet jintefa l-weraq tan-nagħniegħ mieħgu. Dan huwa wieħed
mis-sigrieti li jagħmel it-te tan-nagħniegħ speċjali. Jekk in-nagħniegħ jintefa
mill-bidu dan jagħti togħma mhux daqstant pjaċevoli. Hekk kif ikun lest it-te,
jitferra miż-żennuna tal-kitla mill-għoli u dak li jkun qed iferra iressaq iż-żenuna bil-mod lejn
it-tazza. Insomma hemm sengħa anke kif isir dan it-te u kif jitferra’.
Darba kont qed nisma’ taħdita ta’ wieħed saċerdot Malti.
Kien is-sajf u ssuġġerixxa li nibdew nixorbu l-ilma li jkun fih in-nagħniegħ
miegħu. Kien qal li għandna nimlew flixkun ilma, nitfgħu fih xi friegħi
tan-nagħniegħ u nħalluh fil-fridge. Meta jonqos l-ilma kemm inżiduh. Din hija
xarba faċli u tassew rinfreskanti u fuq kollox bla kaloriji.
Mediċina
u aktar
Għidna li l-mojito kien jintuża bħala mediċina, u tajjeb
ngħidu wkoll li n-nagħniegħ għadu jintuża sal-lum b’għadd ta’ mediċini jew
minħabba l-proprjetajiet li fih jew inkella għat-togħma tiegħu. Madanakollu
hemm min jew ma jħobbx it-togħma tiegħu jew inkella jekk jieħu minnu jikkawżalu
l-problemi bħal dijarea jew uġigħ ta’ ras fost oħrajn.
Il-pjanta tan-nagħniegħ kienet meqjusa mill-Griegi antik
bħala l-pjanta tal-ospitalità u għalhekk kienu jħallu qasrija fid-daħla ta’
darhom biex jagħtu merħba lil min iżurhom. Minbarra dan, il-pjanta kienet
tħalli riħa friska fid-dar. Illum ukoll għad hawn min iħalli pjanta minn dawn
biex ikollu riħa tfuħ fid-dar tiegħu.
In-nagħniegħ huwa wkoll tajjeb biex ikeċċi ċerti nsetti
minn darna. Ir-riħa qawwija tiegħu tagħti fastidu lil xi nsetti. Jgħidu li din
il-pjanta tkeċċi liż-żnażan u lin-nemel kif ukoll tbiegħed il-wirdien minn
djarna. Ta’ min jipprova.
Tajjeb ikollok nagħniegħa d-dar, ara kemm użu fiha din
il-pjanta!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta' Jannar 2020
Nessun commento:
Posta un commento