
Il-liġi tan-natura
Darba kont qiegħed fuq programm tar-radju u ħin minnhom jien semmejt
ir-regola. Mhux sejjer noqgħod nidħol
fis-suġġett li konna qegħdin nitkellmu fuqu għax mhux importatni għall-argument
tagħna. Parteċipanta fil-programm dlonk qaltli li r-regola jagħmilha l-bniedem
u għax fid-dinja ma hemm l-ebda regola. Jien ma stajtx naqbel magħha għaliex
hemm xi ħaġa li hija il fuq mill-bniedem li tirregola kollox. Hemm in-natura!
Xorta waħda din il-persuna baqgħet tinsisti miegħi li l-ebda regola ma hija
naturali imma r-regoli jagħmilhom il-bniedem. Biex nirribatti dak li kont għidtilha
qabel, ġibtilha eżempju li nixtieq naqsmu magħkom: Ir-regola tgħidilna li kelb
ikollu ras, denb, ġisem u erba’ saqajn. Naħseb li ħadd ma jista’ jgħid li din
mhux regola ġenerali għal kull kelb li jeżisti fid-dinja. Issa jekk kelb ikun
bla denb jew jitwieled bi tliet saqajn xorta waħda jibqa’ kelb, xorta jibqa’
jifforma parti mir-razza tal-klieb, imma qatt ma nista’ noħodha bħala regola li
kelb huwa annimal bla denb jew bi tliet saqajn. Ir-regola, jew aħjar dak li hu
normali ma niddeterminawhx int jew jien iżda hemm il-liġi tan-natura. Din hija
l-ewwel liġi, liġi li trid jew ma tridx torbtok magħha.
Liġi ċivili
Illum kull stat għandu l-kostituzzjoni tiegħu. Insomma hawnhekk qed
niżbalja għaliex mhux kull stat modern għandu kostituzzjoni. Tafu li r-Renju Unit
ma għandux kostituzzjoni? B’dan ma jfissirx li ma hemmx xi forma ta’ regola jew
liġi. Fir-Renju Unit hemm kostituzzjoni mhux miktuba għaliex kollox jimxi fuq
il-liġijiet li jgħaddu mill-parlament. Insomma sistema kkomplikata li ma tistax
tifisser fi ftit kliem. U dan mhux
l-uniku stat li juża din is-sistema.
Il-kostituzzjoni hija l-ogħla liġi f’ pajjiż biss imbagħad hemm liġijiet
oħrajn li jinħarġu minn żmien għal żmien għat-tmexxija sewwa tal-istat u
għall-istabilità bejn il-poplu. Il-liġijiet ċivili, bħal kull liġi oħra,
qegħdin hemm biex jitħarsu u jekk dawn jinkissru hemm piena li trid tinġarr.
Il-piena tvarja skont il-gravità tar-reat. Piena tista’ tkun multa ta’ flus,
jew xi żmien il-ħabs u f’xi pajjiżi għadna nsibu l-piena kapitali. Il-liġi torbot
li min jiksirha jrid iħallas ta’ għemilu. Alla ħares mhux hekk għax kieku
nispiċċa agħar mill-ġungla.
Ksur tal-liġi

Ġieli rajtu karozzi pparkjatai f’post fejn fl-art ikun hemm imħażżin linji
sofor? Jien rajt kemm-il darba. Linja
waħda kontinwa tfisser li ma tistax tipparkja fuqha. Tnejn sofor ifissru li
lanqas biss taħseb li twaqqaf il-vettura aħseb u ara tipprakja u tmur tieħu te
mill-ħanut li hemm qrib, tixtri nofs tużżana pastizzi jew tidħol id-dar bix-xirja
tal-mara. Madanakollu spiss issib karozzi, vanijiet jew trakkijiet ipparkjati
fuq il-linji sofor doppji. U jien ngħid bejni u bejn ruħi: Daqs dawn pulizija u
gwardjani lokali li jgħaddi mit-toroq tagħna, possibbli ħadd ma jinduna b’ dan? U kemm-il darba tara sewwieqa bit-telefon ma’
widnejhom? Bħalissa għaddejja kampanja biex ma nużawx il-mobile waqt is-sewqan,
madanakollu ta’ kuljum naraw dan il-ksur ta’ liġi jseħħ quddiem għajnejna. Iva
aħna s-sewwieqa narawhom u min suppost jarahom ma jarahomx?
Bla ksur ta’ liġi

Hu x’inhu, imnalla għandna l-liġijiet fid-dinja għax bihom hawn it-taħwid,
aħseb u ara mingħajrhom!
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento