mercoledì 20 settembre 2017

Iż-żmien igerber; l-eternità tistenna

Wadowice
Forsi għal xi wħud minnkom jekk insemmi l-isem Wadowice ma jfisser xejn, biss naf li għal bosta oħrajn dan ifisser ħafna għaliex jafu li dan huwa r-raħal fejn twieled u għex l-ewwel snin ta’ ħajtu wieħed mill-akbar bnedmin li għexu fiż-żminijiet tagħna. Wadowice huwa raħal fil-Polonja li fih twieled  Karol Wojtyła li kellu jsir il-264 papa. Iva dan ir-raħal huwa l-post fejn twieled San Ġwanni Pawlu II.

Minn ġot tieqa
Meta wieħed iżur dan il-post ma jistax jonqos li jżur il-mużew li parti minnu kienet id-dar fejn twieled u għex l-ewwel snin ta’ ħajtu dan il-qaddis ta’ żminijietna. Din tinsab sewwasew mal-ġenb tal-knisja parrokkjali tar-raħal. Mit-tieqa tal-kċina tal-appartament tal-familja Wojtyła  jidher l-arloġġ tax-xemx li hemm mal-ġenb ta’ din il-knisja. Il-Papa Wojtyła stess kien qal li kemm-il darba kien ikun qed jistudja u jieqaf iħares lejn dan l-arloġġ tax-xemx li fuqu hemm miktub “Czas ucieka, wieczność czeka” li bi lsienna tfisser “Iż-żmien jgħaddi, l-eternità tistenna”.

Mit-tieqa tal-familja Wojtyła 
Kemm hija tabilħaqq sentenza veritiera din il-frażi! Żgur li l-Papa Ġwanni Pawlu II qatt ma nesa din il-kelma u dak li għamel dejjem għamlu għax kien konxju li ż-żmien jgħaddi, igerbeb u jtir u ma jerġa’ jiġi lura qatt. Mhux bħall-eternità, dik ma għandiex għaġla għax hija lil hinn mill-ispazju u l-ħin allura tistenna għax il-ħin għaliha ma huwiex xi għadu anzi huwa xi ħaġa barranija għaliha u li lilha ma jmissiex.

Li jkollok tagħmel
Darba kont smajt kollega jgħid qawl li qatt ma kont smajtu qabel. Biż-żmien ġieli smajtu b’xi naqra varjazzjoni. Dan kien jgħid li “B’mitt sena ħsieb ma tħallasx xahar kera”. U veru, jekk toqgħod taħseb bla ma taġixxi, jgħaddi ż-żmien u tibqa’ ma tagħmilx dak li għandek tagħmel. Hawn dlonk niftakar f’ qawl Ingliż: “Tomorrow never comes”. Jekk toqgħod tħalli mil-lum għal għada ma tagħmel xejn. Dan ma jfissirx li dak li għandek tagħmel taqbad u tagħmlu bla ma tieqaf taħseb sewwa, speċjalment jekk tkun xi deċiżjoni li jista’ jkollha riperkussjonijiet drastiċi, iżda ladarba taħseb u tiddeċiedi aqbad u ħu azzjoni. U la ġejna għall-qwiel ħalli nsemmi ieħor Malti: “Il-qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel.” Veru li ma tistax tieħu deċiżjonijiet bla ma tara l-konsegwenzi tagħhom qabel, għax “Min ifassal bla ma jqis, minn pezza drapp ma joħroġx qmis!” imma lanqas wieħed għandu jibqa’ bla ma jagħmel il-pass għax f’dak il-każ il-qattusa la frieħ għomja u lanqas jaraw ma tagħmel!

Mhux dejjem possibbli
Jien qiegħed ngħid biex dak li wieħed jixtieq jew jaspira li jagħmel, dan għandu jagħmlu għax il-ħin mhux ser jistennieh. Imma mhux dejjem ikun possibbli li dik il-ħaġa titwettaq għax ġieli jkun hemm ħtieġa ta’ kordinazzjoni jew permessi minn xi ħadd ieħor. Il-burokraziji hija għadu tal-effiċjenza u din tista’ tkun fruntiera għal dak li jkun irid iwettaq xi ħaġa. Il-ħin mhux l-eternità u għalhekk il-burokrazija għandha tiġi miġġielda dejjem għax hija ħela ta’ ħin u l-ħin huwa limitat. Biss jista’ jkun hemm każi fejn il-burokrazija ssir istituzjonalizzata, u organizzata.

Il-ħin itir; l-eternità tistenna!
Kieku l-Papa Wojtyła ma ħadiex kontra l-burokrazija, kieku ħalla kollox għaddej, kieku għandu mnejn l-istorja tad-dinja hija differenti llum, imma huwa kien jaf sewwa li l-ħin igerber mhux bħall-eternità li ma għandha għaġla ta’ xejn, għalhekk aġixxa, wettaq dak li kellu jwettaq.

Kultant il-waqfien mill-mixi ’l quddiem f’ dak li jkollna nagħmlu jkun ħtija tas-superjuri tagħna. Għalhekk jekk inti missier, mgħallem jew inti xi forma ta’ superjur, jekk xi ħadd minn ta’ taħtek ikun irid iwettaq xi ħaġa li għalih hija speċjali, ipprova għinu, neħħilu kull barrikata li jista’ jkun hemm fit-triq. Għad jiġi żmien li inti stess tħossok sodisfatt li ma poġġejtx ostakoli fil-mixja ta’ dak it-tali u meta jasal fejn għandu jasal hu wkoll iħares lejk bħala persuna li għenitu. Jekk tibqa’ tpoġġi l-bsaten fir-roti dak li jkun għandu mnejn jasal xorta waħda imma lilek ma tantx jibqa’ jarak f’ perspettiva posittiva. Tinsiex li l-ħin igerber u jtir, mhux ser joqgħod jistenna lili jew lilek.

Illum tkellimt ħafna dwar il-ħin imma dwar l-eternità ma għidt xejn.U x’naqbad ngħid dwarha l-eternità? X’għaġla hemm għaliha? Dik inħalluha għal meta jasal waqtha, għalissa li għadna ’l barra minnha ejjew niffukaw fuq il-ħin, dak li huwa tant prezzjuż u li jġerbeb u jtir bla ma jistenna lil ħadd. Mela dak li għandek tagħmel għamlu għax l-arloġġ jibqa’ jdur. Ftakar dejjem fl-arloġġ tax-xemx ta’ mal-ġenb tal-knisja ta’ Wadowice fil-Polonja  u fil-kliem li hemm fuqu: il-ħin igerber l-eternità tistenna!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Settembru 2017



Nessun commento:

Posta un commento