venerdì 29 luglio 2016

San Pawl il-Baħar

Fi ċkuniti, fix-xhur sħan tas-sajf aktarx konna niġbdu lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Malta sabiex immorru ngħumu fis-sajf jew sempliċiment għal xi mixja fil-kampanja fix-xitwa. L-aktar post popolari mal-familja tiegħi dejjem kien San Pawl il-Baħar. Dan il-post illum sar wieħed mill-akbar lokalitajiet f’ pajjiżna u jingħad li fis-sajf in-numru ta’ residenti fih, bejn Maltin li jmorru villeġġjatura u bejn turisti, jitrippla u jaqbeż is-sittin elf ruħ. B’ hekk din il-medda ta’ art li tiġbor fiha l-Mistra, ix-Xemxija, il-Pwales, San Pawl, il-Wardija, Buġibba, l-Qawra, San Martin, parti minn Għajn Riħana u Burmarrad bħalissa hija l-akbar raħal f’ Malta. Jien ma niftakrux hekk, niftakar art mogħxa kważi kullimkien, u dawk ta’ qabli jiftakru aktar minni għax jien qed insemmi s-snin tal-bidu tal-iżvilupp ta’ Buġibba, madwar 40 sena ilu. Snin meta ma kellniex mobile u jekk kien ikollna bżonn nagħmlu xi telefonata konna rridu mmorru nfittxu xi lukanda li kienu bdew jinfetħu dak iż-żmien, u ninqdew minn hemm. Kemm jinbidlu ż-żmijijiet!

Il-menqa madwar 90 sena ilu
Minn żmien il-qedem
Minkejja li llum San Pawl il-Baħar sar fih postijiet ta’ divertiment u attrazzjonijiet turisiċi moderni, dan ma jfissirx li hija żona abitata f’ dawn l-aħħar ftit deċenji ta’ snin. Xejn minn dan! Jixhdu dan li qed ngħid is-sejbiet arkeoloġiċi li nstabu fl-inħawi. Oqbra preistoriċi u oħrajn puniċi, tempji neolitiċi, raddiet tar-roti u fdalijiet rumani. Dan kollu juri l-importanza ta’ din ix-xaqliba tal-gżira fi żmien il-qedem. Forsi l-aktar ġrajja li nassoċjaw ma’ dan il-post hija l-miġja ta’ San Pawl fostna għall-ħabta tas-sena 60. Ir-Rumani kienu ilhom f’ pajjiżna aktar minn żewġ sekli u nofs imma aktarx li hawnhekk kien iservi biss bħala port biex jitgħabbew il-ħtiġijiet fuq ix-xwieni li jkunu qed jaqsmu mill-Afrika ta’ fuq lejn l-Ewropa ta’ isfel jew bil-maqlub. Il-fatt li l-Maltin ma kienux jitkellmu l-Latin, l-ilsien tal-Imperu Ruman, jixhed li pajjiżna ftit li xejn kellu importanza, biss mill-fatt tal-miġja ta’ San Pawl fostna nistgħu naslu għall-konklużjoni li San Pawl il-Baħar kien port importanti fit-tramuntana tal-gżira. Fl-Atti tal-Appostli nsibu miktub li l-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publiju kellu l-oqsma tiegħu fil-qrib. It-tradizzjoni żżomm li dawn l-oqsma llum jinstabu f’ Burmarrad, fejn hemm il-kappella ta’ San Pawl Milqi. Ladarba l-mexxej ta’ gżiritna kien joqgħod hemmhekk, nassumu li din ix-xaqliba kellha ċerta importanza.

It-torri ta’ Wignacourt u ta’ Lascaris
It-torri ta’ Wignacourt
Dawn iż-żewġ torrijiet m’humiex l-uniċi binjiet tal-kavallieri f’ dan il-lokal. Illum it-torri ta’ Wignacourt għandu preġju kbir, dan kien mibni fl-1610 minn dan il-Gran Mastru Franċiż li mexxa lil Malta bejn l-1601 u l-1622, kien l-ewwel minn sitt torrijiet tal-għassa li nbnew biex iħarsu lil xtutna mill-attakki tal-għadu. Dan allura huwa l-eqdem torri tal-għassa f’ pajjiżna.  Fil-Qawra nsibu torri tal-għassa ieħor mibni fl-1638 mill-Gran Mastru Taljan Giovanni Paolo Lascaris li kien jikmanda l-Ordni u lil Malta bejn l-1636 u l-1657. L-ewwel torri insibuh sewwasew wara l-knisja parrokkjali ta’ San Pawl il-Baħar, it-tieni wieħed jinsab fil-ponta tal-Qawra, magħruf bħala t-Torri ta’ Fra Ben.

Il-Pwales
Parti oħra min dan il-lokal huwa l-wied tal-Pwales, il ġewwa mill-bajja tax-Xemxija. Ta’ hawn għandi wkoll bosta memorji u tifkiriet sbieħ. Kemm konna nistennew bil-ħerqa li jgħaddi San Gejtanu biex l-għada nibdew il-kamp ta’ ħmistax mal-Iscouts. Bla kumdità ta’ xejn, norqdu fl-art, ninħaslu fil-baħar imbagħad nitlaħalħu fuq fuq bl-ilma bir-razjon, nieklu dak li jagħtuna bla ma noqgħodu nordnaw. Illum il-post fejn konna mmorru nikkampjaw ma għdux aċċessibbli għan-nies. Ħasra! Minflok l-Iscouts qed imorru jikkampjaw aktar qrib tat-triq prinċipali. Il-Pwales huwa dinja għalih.

Id-Duluri
Iż-żona li tkellimna fuqha llum fiha tliet parroċċi; Burmarrad, iddedikata lil Qalb ta’ Marija, imwaqqfa bħala parroċċa fl-1971, il-Qawra, iddedikata lil San Franġisk ta’ Assisi, imwaqqfa fis-sena 2004 u dik l-aktar antika ta’ San Pawl il-Baħar, iddedikata lil Marija omm tad-Duluri. Din saret parroċċa fl-1905. Ħafna jistaqsu kif issir festa lid-Duluri? Tabilħaqq li f’ San Pawl il-Baħar issir festa lill-Madonna taħt it-titlu tal-Addolorata. Hemm min isibha bi tqila biex jifhem din il-ħaġa; festa bil-baned, bl-armar, bil-logħob tan-nar u b’ dak kollu li jagħmel il-festa Maltija. Jingħad li kien hemm tentattiv biex tibda ssir festa lil San Pawl minflok iżda l-idea ma tantx niżlet tajjeb man-nies tal-post u għalhekk baqa’ kollox kif inhu. Festi lil qaddisin martri isiru bosta, allura għaliex le lis-Sultana tal-Martri?

Turiżmu u villeġġjatura
San Pawl il-Baħar huwa post ta’ kuntrast kbir. Fih issib il-mekka tat-turiżmu ta’ pajjiżna u fih issib ukoll bosta djar fejn il-Maltin iqattgħu s-sajf fil-kwiet u l-mistrieħ. Iva dan huwa raħal li fih nistgħu ngħidu ssib min kollox, issib fejn tistriħ u ssib fejn tgħejja, tista tmur biex toroq u tirrilassa u tista’ tmur fih biex tgħaddi lejl bla ma tagħlaq għajn m’ għajn.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon,  30 ta' Lulju 2016






Nessun commento:

Posta un commento