Huma bosta dawk li jistennew ix-xhur tas-sajf biex jieħdu btala. Ħalli
ngħiduha kif inhi, btala fix-xhur sħan tas-sajf Malti tkun qiegħed tistenniha
daqx xarba ilma kiesah fid-deżert. Hemm bosta tipi ta’ btajjel li wieħed jista’
jieħu fis-sajf.
Villeġġjatura
Barra- Napli, fil-bidu tas-seklu XX kien għadu post ta' villeġġjatura |
Meta kont ngħix l-Italja, meta xi ħbieb kienu jsemmu l-btajjel u l-villeġġjatura
kont nimmaġina li jmorru ħdejn il-baħar, biss ma domtx ma ntbaħt li għalihom
villeġġjatura mhux bilfors tkun dar ħdejn il-baħar, tista’ tkun fuq muntanja,
fil-bosk jew f’ xi belt jew raħal ċkejken. L-iskop tal-villeġġjatura hu li
tibdel l-ambjent li tkun ilek tgħix fih madwar sena. Aħna l-Maltin illum lanqas
nimmaġinaw li mmorru xi jiem ta’ villeġatura bogħod minn xatt il-baħar, iżda ma
kienx dejjem hekk. Kont qed nitkellem ma’ persuna minn Ħaż-Żebbuġ dwar
is-sbuħija arkitettonika ta’ ċerti djar li nsibu f’ dak ir-raħal. Dan il-ħabib
qalli li fil-qedem ħafna min-nobbli tal-Imdina kien ikollhom id-dar
tal-villeġatura tagħhom f’ xi raħal barra s-swar iżda mhux wisq bogħod
mill-belt. Ħaż-Żebbuġ kien raħal ideali
għal dan l-iskop u għalhekk insibu bosta djar sbieħ fih għax xi darba kienu
djar tal-villeġġjatura. Issa Ħaż-Żebbuġ ma hemmx baħar. Dan il-fatt fakkarni f’
Napli. Kont ngħix fi kwartier li qabel ukoll kien post ta’ villeġġjatura
għas-sinjuri ta’ Napli. Fil-fatt hemmhekk ukoll hemm għadd ta’ vilel sbieħ
fl-arkitettura tagħhom. Lanqas fil-kwariter li kont ngħix fih Napli ma hemm
baħar. Inċidentalment il-baħar minn hemmehkk imbiegħed xi daqs kemm hu mbiegħed
minn Ħaż-Żebbuġ. Illum la Ħaż-Żebbuġ u lanqas Barra (għax hekk jismu l-kwartier
Naplitan) ma għadhom postijiet ta’ villeġġjatura iżda saru bliet residenzjali.
Safar
Btala sabiħa hija meta mmorru barra minn artna u nżuru xi art barranija.
Kien hemm żmien li s-safar kien xi ħaġa immaġinarja, xi ħaġa li mhux kulħadd
jista’ jagħmilha. Illum il-folja nqalbet u ftit għad hawn Maltin li qatt ma
siefru. Niftakar wieħed xiħ kien qalli li qatt ma siefer għax kien jibża’
mill-ajru jew mill-baħar. Kien jgħid li l-arju għat-tajr u l-baħar għall-ħut. U
allura dan it-tali lanqas sa Għawdex qatt ma’ mar. Għalih id-dinja kienet
tispiċċa l-Marfa jew iċ-Ċirkewwa. Min jaf dak il-bniedem kif kien jimmaġina
d-dinja lil hinn minn din l-art li twieled fiha?
Minbarra li huwa mezz ta’ mistrieħ, is-safar huwa wkoll mezz ta’
edukazzjoni. Li żżur palazzi, mużewijiet, pjazez u toroq li forsi jkunu ssemmew
fl-istorja iġiegħel lil dak li jkun jistħarreġ xi ftit fuq dak il-post u
għalhekk ikabbar l-għerf tiegħu. Tabilħaqq li hawn min isiefer biex jara
l-vertini tal-ħwienet biss u jimla l-bagalji tiegħu b’ dak li jkun xtara. U
llum jaħasra f’ pajjiżna ssib kollox u forsi anke bi prezz orħos! Imma mur
fiehem lill-Malti!
Hawn min jippreferi jsiefer għal rasu, jippjana safra, jikri karozza jew
jippjana vjaġġi bil-ferrovija, jaħseb għal-lukandi u joħloq programm hu stess.
Iż-żgħażagħ jippreferu dan it-tip ta’ safar. Dawk li huma akbar fl-età aktarx
li jippreferu tour. F’ tour ikollok kollox lest u inti ma jkollok għalfejn
tinkwieta għal xejn għax hemm il-mexxej jaħseb għal kollox hu.
Il-Cruise
Snin ilu li tmur cruise kienet ukoll ħaġa kbira. L-ewwel ħaġa kien hemm
l-iskariġġ tal-vjaġġ qabel tibda l-cruise. Qabel il-cruise liners ma kienux
jidħlu f’ pajjiżna u min kien jagħżel li jmur btala fuq vapur kien ikollu
l-ewwel jaqbad ajruplan u jasal fil-port tat-tluq tal-cruise liner. Ilum anke
din il-problema spiċċat għaliex għandna għadd ta’ cruise liners li jidħlu
fil-port tagħna. Dawn it-tipi ta’ btajjel saru popolari magħna l-Maltin u hemm
min imur kull sena. Ħaġa li timpressjonani hi li meta tistaqsi kif marru
fil-cruise, ħafna min dawk li jkunu
marru l-ewwel li jgħidulek tkun: “UUU
kemm kilna!” U s-santa mqattgħa, dortu l-Mediterran u tiġi ssemmili l-ikel!
Lanqas li qegħdin f’ xi art tat-tielet dinja fejn hawn il-ġuħ ma’ kullimkien!
Btala ta’ bilfors
Li tmur btala barra minn xtutna hija dejjem xi ħaġa mixtieqa u sabiħa. Hawn
faxex ta’ nies li bilfors iridu jieħdu btala barra l-pajjiż għaliex inkella ma
jieqfux minn xogħolhom. Il-politiku, bil-mobile dejjem idoqq, it-tabib li lejl
u nhar jissejjaħ biex jassisti lil xi marid, is-saċedot li la għandu Ħdud la
festi u xejn. Dawn kollha huma kostretti li jsiefru biex jieħdu btala. Ma
jistgħux imorru btala f’ Malta stess għax tispiċċa ma tkun btala xejn. Ġieli
kont btala Għawdex ma’ persuni minn dawn . Nassigurakom li għalihom din ma
tkunx btala imma jiem ta’ xogħol bogħod mill-ambjent tas-sotu għaliex in-nies
iċemplulhom, in-nies jarawhom u jkunu jridu jkellmuhom dwar xi problema u
għalhekk jispiċċaw bla btala.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 23 ta' Lulju 2016
Nessun commento:
Posta un commento