Meta qegħdin fil-qalba tal-istaġun tal-festi Maltin nixtieq naqsam magħkom
dan il-ħsieb. Minkejja li l-festi parrokkjali tagħna huma prinċipalment festi reliġjużi, fihom
ukoll il-laqta soċjali u kulturali tagħhom, anzi nissogra ngħid li llum dawn
il-festi aktar saru festi kulturali milli reliġjużi għaliex ifittxuhom anke
turisti li ma jħaddnux l-istess twemmin ta’ min jorganizza l-festa.

Marċi brijużi
Ladarba wieħed imur marċ ma jistenna xejn inqas milli jisma’ l-marċi. Illum
f’ pajjiżna għandna għażla kbira ta’ marċi brijużi miktubin minn surmastrijiet
Maltin bħalna li jpaxxu lil min jisma’. Nistgħu ngħidu b’ wiċċna minn quddiem
li pajjiżna ta surmastrijiet verament kapaċi għall-kitba ta’ dan il-ġeneru ta’
mużika u għadu jagħti għax illum ukoll għadna nsibu kittieba tal-mużika li jafu
jagħtuna marċi mill-isbaħ. Ma rridx insemmi ismijiet għax jekk nibda żgur li
l-lista tkun tant twila li nimla din il-paġna li nispiċċa ma ngħidx dak li
għadni ngħid.
Marċi bil-kliem
Jien minn dejjem niftakar li ma’ xi marċi jitkanta xi kliem imqabbel,
poeżija forsi li xi darba ħarġet spontanja u li tindara minn sena għal oħra u
għalhekk tibqa’ titkanta. Kien hawn marċi, li sal-lum għadhom jindaqqu, li
l-poplu ma jafx x’ jisimhom imma jafhom bil-kliem tat-taqbil li jitkanta
magħhom. Ippermettuli nsemmi marċ wieħed biss minn dawn: il-marċ tal-Maġġur
Anthony Aquilina li jġib l-isem “The Stripes” ħafna jafuh bil-kliem tat-taqbil
li jsir miegħu. Dan mhux fil-marċi tal-festa biss, imma anke fl-istadium
jitkanta! Naħseb li aktar hawn min jafu b’ “Ram u Ħadid” milli bl-isem veru
tiegħu. U dan marċ antik, biss biss il-Maġġur ilu aktar minn 30 sena mejjet!

L-istess marċi
Illum insibu Cds b’ marċi bil-kliem. Hawn min qed jagħmel karriera (sic)
jkanta l-marċi u jirrekordjahom! Sfortunatament dawn id-diski ħafna drabi
jkollhom kliem dispreġġjattiv u tgħajjir lejn xi banda oħra jew lejn xi
parroċċa oħra. Hemm każ fejn l-istess marċ jindaqq minn żewġ baned li
jikkompetu ma’ xulxin ...... rivali, ippermettuli nuża din il-kelma biex jifhem
kulħadd. L-istess kantant ikanta dan il-marċ, darba jgħajjar banda u darba
jgħajjar lill-banda l-oħra. Imma d-diriġenti tal-każini possibbli ma jindunawx
b’ħaġa bħal din jew jindunaw u jippermettuha? F’ każi bħal dan ħadd ma jista’
jxejjirha l-palma tar-rebħa!
Politika u politika

Ħafna jikkritikaw il-Knisja fuq dawn il-fatti għaliex fl-aħħar mill-aħħar
dawn huma marċi li jsiru f’ festi reliġjużi. Jiżbalja min jaħseb li l-Knisja
tħalli kollox għaddej qisu ma ġara xejn f’ każi bħal dawn. Naf li l-kurja hija
attenta ħafna għal dawn it-tipi ta’ marċi tat-tgħajjir u naf li tintervjeni
mill-ewwel fejn ikun hemm każi ta’ tgħajjir minn xi soċjetà lejn soċjetà oħra.
Biss lanqas huwa sew li fis-sena 2016, aħna poplu matur, ċiviliżżat u edukat,
għadna nehdew bit-tgħajjir lil ħaddieħor biex nieħdu gost aħna. Meta se nikbru?
Meta se nikbru?
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon fis-16 ta' Lulju 2016
Nessun commento:
Posta un commento