Persunaġġ li nistgħu ngħidu niltaqgħu miegħu ta’ kuljum huwa l-pulizija.
Qiegħed ngħid persunaġġ għax ma rridx ninftiehem li ser nikteb dwar xi bniedem
partikolari. Il-pulizija huwa dak li narawh fit-toroq tagħna jmexxi t-taffiku,
iva, minkejja li dan ir-rwol naqas, xorta għad fadal postijiet f’ pajjiżna fejn
it-traffiku jitmexxa kuljum minn membru tal-korp tal-pulizija. Il-pulizija huwa
dak li jkun ħdejn l-iskola biex jara li ma jkunx hemm periklu għat-tfal huma u
deħlin u huma u ħerġin. Il-pulizija għandu dmir li jara li tiġi mħarsa l-liġi.
Għand il-pulizija nirrikorru biex nirrapurtaw xi ksur ta’ liġi, lejh induru f’
każi ta’ emergenza. Il-pulizija huma wkoll dawk il-persuni li jagħmlu l-għassa
kif ukoll isebbħu t-toroq b’ ilbieshom u bil-pass preċiż tagħhom waqt xi
parata. Qed taraw kif mal-pulizija niltaqgħu kuljum?
L-isem tal-pulizija
Il-kelma pulizija ġejja mill-kelma Griega πολιτεία (politeía). Kelma Griega oħra, qrib din
il-kelma hija πόλις (pólis). Minkejja li dawn iż-żewġ kelmiet jixxiebħu ma
jfissrx li huma l-istess. L-ewwel waħda tfisser gvern, mexxej ċivili filwaqt li
t-tieni kelma tfisser belt-stat. Billi ma humiex l-istess ħaġa xorta hemm rabta
bejn il-mexxej u l-belt għax huwa l-persuna li jmexxi l-ordni fil-belt jew il-pajjiż.
Minn din il-kelma Griega ħarġet il-kelma Latina politia, li bejn wieħed u ieħor għandha l-istess tifsira u
maż-żmien nibtet il-kelma pulizija, police
bl-Ingliz, polizia bit-Taljan, police bil-Franċiż, polizei bil-Ġermaniż, policía
bl-Ispanjol u nistgħu nibqgħu sejrin hekk. Tista’ tgħid li l-ilsna kollha ħadu
terminu għal dak il-mestier li qegħdin nitkellmu dwaru mill-kelma Griega.
Bidu tal-korpi
Fi żmien il-pólis Griega kien hemm forma ta’ kontrolluri tal-ordni biss
l-organizzazzjoni istituzzjonali tal-korp tal-pulizija f’ sens modern kif nafuh
illum nistgħu ngħidu li beda ġewwa l-Gran Brittanja. Hemmhekk sa mill-1285
jingħad li kienu jeżistu għaqdiet organizzati ta’ ċittadini biex iħarsu
l-ordni. L-ewwel korp tal-pulizija organizzat fuq skala kbira kien dak li
waqqaf ir-Re Lwiġi XIV fl-1667 ġewwa l-belt ta’ Pariġi. Fl-1797, max-xatt
tax-xmara Thames ġewwa Londra, twaqqaf korp tal-pulizija bħal dak ta’ Pariġi
sabiex iżomm l-ordni u jħares mis-serq tal-merkanzija li kienet tasal hemmhekk.
Fl-istess pajjiż, fl-1821 twaqqfu l-kwartieri tal-pulizija li fl-1829 bdew
jissejħu Scotland Yard. Fl-Italja l-amministrazzjoni tas-sigurtà pubblika bdiet
fir-renju ta’ Sardegna taħt ir-Re Karlu Albertu ta’ Savoia fl-1848 biss
it-twaqqif uffiċjali tal-korp kien fl-1852. Ma rridux ninsew li sa dak iż-żmien
l-Italja kienet għadha ma hijiex magħquda kif inhi llum. L-unità tal-Italja
saret fl-1861 u ma’ din l-għaqda infirex mal-pajjiz kollu ir-rwol tal-pulizija.
F’ Malta
F’ Malta għandha proverbju li jgħid li ħadd ma jrid il-pulizija wara biebu.
Dan il-qawl ġej mill-fatt illi l-pulizija hija aktarx assoċjata mal-inkwiet,
fejn ikun hemm l-inkwiet issib il-pulizija biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.
Niftakar li snin ilu l-ommijiet kienu jbeżżgħu lill-uliedhom bil-pulizija u
kont nisma’ bosta garr dwar din il-ħaġa għaliex il-pulizija mhux tbeżża’ bih
għandek iżda tgħallem lil uliedek li dak huwa persuna li għandek iddur lejh f’
kull ħtieġa ta’ għajnuna.
Nissimpatizza
Inzertajt għandi ħbieb pulizija. Verament li fid-dinja ssib minn kollox u
anke f’ Malta ġieli smajna b’ xi każi ta’ membri tal-korp li la jagħmlu ġieħ
lill-korp u lanqas lilhom infsuhom, biss fil-maġġoranza huma nies ta’ rispett u
li jafu x’ inhu xogħolhom u jippruvaw jagħmluh sewwa. Naf kemm pulizija rġiel
kif ukoll nisa u nista’ ngħid li huma ħbieb tajbin anke meta jkunu bl-uniformi.
Ħaġa li tweġġa’ lili u lil bosta hija n-nuqqas ta’ support li ġieli jsibu
dawn it-talin. Bla ma nidħol fil-mertu u l-legalità tal-każ, insemmi l-fatt li
tifel inqabad mill-pulizija jikser il-liġi aktar minn darba u billi huwa taħt
l-età ma jistgħu jagħmlu xejn, anzi kien hemm lok li jittieħdu passi kontra
l-pulizija stess. Dawn x’ affarijiet huma? Aħna aħna jew m’ aħniex? Dan każ
wieħed biss, min jaf kemm hemm oħrajn.
Nies bħalna
Billi l-pulizija narawh liebes l-uniformi, aktarx naqgħu fit-tentazzjoni u
naħsbu li huwa differenti minna, narawh daqs li kieku huwa xi robot jew xi
aljen. Xejn minn dan, taħt dik l-uniformi hemm persuna tad-demm u l-laħam
bħalna, bil-familja tiegħu, persuna li jixraqilha rispett, persuna bil-problemi
tal-ħajja, li jgħejja, li jaqbdu l-għatx li jifjakka wkoll. U la qed insemmi
l-bniedem li jifjakka, minn hawn insellem pulizija ħabib tiegħi li nzerta huwa
l-kok tal-kummissarju. Sliem Pawlu!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 9 ta' Lulju 2016
Nessun commento:
Posta un commento