sabato 1 maggio 2021

Il-mitjar


Illum il-ġurnata forsi hawn min lanqas jaf xi tfisser il-kelma “mitjar”. Fi tfuliti konna nisimgħuha ħafna drabi fuq il-mezzi tax-xandir. Illum insejħu l-mitjar bil-kelma “ajruport” għax forsi aktar tinstema’ Ewropeja.

Il-kelma Mitjar hija n-nom mimmat tal-verb tajjar. Bħan-nomi mimmati kollha, din hija kelma ta’ nisel semitiku u mhux romanz bħal ajruport. Intant mhux il-ħsieb tiegħi li nikteb dwar l-ilsien Malti iżda ladarba għandna kelma tagħna għażilt li nuża lilha. Forsi minħabba l-pandemija kellna nnaqqsu jew inħassru għal kollox il-vjaġġi li kellna ppjanati u għalhekk ftit li xejn qed naħsbu dwar il-mitjar, biss hemm għadu u qed jistenna li d-dinja terġa’ lura għan-normalità tagħha biex jerġa’ jibda jilqa’ dawk il-folol li kien ikun hemm fih sa madwar sena ilu.

Ajruporti f’Malta

Biex ħadd ma jaħseb li jien xi bniedem kontra kull progress, issa għażilt il-kelma ajruporti! Jien dejjem niftakar l-ajuport ta’ Ħal Luqa, biss kien hawn żmien fejn f’pajjiżna kellna aktar minn ajuport wieħed. Jekk irridu nistgħu nżidu l-ħeliport tax-Xewkija Għawdex, imma ejjew naraw xi ajruporti f’Malta li llum ma għadhomx jintużaw.

Bla dubju l-aktar ajruport li għadu magħruf huwa dak ta’ Ta’ Qali. Dan inbena ftit qabel it-tieni gwerra dinjija u baqa’ jservi sa nofs is-snin ħamsin. Ħtija ta’ dan il-mitjar, l-irħula tal-qrib batew bosta attakki mill-ajru matul il-gwerra. Illum dan il-post qed iservi bħala parti mill-park nazzjonali. Tajjeb ngħidu wkoll li llum parti minn dan il-mitjar isservi biex minnha jittajru mudelli ta’ ajruplani, passatemp ta’ bosta Maltin. Mitjar ieħor konna nsibuh f’Ħal Far. Dan kien l-ewwel ajruport f’Malta. Infetaħ fl-1929 biex ovvjament jaqdi l-qawwiet Brittaniċi. Dan il-mitjar ukoll kien ibbumbardjat bil-kbir waqt il-gwerra. Illum parti mir-runway hija triq u parti oħra tintuża  għal dawk li jħobbu l-isport tad-drag racing.

Il-gallarija tal-ajurport ta' Ħal Luqa (l-antika)
Sibt ukoll li f’Kalafrana kien hemm post fejn jinżlu l-ajruplani. Dan ma kienx mitjar fuq l-art iżda fil-baħar u kien jaqdi lil dawk l-ajurplani li kienu jistgħu jitniżżlu fuq il-wiċċ tal-baħar. Kien iservi bejn l-1917 u l-1946. Sibt riferenzi għal mitjar f’Ħal Safi u ieħor fil-Qrendi iżda dawn nistgħu ngħodduhom bħala partijiet mill-mitjar ta’ Ħal Luqa.

Ta’ min isemmi li għal xi żmien anke l-port il-kbir serva ta’ mitjar għal ajruplan li kien joffri servizz bejn Malta u Għawdex u kien jitla’ u jinżel minn ġol-baħar. Għawdex kien jinżel u jitla’ minn barra l-port tal-Imġarr.

Ajruporti mimlija nies 

L-ajruporti llum saru post komuni għal eluf ta’ nies billi t-trasport bl-ajru sar eħfer minn qatt qabel u allura min juża l-ajruplan ikollu juża l-ajruport. L-aktar ajruport li jużawh nies fid-dinja huwa dak li nsibu f’Hartsfield-Jackson Atlanta. Minn dan l-ajurport internazzjonali fl-Amerika, jgħaddu aktar minn mija u seba’ miljun passiġġier fis-sena. Warajh insibu dak ta’ Beijing fiċ-Ċina, b’aktar minn mitt miljun passiġġier fis-sena. Ara ma taħsbux li fl-Ewropa ma hawnx ajruporti li jużawhom miljuni wkoll! L-ajurport ta’ Heathrow l-Ingilterra huwa l-aktar wieħed użat fl-Ewropa u s-seba’ fil-lista mondjali. Minn hawn jgħaddu ’l fuq minn tmenin miljun passiġġier ta’ kull sena. Warajh bħala mitjar Ewropew insibu dak ta’ Charles de Gaulle ta’ Pariġi fi Franza. Dan jaqdi aktar minn tnejn u sebgħin miljun ruħ fis-sena.

Tajjeb ngħidu li minħabba l-pandemija l-istatistika li tajt hawn fuq inbidlet. Jien ħadt dik tal-2019 meta d-dinja kienet għadha għaddejja biex ngħid hekk “normali” Fis-sena 2020, fl-Ewropa, kien l-ajruport ta’ Istanbul fit-Turkija li minnu għaddew l-aktar nies. Madwar tlieta u għoxrin miljun passiġġier tar minn Istanbul fl-2020 u ħtija tal-Lock downs, Heathrow spiċċa fit-tielet post waqt li Charles de Gaulle baqa’ fit-tieni post. Post il-mitjar ta’ Malta ma jistax ikun fuq quddiem fil-lista għax bejn iċ-ċokon ta’ pajjiżna u l-limitazzjonijiet kollha ma nistgħux nippretendu li nkunu wisq il fuq. Fl-2019 l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien fis-sebgħin post fost l-ajruporti Ewropej u għamlu użu minnu fuq seba’ miljun ruħ. Il-pandemija tellfet xejn anqas minn tmintax il-post f’din il-klassifika lill-mitjar Malti.

Numri

L-aktar pajjiż li fih ajruporti huwa l-Istati Uniti b’aktar minn tlettax-il elf wieħed. Fost l-ewwel għaxar pajjiżi bl-aktar numru ta’ ajruporti ma nsibu l-ebda pajjiż Ewropew. Tajjeb ngħidu li fil-pajjiż ġar tagħna, l-Italja, hemm sebgħa u sebgħin mitjar, bl-aktar wieħed qrib tagħna huwa dak militari ta’ Sigonella fi Sqallija.  Forsi ftit jafu li anke fuq il-gżira ta’ Lampedusa hemm ajruport filwaqt li fuq il-gżira ta’ Pantellerija hemm ajruport militari li jintuża wkoll mill-pubbliku.

Nixtieq kieku stajt noħodkom xi mkien miegħi iżda llum wasalna biss sal-mitjar.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 1 ta' Mejju 2021



Nessun commento:

Posta un commento