venerdì 7 maggio 2021

Ħabaq

 

M’ilux wisq mort nixtri minn stabbiliment u max-xirja li għamilt tfajt pjanta tal-ħabaq. Waqt li kont qed nibdel il-qasrija li kienet fiha u npoġġieha ġo waħda akbar ġietni  kurżità kbira dwar din il-pjanta u ma bqajtx bi kwieti sakemm fittixt li naqta’ din il-kurżità. U dak li sirt naf nixtieq naqsmu magħkom ukoll.

L-isem

L-ewwel kurżità li kelli hija dwar l-isem ta’ din il-ħaxixa aromatika. Naf li l-isem li tajnieha aħna l-Maltin ġej mill-Għarbi għax bl-Inġliż din ix-xitla tissejjaħ Basil u bit-Taljan Basilico. FL-Għarbi il-kelma “Ħabaka” (حبق) tingħad għal meta jkun hemm tibdil fir-riħa tal-arja tal-post, tibdil li jista’ ma jkunx paċevoli. Din il-kelma kienet tintuża wkoll għal diversi ħwawar li meta wieħed jogħrok il-weraq tagħhom ibiddlu r-riħa tal-arja. Interessanti mbagħad il-fatt illi fl-Għarbi il-pjanta tal-Ħabaq tissejjaħ Rajħan (ريحان).

L-isem tal-pjanta f’diversi ilsna Romanzi ġej mil-Latin medevali Basilicum, kelma li kienet ġejja mill-Grieg Basilikon li tfisser “il-pjanta tas-slaten.” Tajjeb ngħidu li fil-Grieg, il-kelma li tirreferi għal Sultan jew Re jew xi tip ta’ monarkija oħra hija Basileus (βασιλεύς). Hawn naraw ix-xebh kbir li jeżisti fil-kliem u dlonk naslu ngħidu li l-kelma Basilcum ħija ġejja mill-fatt li mill-weraq tal-ħabaq kienet issir fwieħa għas-sultan. Biss xorta hemm min ma jaqbilx ma’ din it-teorija. Hi x’inhi, ejjew ma nintilfux fuq il-ftietaq u naraw aktar tagħrif dwar din il-pjanta li tant tfuħ.

Oriġini

Il-Ħabaq huwa indiġenu u jikber selvaġġ fl-Asja tropikali u l-Indja. Dan infirex mill-Lvant Nofsani sal-Greċja Antika u l-Italja fi żmien Alessandru l-Kbir, madwar 350 sena qabel Kristu. Insibu li mis-seklu sittax beda jiġi kkultivat ukoll fl-Ingilterra u nsibu li l-Ewropej ħaduh magħhom meta skoprew l-Amerika. Għandna mnejn naħsbu li l-ħabaq huwa kollu l-istess, biss tajjeb inkunu nafu li madwar id-dinja hawn daqs sittin speċi differenti ta’ ħabaq. Esperti fil-qasam botaniku jgħidu li mhux faċli li wieħed jikklassifika dawn it-tipi kollha ta’ varjanti ta’ din il-pjanta. Anke fl-ilsien Malti nsibu varjati ta’ ħxejjex li isimhom fihom il-kelma “ħabaq” bħal ngħidu aħna Ħabaq il-ħamiema, Ħabaq il-ħnieżer jew Ħabaq ir-raba’ (Theligonum cynocrambe) kif ukoll Ħabaq San Lawrenz (Ajuga reptans) u Ħabaq tad-Demm (Purpurascens). Hi x’inhi, kull varjant tagħha għandu dik ir-riħa u togħma partikolari li tagħmlu tant popolari.

Fil-kċina


Il-koki jgħidulek li biex tieħu l-aqwa tal-ħabaq dan għandu jintuża frisk, meta jkun għadu kif inqata’ mill-pjanta. Biss il-ħabaq jista’ wkoll jitnixxef u jintuża niexef, iżda qatt ma jagħti t-togħma tiegħu mija fil-mija b’dan il-mod. Wieħed jista’ jħalli l-weraq ta’ din il-pjanta fil-fridge u jibqgħu friski għal xi jiem filwaqt li jekk wieħed jifriża dawn il-weraq idumu tajbin għal diversi xhur.

Riċetta popolari li tuża l-weraq tal-ħabaq hija dik li tissejjaħ Pesto alla Genovese. Riċetta sempliċi b’togħma tassew bnina. Ma’ ammont mhux żgħir ta’ weraq tal-ħabaq jiġu mitħuna żerriegħa tal-prinjol, tewm u ġobon Parmigiano. Ma’ dawn l-inġredjenti jiżdied iż-żejt taż-żebbuġa. Il-ħabaq jiġi servut ukoll frisk fuq il-pizza Margerita kif ukoll jiżdied mal-insalata friska. Imur tajjeb ħafna ma’ riċetti li fihom il-brunġiel. Fil-kċina Ażjatika il-ħabaq jintuża spiss fis-sopop, ħaġa mhux daqstant popolari fil-kontinent tagħna.

Fil-mediċina

Din il-pjanta nsibu li tintuża wkoll fil-qasam mediku. Bħala pjanta mediċinali, il-weraq u l-fjuri tal-ħabaq jintużaw biex jippreparaw infużjonijiet b’azzjoni sedattiva, tgħin lis-sistema diġestiva fl-istonku u huwa anti-infjammatorju. Il-ħabaq jintuża wkoll kontra l-indiġestjoni. Wieħed jista’ jgħalli l-ħabaq u l-ilma jużah biex ilaħlaħ ħalqu bih, illum ngħidulu mouthwash. Iż-żejt li jittieħed mill-weraq tal-ħabaq jintuża għall-massaġġi ta’ partijiet tal-ġisem li jkunu milqutin bl-uġigħ jew affettwati mir-rewmatiżmu. Minħabba dawn il-benefiċċji, l-użu tiegħu bħala mediċina tradizzjonali fl-Afrika u fil-Brażil infirex mad-dinja kollha.

Minn studju li sar fuq il-pjanta, sar magħruf li r-riħa li tħalli xejn ma hija maħbuba mill-insetti allura tista’ tintuża wkoll biex dawn jinżammu ’l bogħod minn darna.

Fil-folklor

Sibt żewġ qwiel li fihom jissemma l-ħabaq. Nistqarr li qatt qabel ma kont smajthom, imma għalhekk hija sabiħa r-riċerka! L-ewwel wieħed jgħid hekk: It-tfal bħal ħabaq, jimirdu u jgħaddilhom malajr. Ma nafx x’għandhom x’jaqsmu l-ħabaq u t-tfal, biss nassumi li dan jurina li l-ħabaq jista’ jkollu xi marda u ma jdumx ma jfieq minnha, sewwasew bħat-tfal wara kollox. It-tieni qawl jgħid: Saqqi oħti u baqqi, lil dak il-ħabaq għadsi. Dan kien jingħad lil dik ix-xebba li kienet tkun waslet biex issib lis-sieħeb ta’ ħajjitha. Missierha kien joħroġ qasrija bi pjanta tal-ħabaq fuq ħoġor it-tieqa biex jekk ikun hemm min hu mħajjar għaliha jmur ikellmu jew jibgħat lill-ħuttaba biex joħtob lil dik ix-xebba. Din kienet drawwa li ilha ħafna li nqatgħet, biss ġieli smajna biha.

Din id-daqsxejn ta’ pjanta kemm hemm x’wieħed ikun jaf fuqha għandek tgħid hux?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 8 ta' Mejju 2021



Nessun commento:

Posta un commento