sabato 22 maggio 2021

Is-safar illum

 

Aktar ma jersaq is-sajf aktar moħħna jibda jaħseb dwar xi destinazzjoni li nkunu nixtiequ nżuru. Ikollna nammettu li l-pandemija ħarbtet il-pjanijiet kollha li kellna. Ħafna minna ilna bix-xewqa li nagħmlu safra tajba biex nistrieħu ftit jew naqtgħu mir-rutina ta’ kuljum imma kellna nibqgħu bix-xewqa. Issa jidher li hemm xaqq ta’ dawl li bil-mod il-mod nibdew resqin lura lejn il-ħajja li konna ngħixu sa sena u nofs jew sentejn ilu. Ma nistgħux niġru għax il-virus għadu jdur u jħuf madwar id-dinja u ma nistgħu qatt nobsru x’ser ikollna ’l quddiem. Kważi kważi bilkemm nistgħu nipprogrammaw minn jum għal jum aħseb u ara għal żmien aktar imbiegħed. Biss ejjew ma naqtgħux qalbna.

Inżommu l-miżuri ta’ mitigazzjoni

Jekk niddeċiedu li dan is-sajf immorru xi vaganza barra minn Malta rridu nkunu lesti li naċċettaw bosta bidliet li qatt ma konna nobsruhom. Sa sentejn jew tlieta ilu konna naraw xi turisti Ażjatiċi, l-aktar Ċiniżi, liebsa l-maskri. Ma kinitx xi ħaġa komuni imma lanqas nistgħu ngħidu li hija ħaġa li qatt ma rajnieha. Illum ilkoll kemm aħna rridu nilbsu l-maskra. X’differenza tagħmel jekk tibqa’ Malta u tmur xi mkien barra d-dar u jekk issiefer? Il-maskra trid tinlibes dejjem sew jekk issiefer sew jekk le. Mela hawn qed naraw punt ta’ bidla li żgur qabel qatt ma ħlomna bih. Parir tajjeb huwa li minflok maskra waħda nilbsu tnejn. Nipproteġu lilna nfusna u lill-oħrajn. L-istess ngħidu għall-indafa. Illum drajna li mmorru fejn immorru rridu nġorru magħna flixkun sanitizer. Bosta minna kienu jġorru flixkun minnu anke qabel il-pandemija. Niftakar meta mort l-Indja l-flixkun tas-sanitizer kien ikun dejjem fil-basktijiet tagħna. Mela dwar dan il-punt nistgħu ngħidu li ma huwiex għal kollox ġdid, hemm min ilu jipprattika din id-drawwa. Illum trid jew ma tridx ikollok tużah. Anke jekk tmur il-knisja, minflok ilma mbierek illum issib is-sanitizer jistenniek. Rigward id-distanza soċjali rridu noqgħodu attenti. Ikollna nammettu li anke meta nkunu f’pajjiżna spiss naljenaw rasna u nersqu qrib xi persuni aktar milli qed jissuġerulna l-awtoritajiet tas-saħħa. Dwar dan il-punt tajjeb li nibqgħu b’għajnejna miftuħin u nżommu bogħod tal-anqas żewġ metri.

Fejn immorru?

Għandu mnejn ikun hawn min jistaqsi: Imma b’dawn il-miżuri kollha, fejn nistgħu morru? Tajjeb inżommu f’moħħna li l-istil ta’ safar li aħna mdorrijin bih ser ikollna nbiddluh. Attivitajiet tal-massa lanqas għandna noħolmu bihom aħseb u ara nattendu għalihom, u fuq kollox dawn mhux qed isiru sa issa, biss kemm-il darba jibdew isiru aħjar nevitawhom. Jekk ser inżuru xi mużew, tajjeb li nixtru l-biljetti online. B’din is-sistema niffrankaw li noqogħdu wara n-nies biex nixtru l-biljetti. Nistgħu nżuru xi ġonna pubbliċi li faċli nżommu l-miżuri ta’ mitigazzjoni kollha fihom. Irridu nibdew nibdlu l-atitudnijiet tagħna dwar is-safar. Dak li konna nistgħu nagħmlu sa ftit ilu jkollna ninsewh jekk irridu nerġgħu lura lejn in-normalità.

Rigward l-ikel nistgħu infittxu restaurants imma nistgħu wkoll nixtru ikel take away u niekluh f’postijiet miftuħin. Jekk irridu nieklu bit-tvalja u l-pożati tal-fidda aħjar nistennew ftit ieħor u ma nsiefru xejn għalissa. Mhux qed ngħid li ma hawnx ħwienet tal-ikel li joffru l-ogħla livell ta’ sigurtà kontra l-virus, imma jekk wieħed irid jevita aħjar joqgħod ftit lura. Jekk naraw li ħanut tal-ikel ma għandux imwejjed imbegħdin biżżejjed minn xulxin, allura nfittxu ieħor. Naraw li l-wiċċ tal-mejda jkun ġie minsuħ bis-sanitizer qabel ma npoġġu, naraw li l-waiters ikunu kollha bil-maskra u bħalhom inkunu aħna u l-oħrajn li jkun hemm fil-ħanut. Ovvjament meta naslu biex nieklu jkollna nneħħu l-maskra.

Bubble


Meta nsiefru aktarx niltaqgħu ma’ nies ġodda. Jekk tmur ma’ grupp żgur li l-organizzaturi jaraw li kulħadd ikun ħa l-vaċċin u fejn ikun hemm bżonn jintalab ċertifikat ta’ swab test li jkun sar ftit sigħat qabel it-tluq. Tajjeb li jinżamm il-grupp, jinżamm dak li qed jissejjaħ “bubble”. B’hekk jitnaqqas ħafna aktar il-periklu. Anke waqt li l-grupp ikun flimkien, xorta d-distanza soċjali, il-maskri u s-sanitizer għandhom jintużaw il-ħin kollu u ma jaqbilx nillaxkaw billi nkunu bejnietna. Kemm-il darba nsiefru waħedna, bħala familja li ngħixu taħt l-istess saqaf l-istorja tkun xorta oħra, biss hawn ukoll irridu attenzjoni kbira meta nkunu ser nersqu lejn persuni barra mill-familja tagħna. Irridu noqgħodu attenti wkoll fejn immorru. Aħna l-Maltin inħobbu s-swieq, inħobbu nixtru, safra bla xiri hawn min lanqas jimmaġinaha. Imma ser ikollna nbiddlu dan il-ħsieb ukoll. Hekk jaqbel li nagħmlu għalissa

Dan huwa mod ġdid li ser ikollna naddattaw għal meta nsiefru. Mhux tort tagħna imma ser ikollna naħsbu sewwa qabel inħallu pajjiżna biex ngħaddu ftit żmien ta’ serħan barra minn xtutna. Minkejja li s-safar tal-lum ser ikun differenti minn dak tal-bieraħ, nemmen li jekk noqgħodu attenti nistgħu ngawdu wkoll.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Mejju 2021





Nessun commento:

Posta un commento