venerdì 28 maggio 2021

Ġurnata Sqallija

 

Bosta minna ilna nistennew li nkunu f’qagħda li nagħmlu safra mqar qasira. Sqallija hija destinazzjoni qrib u interessanti ħafna jekk wieħed jagħraf jorganizza l-btala tiegħu. Wieħed jista’ anke jmur jum wieħed biss u jgawdi mis-sbuħija ta’ din il-gżira ġara tagħna. Sfortunatament għal ħafna minna l-Maltin, Sqallija hija s-suq ta’ Catania u xiri minn ċentri kummerċjali kbar. Tassew li tista’ tmur ġurnata biex tixtri imma tista’ wkoll tmur iżżur postijiet tabilħaqq meraviljużi u tkun għamilt jum vaganza mill-aqwa. Hawn ser insemmi xi postijiet li wieħed jista’ jżur fi Sqallija anke f’jum wieħed biss.

Chiaramonte Gulfi

Bosta jsejħu lil Chiaramonte Gulfi bħala il Balcone di Sicilia, il-gallarija ta’ Sqallija, minħabba l-pożizzjoni manifika tiegħu u għall-veduta li joffri. Dan il-villaġġ sabiħ, li jinsab fuq il-Muntanji Iblei, jinsab 15-il kilometru bogħod minn Ragusa u huwa famuż għall-gastronomija tiegħu, għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u għall-ħafna mużewijiet li fih. Jekk tippreferi ma tidħolx f’mużewijiet u tibqa’ barra, tista’ tagħmel dawra mat-toroq dojoq taċ-ċentru storiku. Fittex il-knisja sabiħa ta’ Santa Maria La Nova fi Piazza Duomo, u tara l-faċċata Rinaxximentali tagħha. Fil-parti medjevali ssib il-knisja ta’ San Giovanni u l-knisja ta’ Santa Maria del Gesù li wkoll tajjeb wieħed iżurhom. Ta’ min jara wkoll il-knisja ta’ San Vito. Titlaqx minn Chiaramente Gulfi mingħajr ma tkun ħarist minn fuq il-muniċipju jew mill-belvedere għax minn dawn il-punti panoramiċi tista’ tammira l-kampanja ta’ Ragusa kif ukoll tara l-Baħar blu Mediterran. Minn hawn tara sewwa l-vulkan Etna.



Fuq il-mejda

Chiaramonte Gulfi huwa famuż għaż-żejt eċċellenti tiegħu u l-inbid li jipproduċi. Iż-żejt taż-żebbuġa pur huwa eċċellenza tal-post li ma għandekx titlef: idduqu fuq kisra ħobż moħmi d-dar. Emmnuni, il-kliem jew il-kitba ma jistgħux ifissru t-tjubija ta’ dan iż-żejt.

Meta tkun qed tiekol, staqsi għal xi flixkun inbid Nero d’Avola, Insolia jew Cerasuolo. Dawn huma l-aħjar inbejjed li toffrilna ż-żona. Fl-għoljiet tal-qrib, jitkabbar ukoll għeneb tal-mejda mill-itjeb li jekk ikun żmienu ta’ min iduqu wkoll. Il-kċina ta’ Chiaramonte toffri prodotti tipiċi fit-togħma. Il-majjal huwa l-ispeċjalità tal-post. Fir-raħal il-majjal huwa mkabbar u magħmul zalzett, kustilji mimlijin u salami. Iz-zalza tal-majjal takkumpanja r-ravjul tal-irkotta, dixx tipiku mill-itjeb, tipiku ta’ Ragusa. Billi dan huwa raħal tal-muntanji issib fih ħafna faqqiegħ u ġobon.

Noto

Bla dubju Noto, belt fil-provinċja ta’ Sirakuża, hija waħda mill-waqfiet obbligatorji fi vjaġġ lejn il-Lvant taSqallija. Huma bosta dawk li jsejħu lil din il-belt bħala “il-ġnien tal-ġebel” sewwasew kif kienet deskritta mill-kritiku tal-arti minn Siena, Cesare Brandi. Noto huwa meqjus bħala l-kapitali tal-Barokk Sqalli, il-wirt artistiku u storiku kbir li fih ġie nkluż fil-lista tal-Wirt Dinji tal-UNESCO.

Din hija belt li ġiet mibnija mill-ġdid wara t-terremot tal-1693, il-parti l-ġdida kienet mibnija fuq iċ-ċentru abitat ta’ qabel, magħruf bħala Noto tal-qedem. Ir-rikostruzzjoni ġibet l-attenzjoni ta’ artisti u periti ta’ importanza kbira, li għażlu l-istil Barokk għall-bini mill-ġdid tal-belt ta’ Noto.

Dawra f’Noto tibda b’kolazzjon f’xi wieħed mill-bosta kafejiet li hemm u wara tajjeb wieħed iżur Palazzo Nicolaci, ir-residenza antika tal-Prinċpijiet ta’ Noto b’faċċata li tiġbed l-għajn u bi swali ġewwa fih li jisirqu l-qlub. Jekk imbagħad timxi tul Via Nicolaci ssib ruħek quddiem il-knisja eleganti ta’ San Carlo bil-kampnar sabiħ tagħha, li huwa possibbli li titla’ fuqu, u minn hemm fuq tkun tista’ tara l-Katidral ta’ Noto. Ma jistax jonqos milli żżur dan il-katidral meqjus bħala s-simbolu tal-belt u magħruf mill-istudjużi bħala l-bini emblematiku tal-Barokk fl-Italja. Jekk wieħed ikollu aktar ħin tajjeb imur iżur Palazzo Ducezio, li jservi bħala uffiċju tal-kunsill lokali tal-belt. Ma għandhiex tintilef dik li tissejjaħ la sala degli specchi “is-sala tal-mirja” li, grazzi għall-illużjonijiet tidher enormi. Fl-aħħar taż-żjara, dejjem nimxu tul Corso Vittorio Emanuele sabiex nidħlu fil-Mużew Ċiviku, fejn tinżamm varjetà kbira ta’ sejbiet arkeoloġiċi, li ġejjin ukoll mill-belt ta’ Eloro. Dejjem inħarsu lejn il-lemin, lejn il-Villa Comunale, ikun possibbli li naraw mill-bogħod il-Bieb Irjali, mibni fl-okkażjoni taż-żjara fil-belt ta’ Federiku II.


X’nieklu?

Meta tiekol f’Noto jkun ifisser li dduq il-vera togħmiet tal-art u l-baħar ta’ Sqallija. Noto għandu għażla kbira u varjata ta’ platti u prodotti u huwa meqjus bħala l-ġenna tal-art għal dawk li jħobbu l-ikel tajjeb. Ir-ristoranti kollha f’Noto joffru lill-klijenti tagħhom kemm platti fuq bażi ta’ ħut kif ukoll platti bbażati fuq il-laħam imsajra bi prodotti u materja prima tal-ogħla kwalità li jiġu esklussivament mill-baħar, mill-irziezet u mir-raba’ tal-madwar.

Ġurnata Sqallija tista’ toffri waqfa qasira mir-rutina ta’ kuljum bi ftit spejjeż u fl-istess waqt tkun waqfa kulturali li fiha wieħed jiekol ikla tajba wkoll. Le Sqallija mhix biss xiri, Sqallija hija art tal-meravilji, ħasra li ninsabu daqstant qribha u ftit nafu dwarha!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 29 ta' Mejju 2021



Nessun commento:

Posta un commento