sabato 29 dicembre 2018

Familja


F’dan l-aħħar Ħadd tas-sena, il-Knisja qegħda tiċċelebra l-festa tal-Familja Mqaddsa ta’ Nazzaret magħmula minn Ġużeppi, Marija u Ġesù. Din il-familja tiġi proġettata bħala mudell għall-familji kollha Nsara, anzi mhux dawn biss imma għal kull familja fid-dinja.

Mill-Evanġelji
Ftit li xejn nafu dwar din il-familja u l-ftit li nafu nafuh mill-Evanġelji. Nafu li kienet familjaosservanti tal-liġi Lhudija billi naqraw il-fatt tal-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju. Nafu li din il-familja kellha taħrab minn pajjiżha, titlaq darha u tmur tistkenn ġewwa l-art tal-Eġittu minħabba li r-re Erodi ried joqtol lil Ġesù. Nafu li din il-familja reġgħet lura lejn artha wara l-mewt ta’ dan is-Sultan li kien ordna l-qtil tat-trabi subien kollha minn sentejn ’l isfel li kien hemm fir-raħal ta’ Betlem. Nafu wkoll li Ġużeppi kellu s-sengħa ta’ mastrudaxxa. Nafu li meta Ġesù kellu madwar tnax-il sena din il-familja kienet marret lura lejn darha għaliex ta’ dik l-età t-tfajjel intilef fit-tempju ta’ Ġerusalemm. Mill-bqija dak li ngħidu dwar din il-familja hu kollu meħud minn kitbiet li ma jagħmlux parti mill-Bibbja jew minn xi presuppożizzjonijiet oħra.

Għaqda
Il-familja li tagħha qegħdin  nagħmlu festa llum hija magħquda minn Ġesù. Huwa Ġesù li għaqqad lil Marija u lil Ġużeppi flimkien. Għalhekk din il-familja tiġi preżentata bħala mudell għal kull familja oħra għaliex Ġesù jista’ jgħaqqad kull familja. Parir li nħobb nagħti jiena waqt li kun qed nipprietka f’xi quddiesa ta’ tieġ huwa biex il-koppja żżomm f’moħħha l-familja mqaddsa u tagħmel bħalha; ma ddaħħal lil ħadd bejn il-koppja ħlief lil Ġesù.

X’inhi familja?
Il-kunċett ta’ familja llum il-ġurnata huwa vast aktar milli kien xi snin ilu. Sa ftit snin ilu meta konna nsemmu familja konna naħsbu fir-raġel flimkien ma’ martu u wliedhom. Imma jekk nieqfu sa hawn biss inkunu qed neskludu bosta realtajiet oħrajn. Jekk koppja ma jkolliex tfal allura ma tistax tissejjaħ familja? Jekk parti mill-koppja tiġi nieqsa, allura l-familja tintemm għal kollox? Jekk aħwa baqgħu d-dar u ma żżewġux ma jistgħux jgħidu li jgħixu fi ħdan familja? U kemm sitwazzjonijiet oħra niltaqgħu magħhom illum?  Illum il-kunċett ta’ familja twessa’ ħafna aktar milli kien qabel anke b’introduzzjonijiet ta’ liġijiet ċivili li jirregolaw sitwazzjonijiet li qabel lanqas biss konna noħolmuhom. Ma nistgħux naċċettaw dak biss li naqblu miegħu aħna, ikollna nżommu saqajna mal-art, ma ndaħħlux rasna fir-ramel u naraw ir-realtajiet anke ġodda li sirna nsibu fejn tidħol il-familja.

Familja hija l-post fejn tħossok milqugħ, aċċettat u maħbub. Jekk jiena ngħix f’komunità u nħossni milqugħ, aċċettat u maħbub allura nkun nista’ ngħid li ngħix f’familja, jekk din il-komunità ma nħossiex taċċettani, la tilqa’ u lanqas tappoġġja l-ideat tiegħi u ma turinix imħabba, allura ma nkun nista’ ngħid qatt li nkun qed ngħix f’familja. Il-familja hija l-bejta li fiha nħossni komdu.

Hi liema kwalità hi l-familja tiegħek, illum qed jiġi preżentat mudell għalik, il-famija ta’ Nazzaret, familja ta’ ħaddiem tal-id, mhux fqar imma lanqas xi sinjuruni. Ħaddiem tas-sengħa bħalma kien San Ġużepp kien meqjus li jista’ jżomm familja fit-triq tan-nofs, bogħod mill-faqar bla ħafna lussu żejjed. Din hija familja li tgħallimna minkejja li ftit li xejn nafu dwarha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 30 ta' Diċembru 2018


Nessun commento:

Posta un commento