Tiskanta kif igerbeb
iż-żmien, dalwaqt tkun għaddiet sena oħra qisha ħolma! Diġa qlibna nofs
l-Avvent u l-Milied qiegħed wara l-bieb.
Ħadd il-ferħ
Fit-tielet Ħadd
tal-Avvent, sewwasew illum, il-Knisja tiddedikah għall-ferħ. Is-saċerdot illum jista’
jqaddes bil-lewn roża minflok bil-vjola għaliex waqt li l-vjola li jintuża
fl-avvent ifisser stennija, ir-roża irid ifisser ferħ. Għax wara kollox
il-Milied ma huwa xejn għajr festa li suppost għandha ġġib il-ferħ. Ejjew
niftakru fil-kliem li l-anġlu qal lir-rgħajja meta ħabbrilhom it-twelid ta’
Ġesù: “Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun
għall-poplu kollu.” [Lq:2:10]. Dan il-ferħ ħassu qabel Ġwanni l-Battista meta
kien għadu f’ġuf ommu. Eliżabetta qalet lil Marija: “Malli smajt f’widnejja leħen it-tislima
tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ.” [Lq:1:44]
Minkejja li ninsabu fi
stennija, xorta rridu nifirħu għaliex din l-istennija mhix waħda li tnikkitna,
mhix waħda li timliena bit-tensjoni jew bil-biża’ imma waħda li tferraħna, qed
nistennew xi ħaġa kbira u sabiħa, qed inħejju għal avveniment li sejjer
jimliena bil-ferħ.
L-użu tal-lewn roża
fil-quddiesa tal-lum it-tielet Ħadd tal-Avvent naqas għax forsi hawn min jistħi
joħroġ iqaddes bih - affari tiegħu, imma
s-sens ta’ ferħ ma għandux jonqos.
Imma għalfejn ir-roża?
Għandna mnejn ngħidu
bejna u bejn ruħna li l-kuluri li jintużaw fil-liturġija ma jfissru xejn, imma
dan ikun żball. Il-kuluri jesprimu wkoll iż-żmien li nkunu fih. Fit-23 ta’
April tas-sena 2004 ħarġet ittra mill-Papa San Ġwanni Pawlu II dwar xi normi
waqt iċ-ċelebrar tal-quddiesa. Fost oħrajn insibu: “L-iskop tal-varjetà ta’
kuluri fl-ilbies sagru huwa li juri anke b’mod estern, min-naħa il-karatteristika
partikolari tal-Misteru tal-Fidi li jkun qed jiġi ċċelebrat u min-naħa l-oħra
is-sens tal-ħajja Nisranija bħala mixja tul is-sena liturġika. L-ilbies sagru
għandu jgħin biex ikompli jsebbaħ l-azzjoni sagra nnifisha (Redemptionis Sacramentum Kap 4, para
121) Fi ftit kliem ngħidu li llum anke mill-ilbies tas-saċerdot, il-Knisja trid
turina li għandna nifirħu.
Ir-roża narawh ukoll
fit-tielet xemgħa tal-Avvent li nixgħelu llum. Il-girlanda tal-Avvent suppost ikun
fiha tliet xemgħat vjola u waħda roża li tinxtegel illum.
Skont il-post
Il-problema li nistgħu
niltaqgħu magħha dwar dan il-kulur tinqala minħabba xi drawwiet jew użani ta’
ċerti postijiet. Ir-roża fuq raġel ma tantx huwa kulur maskil, jew tal-anqas
hekk kien sa ftit ilu u forsi dan kien il-fatt li ġiegħel lil bosta saċerdoti
jwarrbuh. Imma dan kull pajjiż għandu d-drawwiet tiegħu. F’xi partijiet
tal-Asja l-abjad huwa kulur tal-vistu, allura l-Insara Ażjatiċi jiċċelebraw
il-Milied b’lewn ieħor? Fl-Indja l-aħmar huwa l-lewn li fih tindifen mara.
Allura mara Nisranija Ażjatika tiċċelebralha quddiesa presente cadavere bl-aħmar?
Irridu nifhmu li hemm normi li jorbtu lil kulħadd bħalma huma n-normi
tal-kuluri fl-ilbies liturġiku.
Ferħ
Il-liturġija tal-lum
għandha l-ferħ bħala t-tema prinċipali. Fil-fatt l-ewwel lezzjoni meħudha
mill-ktieb tal-profeta Sofonija tibda hekk: “Għajjat bil-ferħ ta’ qalbek, bint
Sijon, Iżrael, samma’ leħnek! Infexx fl-hena u ifraħ b’qalbek kollha, bint
Ġerusalemm!” [Sof:3:14] ma hemmx ħtieġa ta’ spejgazzjoni għal dan il-kliem għax
huwa kliem ħafif li jistieden għall-ferħ u l-hena. Dan huwa dak li niċċelebraw
illum, ninsew il-vjola, ninsew l-istennija u naħsbu f’dak li ġej, nħasbu
bil-ferħ f’dak li resqin lejh. Mhux ta’ b’xejn San Pawl jgħidilna: “Ifirħu
dejjem fil-Mulej; nerġa' ngħidilkom, ifirħu.” [Fil:4:4]
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' Il-Mument - 16 ta' Diċembru 2018
Nessun commento:
Posta un commento