venerdì 7 dicembre 2018

Il-Kunċizzjoni


Fit-8 ta’ Diċembru ta’ kull sena il-Knisja madwar id-dinja tiċċelebra l-festa tal-Immakultata Kunċizzjoni. Minkejja li din hija festa reliġjuża, hemm xi drawwiet li huma marbutin ma’ dan il-jum li ma humiex purament reliġjużi.

Oriġini
Qabel xejn wieħed irid ikun jaf xi jfisser il-kliem “Immakulata Kunċizzjoni”. L-Insara jemmnu li kull bniedem li jitwieled iġorr miegħu il-marka tad-dnub li kienu wettqu Adam u Eva u għalhekk ikun jeħtieġ it-tindif minn din il-marka permezz tal-magħmudija. Marija, dik li welldet lil Ġesù kienet meħlusa minn din il-marka jew aħjar tebgħa – Immakulata dak li tfisser: bla tebgħa, perfett. Kunċizzjoni huwa l-frott tal-att tat-tnissil; il-prodott ta’ konċepiment, mela l-kliem “Immakulata Kunċizzjoni” għandu mnejn jidher tqil imma ifisser biss li Marija kienet imnissla mingħajr id-dnub tan-nisel.

Dan it-twemmin ilu fil-Knisja Kattolika sa mill-ewwel żminijiet tal-Knisja iżda kien il-Papa Piju IX li nhar il-festa tal-Kunċizzjoni tas-sena 1854 ħareġ il-bolla bl-isem Ineffabilis Deus fejn iddikjara bħala domma ta’ fidi dan it-twemmin antik. Fl-1858 ġewwa Lourdes fi Franza, iċ-ċkejkna Bernardette Soubirous bdiet tgħid li qed tara Sinjura sabiħa li meta staqsietha min hi weġbitha li hi l-Immakulata Kunċizzjoni.

F’pajjiżna
Il-qima lejn Marija taħt dan it-titlu huwa mifrux sewwa. Biss biss insibu l-parroċċa ta’ Bormla li ilha mwaqqfa sa mill-1586, għandha bħala patruna lill-Kunċizzjoni. Parroċċa Maltija oħra li hija ddedikata lill-Immakultata hija dik tal-Ħamrun. Din hija parroċċa relattivament ġdida u proprju din is-sena qed tiċċelebra l-ħamsin sena mit-twaqqif tagħha. Interessanti wkoll ngħidu li l-Imsida li saret parroċċa fl-1867 kienet tinqeda bil-knisja tal-Kunċizzjoni li hemm fil-lokal sakemm tlestiet il-knisja parrokkjali li naraw illum. Din il-kappella hija speċjali għax għandha parti għar u parti minbnija. Ġewwa Għawdex il-parroċċa tal-Qala hija ddedikata lill-Kunċizzjoni u lil San Ġużepp u hemmhekk insibu s-santwarju famuż tal-Kunċizzjoni li fl-1688 sar parroċċa biex jaqdi lin nies ta’ din ix-xaqliba tal-gżira Għawdxina għalkemm il-Qala bħala parroċċa twaqqfet fl-1872. Tajjeb isemmi li f’Ħondoq ir-Rummien, li jagħmel mal-Qala, hemm kappella oħra antika ddedikata lill-Immakulata, magħrufa bħala “Tal-Blat”.

Il-kappella ta' Wied Gerżuma 
Madwar Malta nsibu għadd ta’ kappelli oħra taħt il-patroċinju ta’ Marija mnissla bla tebgħa. F’Birżebbuġa (Bengħajsa), Ħal Lija, in-Naxxar, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar (Wied Qannotta), Ħaż-Żebbuġ u fiż-Żurrieq (in-Nigret) insibu knejjes antiki taħt it-titlu tal-Kunċiżżjoni. Dik li kulħadd isejjaħ “Ta’ Sarrija” fil-Furjana hija wkoll tal-Kunċizzjoni. Fil-Mosta (limiti ta’ Ta’ Qali) hemm kappella tal-Kunċizzjoni li mhix antika imma din inbniet għax l-oħra ta’ qabilha, li wkoll kellha l-istess titular, waqgħet fil-gwerra. Kappella oħra b’dan it-titlu mhux wisq antika nsibuha fl-Aħrax tal-Mellieħa. Fis-seminarju ta’ Għawdex insibu wkoll li l-kappella tiegħu hija ddedikata lill-Kunċizzjoni. Fir-Rabat ta’ Malta insibu l-Kunċizzjoni magħrufa bħala tas-Settifika, oħra bit-titlu tal-Kunċizzjoni u San Anton Abbati fl-inħawi tal-Għammieri u dik fl-inħawi ta’ Wied Ġerżuma. Dwar din l-aħħar kappella tajjeb ngħidu li din tat l-isem popolari lil dik ix-xaqliba. Bosta Maltin isejħu lil dan ir-raħal ċkejken qrib il-Baħrija, li bħala parroċċa kif ukoll bħala konfini jagħmel mar-Rabat, bħala l-Kunċizzjoni.

Is-Seftura u s-Sinjura
Dwar dan il-jum hemm ukoll marbuta taqbila qasira dwar jekk ikunx bnazzi jew maltemp fit-8 ta’ Diċembru. It-taqbila hija din: Jekk toħroġ is-seftura toħroġ is-sinjura. Biex infissru din it-taqbila rridu ngħidu li “Seftura” qed tirreferi għal San Katarina u “Sinjura” għall-Kunċizzjoni. Sa xi snin ilu, nikkalkula sa xi għoxrin sena ilu, il-festa ta’ Santa Katarina taż-Żejtun ma kinitx issir bħal-lum fis-sajf imma kienet issir fil-25 ta’ Novembru, fil-festa liturġika tagħha. Novembru jaf jagħmel bnazzi u jaf juri snienu wkoll. Il-Bormliżi kienu jgħidu li jekk fil-festa ta’ Santa Katarina ma tagħmilx xita allura lanqas f’tagħhom ma tagħmel, jekk toħroġ Santa Katarina toħroġ il-Kunċizzjoni wkoll. Ma fiha l-ebda bażi xjentifika din il-ħaġa, biss ġieli seħħ sewwasew kif tgħid it-taqbilau ġieli marret żmerċ ukoll!

L-aħħar pass għall-Milied
Il-ġulbiena 
Hemm id-drawwa li bħal-lum jinżergħu l-ġulbiena u l-qamħ għall-Milied. Jekk tħalli għal aktar tard ma jistax ikollok ġulbiena u qamħ sbieħ ħdejn il-bambin tal-Milied. Illum bosta jiżirgħuhom qabel u ovvjament ma jistennewx sa lejlet il-Milied biex joħorġuhom mid-dlam.

La jgħaddi jum il-Kunċizzjoni bosta jibdew jarmaw għall-Milied ukoll. Din id-drawwa ma hijiex tagħna l-Maltin biss anzi nista’ ngħid li aħna tlifniha għax sirna narmaw xahar qabel il-Milied, f’Santa Katarina flok fil-Kunċizzjoni. It-Taljani għadhom iżommu din id-draww fil-parti l-kbira taghom u jarmaw djarhom għall-festi tal-Milied jew fil-Kunċizzjoni jew l-għada. Hu x’inhu ladarba tgħaddi l-festa tal-Kunċizzjoni jibda jinħass aktar l-ispirtu tal-Milied u issa wkoll nibdew nitrekknu aktar għax ix-xitwa riesqa, u din is-sena diġà bdiet turina li qegħda wara l-bieb.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'InNazzjon -  8 ta' Diċembru 2018







Nessun commento:

Posta un commento