Il-familja Thiene
Fil-grigal tal-peninsula Taljana, fir-reġjun tal-Veneto, madwar 60
kilometru bogħod minn Venezja, imkennija taħt il-għoljiet hekk imsejħin Berici u
msoqqija mill-ilma tax-xmajjar Bacchiglione u Retrone nsibu l-belt sabiħa u
magħrufa ta’ Vicenza, belt magħrufa mhux biss għas-sbuħija naturali tagħha imma
wkoll għall-patrimonju artistiku li fiha. Belt magħrufa għax-xogħol tal-insiġ u
għax-xogħol fl-artiġjanar tad-deheb. Kien propju hawn li twieled il-qaddis Gejtu
fis-sena 1480. Huwa twieled fi ħdan il-familja nobbli Thiene li kienet ilha
tgħix f’dik il-belt għal madwar mitejn sena.
Gejtanu kien iben il-Konti Gaspare di Thiene u Marija da Porto, terzjarja
Dumnikana, it-tnejn minn Vicenza.
Il-ħaġjografi jgħidulna li huwa tilef lil missieru meta kellu biss sentejn Sa
minn ċkunitu l-qaddis wera li kien mixħut għall-istudju. Fil-fatt huwa baqa’
jistudja u kiseb il-lawra ta’ Avukat mill-Università ta’ Padova. Madanakollu
huwa qatt ma ħadem f’dik il-professjoni għax ix-xewqa tiegħu kienet waħda, dik
li jirċievi s-sagrament tal-Ordni Sagri. Fi żmien il-qaddis tagħna, għal
familja nobbli, bħalma kienet dik ta’ Thiene, kien ikun nuqqas jekk xi wieħed
mill-ulied ma jitħarriġx fl-arti tal-armi u l-Alta Socjetà u għalhekk
il-familja ta’ Gejtu, l-aktar ommu, ma kinitx wisq favur din l-idea, l-aktar
għax kienet diġà tilfet żewġ ulied subien, u kienet tara f’Gejtanu l-futur
tal-familja u tal-ġid li kienet tippossedi.
Iż-żagħżugħ Gejtu
Għall-ħabta tal-1506,
iż-żagħżugħ Gejtu ħalla belt twelidu u mar jgħix Ruma, il-kapitali tal-Knisja
Kattolika, il-belt li darba kienet il-kapitali tad-dinja, Caput Mundi, il-belt
eterna. Bħal kull belt oħra, Ruma minn dejjem kien fiha s-sabiħ u l-ikrah
tagħha, kien fiha l-ħelu u l-morr, kien fiha l-qdusija u kien fiha wkoll
id-dnub. Madanakollu minkejja l-età żgħira ta’ Gejtanu, huwa ma ntelaqx
mal-kurrent. Fil-fatt jingħad li darba qal: “Ruma, xi darba kont qaddisa u llum
sirt Babilonja!” Huwa beda jħoss li għandu jservi lil Alla iktar mill-qrib
għalhekk daħal fil-Konfraternita tal-Imħabba Divina li għenitu ħafna biex
jissaħħaħ fis-sejħa għas-saċerdozju.
F’dawk is-snin il-belt ta’
Ruma kienet fl-aqwa tar-rinaxximent. L-aqwa artisti kienu jfittxu li jersqu
lejn din il-belt bit-tama li xogħolhom jintgħoġob minn xi prelat tal-Kurja
Rumana jew minn xi benestant u jkun jista’ jwettaq xi opra tal-arti u fl-istess
waqt jaqla’ il-ħoża ta’ kuljum. Biss jekk l-arti kienet qed tispara ’l fuq,
mhux l-istess nistgħu ngħidu fejn jidħlu morali, sfortunatament anke fost
il-ġerarkija tal-Knisja Kattolika. Għalhekk huwa kien qal : “Ruma, xi darba
kont qaddisa u llum sirt Babilonja!” Il-qaddis tagħna kien qrib ta’ bosta
dinjitarji tal-Knisja. Biss biss kien segretarju partikolari tal-Papa Ġulju II,
pożizzjoni tant għolja li ma takwistahiex kif ġib u laħaq. Gejtanu minkejja li
dejjem kien qrib tal-ġerarkija tal-Knisja, dejjem għożż is-safa u ma ntelaqx
mal-kurrent. Ma nistgħux inħallu barra wkoll il-fatt li minkejja dan kollu,
f’Ruma kien hemm ukoll faqar kbir. Kien hemm madwar għoxrin fil-mija tan-nies
tal-belt li kienu foqra ħafna u ħafna minnhom lanqas kien ikollhom biex
jitrejqu. Din kienet Ruma tal-bidui tas-seklu XVI.
Huwa kien ordnat saċerdot f’Settembru tas-sena 1516 meta kellu 36 sena.
Huwa ried li l-ewwel quddiesa tiegħu jiċċelebraha nhar il-Milied ta’ dik
is-sena. Huwa qaddes din l-ewwel quddiesa tiegħu f’waħda mill-bażiliċi papali
li nsibu ġewwa Ruma, Santa Maria Maggiore.
Bil-Bambin f’idu
F’ittra li kien kiteb lill-ħabiba u segwaċi tiegħu, Sor Laura Mignani, waqt dik il-quddiesa kellu dehra minn Marija Santissima u din tatu lil Binha Ġesù tarbija f’idejh. Din l-istess grazzja reġa’ rċeviha fil-festi taċ-ċirkonċizzjoni ta’ Ġesù li kienet issir tmint ijiem fuq il-Milied u fil-festa tal-Epifanija nhar is-6 ta’ Jannar. Din ix-xena spiss narawha fix-xbiehat fejn jidher San Gejtanu. Hekk narawh fil-kwadru titulari ta’ Pietro Gagliardi tas-sena 1882 li jsebbaħ il-knisja parrokkjali tal-Ħamrun. Hekk narawh fil-vara titulari tal-Ħamrun ukoll maħduma minn Karlu Darmanin fl-1885. Hekk pittru Giuseppe Cali għall-parroċċa tal-Mellieħa, u hekk konna narawh fis-sotto kwadru li darba kien hemm fuq artal alterali fil-kolleġġjata ta’ Ħal Qormi. Hekk ukoll pittruh Michelangelo Buonocore, Gaetano Gandolfi u Giovanni Lanfranco fost bosta oħrajn. San Gejtanu bil-bambin Ġesù fi ħdanu.
Teatini
Flimkien ma’ Ġwann Pietru Carafa li wara sar il-Papa Pawlu IV, u żewġ
qassisin oħra, waqqaf it-Teatini, Kjeriċi Regolari, jiġifieri saċerdoti li
jgħixu flimkien taħt regola. Bħala l-ewwel Superjur Ġenerali ntgħażel Carafa li
qabel kien Isqof ta’ Chieti, bil-latin Theate. Minn hawn ġej l-isem
“Teatini.” Din is-sena dan l-ordni qed jiċċelebra il-500 sena mit-twaqqif
tiegħu.
San Gejtanu miet f’Napli fis-7 ta’ Awwissu 1547, fl-età ta’ 67 sena. Ġie
kkanonizzat fl-1671 mill-Papa Klement X.
Fr. Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 14 ta' Settembru 2024
Nessun commento:
Posta un commento