sabato 14 ottobre 2017

Eremitaġġ

Bil-kelma eremitaġġ nifhmu d-dar ta’ dak il-bniedem li għażel li jgħix ħajja waħdu, bogħod mid-dinja, bogħod minn kollox, f’ħajja ta’ kontemplazzjoni. L-eremitaġġ għalina huwa l-għarix tal-eremita. Imma llum ma nixtieqx naqsam magħkom ħsieb dwar dan il-post iżda nixtieq ngħid xi ħaġa dwar mużew li jġib dan l-isem.

San Pietruburgu
San Pietruburgu
Dan il-mużew li qiegħed insemmi jinstab fil-belt Russa ta’ San Pietruburgu. Din il-belt meraviljuża, li spiss tissejjaħ Venezja tat-Tramuntana.  Biex ngħidu d-dritt, hemm għadd ta’ bliet oħrajn li wkoll jingħatalhom dan it-titlu, bħal Stokkolma, l-kapitali Żvediża, Copenhagen, il-kapitali Daniża, Gdansk fil-Polonja, Amsterdam, kapitali tar-Renju tan-Netherlands u oħrajn. Imma ejjew nibqgħu San Pieruburgu. Din kienet il-belt kapitali Russa għal aktar minn mitejn sena. Fiha għexu s-slaten, Tżarijiet u Imperaturi li mexxew lir-Russja sar-rivoluzzjoni ta’ mitt sena ilu. Kien propju fl-1917 meta Nicholas II abdika u temm il-monarkija li kienet ilha tmexxi lil dan il-pajjiż għal aktar minn tliet mitt sena. Lenin sar il-mexxej ta’ dan il-pajjiż vast. Fl-1918 San Pietruburgu tneħħa minn kapitali u mill-ġdid dan ir-rwol reġa’ għadda għall-belt ta’ Moska. Vladimir Lenin, mexxej tar-Russja miet fil-21 ta’ Jannar tas-sena 1924. Ħamest ijiem wara mewt Lenin il-belt ta’ San Pietruburgu inbidlilha isimha u bdiet tissejjaħ Leningrad – il-belt ta’ Lenin. Dan l-isem dam sal-1991, meta wara l-waqa’ tal-Komuniżmu u  l-Unjoni Sovjetika, il-maġġoranza taċ-ċittadini ta’ dan il-post għażlu li belthom terġa’ tieħu l-isem oriġinali tagħha, l-isem li kien taha t-Tżar Pietru l-Kbir fl-1703.  Illum San Pietruburgu hija t-tieni l-akbar belt fir-Russja, wara Moska. Fiha jgħixu aktar minn ħames miljun ruħ.

L-Eremitaġġ
Imma ejjew nerġgħu lura minn fejn bdejna. Fuq ix-xatt tax-xmara Neva nsibu t-tieni l-akbar mużew fid-dinja. L-akbar wieħed huwa dak ta’ Louvre fi Franza. Ir-Russja aktarx hija iżolata minn ċentri artistiċi oħra, bħal Pariġi, Ruma jew Londra, imma l-mużew imsejjaħ Eremitaġġ irnexxielu jakwista kollezzjoni spettakolari ta’ aktar minn tliet miljun biċċa li jinfirxu fuq medda ta’ snin kbira, minn żmien il-ħaġar sal-bidu tas-seklu XX. Il-mużew jokkupa 66,842 metru kwadru mifruxin fuq sitt binjiet kbar.

It-taraġ tal-Eremitaġġ
L-ewwel parti tal-mużew infetħet mit-Tżarina Katarina l-Kbira fil-palazz hekk imsejjaħ tax-Xitwa, binja barokka li l-bini tagħha intemm fl-1764. Din il-mexxejja, dik is-sena stess xtrat 255 kwadru minn Berlin. Dan kien il-bidu ta’ dak li nsibu lllum. Min qatt kellu jgħidilha lil din il-mara li dak li bdiet hi kellu jsir attrazzjoni mondjali, post fejn jiġbor fih opri tal-aqwa esponenti tal-arti bħal Rembrandt, Rubens, Leonardo Da Vinci, Caravaggio, Michelangelo, Giovanni Battista Tiepolo, Goya, Van Gogh, Pablo Picasso u għadd ta’ artisti oħrajn. 

Jingħad li mhux possibbli li wieħed iżur dan il-mużew u jara kull biċċa xogħol ta’ arti li fih. Jekk wieħed jgħaddi minuta quddiem kull opra tal-mużew, dan irid aktar minn seba’ snin, lejl u nhar. U tassew għax tliet miljun minuta jagħmlu kważi dik il-medda ta’ snin!

Illum dak li jżur dan il-mużew jara l-aktar ħwejjeġ interessanti, l-aktar biċċiet popolari u famużi għaliex ħadd ma jista’ jgħaddi dawk is-snin kollha, bla ma jorqod jew jiekol, biex iżur mużew wieħed biss. Ta’ min jgħid li minkejja li huwa t-tieni l-akbar mużew tad-dinja, madanakollu fil-lista tal-viżitaturi jitlef postu u jiġi t-tmien wieħed. Fl-ewwel post jibqa’ l-Louvre, warajh insibu l- Metropolitan Museum of Art ta’ New York, imbagħad il-British Museum segwit min-National Gallery ta’ Londra wkoll. Fil-ħames post insibu l-Mużew tal-Vatikan u nerġgħu Londra għall-gallarija Tate Modern. In- National Gallery of Art ta’ Washington jiġi sewwasew qabel l-Eremitaġġ ta’ San Pietruburgu. Minkejja li huwa s-seba’ fil-lista, aktar minn erba’ miljun ruħ iżuruh ta’ kull sena.

Għaliex Eremitaġġ
It-Tżarina Katarina l-Kbira
Huwa isem tabilħaqq kurjuż dak li għandu dan il-mużew. Għandna nkunu nafu li għall-bidu dan il-mużew kien biss kollezzjoni ta’ arti privata, personali tat-Tżarina Katarina l-Kbira. Ftit li xejn kienu dawk li kienu jistgħu jidħlu jaraw l-opri ta’ din il-kollezzjoni. Kien propju minn dan il-fatt li ħa dan l-isem dan il-post. Bħalma f’eremitaġġ mhux possibbli li dak li jkun jaqbad u jmur meta jfettillu, qisu sejjer f’xi ħanut tat-te, hekk ukoll ma kienx possibbli li dak li jkun imur fil-Palazz tax-Xitwa max-xatt tax-xmara Neva. Maż-żmien infetaħ għall-pubbliku iżda l-isem baqa’ mwaħħal miegħu, ma nbidilx, mhux bħalma kien inbidel tal-belt li fiha jinstab.


Fr Reno Muscat

Artiklu li deher f'In-Nazzjon 14 ta' Ottubru 2017




Nessun commento:

Posta un commento