domenica 22 ottobre 2017

Daqq u mużika

Qatt innutajtu kemm il-mużika hija element li nsibuh spiss fil-ħajja tagħna? Għiduli fejn tmur u ma tismax xi tip ta’ mużika? Din il-forma ta’ arti ilha mal-bniedem miljuni ta’ snin u daħlet f’kull qasam jew ambjent tal-ħajja umana.

Gosti diversi
Bħal f’kollox, dwar il-mużika ma nistgħux niġbdu linja dritta fejn jidħlu gosti. Hawn min iħobb tip ta’ mużika u hawn min iħobb tip ieħor. Aktarx li kulħadd jara l-mużika ta’ tfulitu bħala l-isbaħ mużika. Ma rridx insemmi gruppi, imma ngħid għalija nippreferi mużika tas-snin 80/90 minn dik tal-lum. Iż-żgħażagħ nassumi li ma jaqblux miegħi.

Iżda hemm tip ta’ mużika li naħseb huma bosta li jinteressaw ruħhom fiha. Meta nkunu barra minn xtutna b’xi vaganza, spiss joffrulna xi serata ta’ mużika folkloristika ta’ dak il-pajjiż li nkunu fih. Bosta minna jmorru għaliex dan huwa ftit ħin fejn inti tabilħaqq tħoss il-polz tal-poplu li tkun qed iżżur pajjiżu għax il-mużika folk iġġorr fiha r-ruħ tal-poplu, tesprimi dak li jħoss il-poplu, titkellem l-ilsien tiegħu. Hawnhekk ikollna nħallu barra l-gosti tagħna u għal dak il-waqt nippruvaw nilbsu ż-żarbun ta’ poplu barrani li nkunu qed nisimgħu l-mużika tiegħu.


Antik ma’ modern
Il Volo mal-President tar-Repubblika waqt żjara f''Malta
Għandna mbagħad ċerta mużika li tibqa’ żagħżugħa, tibqa’ tingħoġob minn ġenerazzjoni għal oħra. Dawn huma diski li ma jmutu qatt. Ippermettuli nsemmi xi wħud minn dawn: Soldato innamorato, O sole mio, Volare, Imagine, Bohemian Rhapsody …. Dawn huma diski li jogħġbu kemm lill-kbar kif ukoll liż-żgħar – tassew li dejjem insibu xi eċċezzjoni, imma aktarx li huma diski li jinżlu tajjeb mal-gosti ta’ kulħadd. Grupp ta’ tliet żgħażagħ Taljani għaraf din il-ħaġa u sfruttaha; ingħaqdu fi grupp li beda jkanta tip ta’ mużika u jkollna nammettu li għamlu suċċess kbir. Qed nirreferi għall-grupp Il Volo, iffurmat fl-2009 minn Gianluca Ginoble baritonu flimkien ma’  Piero Barone u Ignazio Boschetto tenuri, rebbieħa tal-festival ta’ San Remo u li kisbu t-tielet post fil-Eurovision 2015. Is-suċċess ta’ dan l-esperiment mar lil hinm mix-xtut Taljani. Anke Malta gawdejna t-talent ta’ dawn it-tliet żgħażagħ għal darba darbtejn.

Dan huwa fatt fejn l-antik tħallat mal-modern u ma stonax.

Fil-knisja
Bħal-lum, il-Ħadd in-numru ta’ dawk li jattendu l-knisja jkun akbar. Aktarx li għal bosta dan ikun l-ewwel għamla ta’ mużika li jisimgħu illum. Minkejja li f’Malta ma għandniex kori parrokkjali professjonali, jiġifieri li dawk li jkantaw fih jaqilgħu l-għejxien tagħhom bil-kant, madanakollu xorta ġieli tisma’ korijiet lokali ta’ livell għoli tassew. Kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex għandna numru żgħir ta’ korijiet li jpaxxuk meta tisma’ xi kunċert tagħhom jew anke meta janimaw xi quddiesa.

Hawn min hu ffissat li quddiesa trid tkun bil-kant bil-fors. Il-kant huwa xi ħaġa optional fil-quddiesa. Tassew li Santu Wistin jgħid li min ikanta jkun qed jitlob doppjament, imma allura bl-istess argument ngħid jien: min jistona xi jkun qed jagħmel doppjament? Aħjar quddiesa bla kant milli kant li jirrendi quddiesa f’farsa.

Id-daqq u l-mużika itejbu l-palat tal-ħajja tagħna, isebbħu t-triq tal-ħajja li minnha rridu ngħaddu. Kemm jixraq li napprezzaw dan id-don li ilu tant magħna u għandna mnejn bosta drabi tant noħduh bħala ħaġa skontata, for granted kif jgħidu l-Ingliżi.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Il-Mument - 22 ta' Ottubru 2017



Nessun commento:

Posta un commento