Wieħed mill-pajjiżi li dawn l-aħħar snin aħna l-Maltin bdejna nżuru spiss huwa l-Polonja. Dan il-pajjiż li
ssieħeb fl-Unjoni Ewropea magħna għandu ħafna x’joffri u għalina l-Maltin,
żjara fih għandha tkun vakanza mill-aqwa.
Ftit storja
Meta wieħed jaqra l-istorja ta’ dan il-pajjiż jinduna kemm niesu minn
dejjem batew iżda minkejja kollox baqgħu sodi u dejjem iġġieldu għal pajjiżhom.
Il-Polonja bdiet tifforma f'entità magħquda u pajjiż rikonoxxut lejn nofs
is-seklu 10 taħt id-dinastija ta’ Piast. L-ewwel ħakkiem tal-Polonja li huwa storikament
dokumentat kien Mieszko I li aċċetta l-Kristjaneżmu bħala r-reliġjon uffiċjali
tad-dinastija tiegħu. Dan ir-rikonoxximent tal-Knisja Latina fis-sena 966
nistgħu ngħidu li kien il-Magħmudija tal-Polonja. Fl-1569 il-Polonja ngħaqdet
mal-Litwanja u fis-sekli XVI u XVII kien hemm bosta kriżijiet fit-tmexxija
tas-saltna. Il-Pollakki qamu kemm-il darba kontra l-mexxejja tagħhom. Fl-1807
din l-art għaddiet taħt idejn Napujun li ddikjaraha bħala d-Dukat ta’ Varsavja.
Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija l-Alleati kollha qablu dwar ir-rikostituzzjoni
tal-Polonja. It-Tieni Gwerra Dinjija bdiet bl-invażjoni tal-Polonja mill-Ġermaniża
Nażista fl-1 ta’ Settembru 1939. Din kienet segwita mill-invażjoni Sovjetika
fis-17 ta' Settembru. Fit-28 ta’ Settembru 1939, Varsavja waqgħet. Kif
miftiehem bejn is-Sovjetiċi u n-Nażisti, il-Polonja kienet maqsuma f'żewġ żoni,
waħda okkupata mill-Ġermanja Nażista, l-oħra mill-Unjoni Sovjetika. Is-snin
tal-gwerra kienu snin tal-biża’ għall-polonja. Hemmhekk kien hemm għadd ta’
kampijiet ta’ konċentrament li kellhom l-għan li jeqirdu lil-Lhud u warajhom
bosta u bosta oħrajn. Wara l-gwerra dan il-pajjiż daħal fl-era Komunista li
baqgħet sejra sas-snin disgħin. Mal-ħelsien mill-Komuniżmu l-Polonja bdiet
it-triq lejn tisħib fl-Unjoni Ewropea, li seħħ fl-1 ta’ Mejju tas-sena 2004.
L-aktar magħruf
Turiżmu
Il-Polonja bdiet tesperjenzat żieda sinifikanti fin-numru ta’ turisti wara
li ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. Il-pandemija tal-Covid19 ħarbtet dan is-settur
madwar id-dinja kollha. Bi kważi 21 miljun turist internazzjonali fl-2019,
it-turiżmu jikkontribwixxi konsiderevolment għall-ekonomija ġenerali u jifforma
proporzjon relattivament kbir tas-suq tas-servizzi tal-pajjiż.
L-attrazzjonijiet turistiċi fil-Polonja jvarjaw, mill-muntanji fin-nofsinhar
sal-bajjiet bir-ramel fit-tramuntana. L-iktar belt li jżuruha turisti hi Krakovja,
li kienet fl-antik il-kapitali tal-Polonja u llum isservi bħala relikwa tal-età
tad-deheb tal-Polonja u tar-Rinaxximent.
Il-kapitali Pollakka Varsavja u l-Belt il-Qadima storika tagħha ġew mibnija
mill-ġdid wara li nqerdu bil-gwerra. Bliet oħra li jiġbdu għadd ta’ turisti
jinkludu Gdańsk, Poznań, Lublin, Toruń kif ukoll i-kamp ta’ konċentrament
Ġermaniż ta’ Auschwitz f'Oświęcim. Post li jżuruh bosta huwa l-Minjiera
tal-Melħ f’Wieliczka. Din hija minjiera tas-seklu 13 donnha labrint li fiha
wkoll kappella minquxin mill-minaturi minn melħ tal-blat taħt l-art.
Il-Polonja hija art li ta’ min iżurha. Hemm ħafna xi tgħid dwarha, jien
semmejt ftit biss.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' Awwissu 2021
Nessun commento:
Posta un commento