Ma hemmx għalfejn tkun xi fanatiku tal-futbol biex tkun smajt bl-isem ta’ Cristiano Ronaldo. Huwa plejer tal-futbol Portugiż li sal-bieraħ kien attakkant tat-tim tal-Juventus u għadu tat-tim nazzjonali Portugiż, li tiegħu huwa wkoll il-kaptan. Meqjus bħala wieħed mill-aqwa plejers tal-futbol ta’ kull żmien, huwa fost l-iktar skorers prolifiċi fl-istorja tal-futbol. Fil-fatt huwa skorja aktar minn tmien mitt gol fi ftit aktar minn ħdax-il mitt logħba. Huwa sa issa jiġi t-tieni fil-lista tal-akbar skorers, sewwasew wara Josef Bican li f’ħames mija u tmienja u għoxrin logħba kien skurja tmien mija u għoxrin gol. Fil-karriera tiegħu, Cristiano Ronaldo libes il-gerijiet ta’ Sporting Lisbon, Manchester Utd, Real Madrid u Juventus. Mat-tim nazzjonali Portugiż huwa pparteċipa erba’ darbiet fit-Tazza tad-Dinja; dik tal-2006, tal-2010, tal-2014 u tal-2018 kif ukoll lagħab f’ħames kampjonati Ewropej; fl-2004, fl-2008, fl-2012, fl-2016 u fl-2020 (li saru fl-2021). Bla dubju dan huwa rekord assolut fid-dinja tal-futbol.
Familja
Cristiano Ronaldo dos Santos Aveiro twieled f'São Pedro, Funchal, fil-gżira
Portugiża ta’ Madeira, u trabba f'Santó António, Funchal. Huwa r-raba’ u
l-iżgħar tifel ta’ Maria Dolores dos Santos Viveiros da Aveiro, koka, u José
Dinis Aveiro, ġardinar mal-kunsill lokali tal-post. In-nanna tiegħu, omm missieru,
Isabel da Piedade, kienet mill-gżira ta' São Vicente, Cape Verde. Huwa għandu
ħuh ikbar, Hugo, u żewġ ħutu bniet akbar minnu wkoll, Elma u Liliana Cátia.
Huwa trabba f’ambjent fqir imma ġie mgħallem valuri Kristjani sodi.
Ommu, Dolores Aveiro fi ktieb li ġie ppubblikat bl-isem “Il-Kuraġġ ta’ Omm”
tgħid li meta ħarġet tqila bih kienet
marret għand tabib f’Madeira u qaltlu: “Irrid nagħmel abort.” Imma
t-tabib ma qabilx magħha. Li jkollha
r-raba’ tarbija fis-sitwazzjoni ekonomika li kienet tinsab fiha l-familja dak
iż-żmien, ma kinitx ħaġa li xtaqet
Dolores. Minbarra l-qagħda ekonomika xejn sewwa tal-familja, il-missier, José,
kellu problema tax-xorb li kienet tkompli tgħarraq il-qagħda tal-familja.
Dolores kienet beżgħana u nervuża imma r-risposta tat-tabib kienet “Le,
jien ma nagħmlux l-abort. Għandek biss
30 sena u ma hemm l-ebda raġuni fiżika li m’għandux ikollok tarbija. Ħares lejha
bħala l-ferħ tal-familja.” Hija marret lura lejn id-dar iżda l-ħsieb
tal-abort baqa’ jberren f’moħħha.
Ronaldo ma' ommu |
“Jekk ir-rieda ta’ Alla hi li dit-tarbija titwieled, jalla jsir hekk”. Kienet
qalet Dolores. Wara ftit xhur twieled Ronaldo fil-5 ta’ Frar 1985 u Dolores
stqarret li kien ġab ċertu ferħ fil-familja tagħha.
Qalb tad-deheb
Cristiano Ronaldo spiss iddistingwa ruħu wkoll għall-azzjonijiet tiegħu
barra l-kamp sportiv: fl-2004, wara filmati televiżivi tat-terremot u t-tsunami
li seħħew fl-Oċean Indjan, filmati li wrew immaġini ta’ tifel, orfni liebes
flokk tat-tim nazzjonali Portugiż, Ronaldo ddeċieda li jżur il-belt ta’ Aceh
fl-Indoneżja sabiex jiġbor fondi għar-rikostruzzjoni tal-belt. Fl-2008, wara li
rċieva kumpens mill-gazzetta The Sun, f’kawża mirbuħa għal malafama
mill-gazzetta, il-plejer tal-futbol iddeċieda li jagħti l-flus li rċieva lill-istituti
tal-karità ta’ Madeira; Imbagħad ta donazzjoni ta’ 100,000 Lira Sterlina
lill-isptar li salva lil ommu mill-kanċer biex jinbena ċentru tal-kanċer
fil-gżira. Huwa wkoll qrib il-kawża Palestinjana, fl-2012 biegħ bl-irkant
iż-Żarbuna tad-Deheb miksuba s-sena ta’ qabel, u l-miljun u nofs ewro li nġabru
minnha ngħataw għall-finanzjament ta’ skejjel għat-tfal ta’ Gaża; fl-2012 ukoll,
huwa ħallas għal kura speċjalizzata għal tifel ta’ 9 snin li jbati minn kanċer
terminali, filwaqt li f’Diċembru ngħaqad mal-programm tal-FIFA 11 for Health
biex iqajjem kuxjenza fost it-tfal dwar kif jiġu evitati kundizzjonijiet
bħall-vizzju tad-droga, l-HIV, il-malarja u l-obeżità. Fi Frar 2013, ftit qabel
il-partita tal-UEFA Champions League bejn Real Madrid u Manchester Utd, huwa
għadda ċekk għal €100,000 li qala’ mill-UEFA għall-programm ta’ riabilitazzjoni
tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar fl-Afganistan. L-2014 ta
donazzjoni ta’ €70,000 lil familja Spanjola, wara li rkanta l-ger u ż-żraben
tiegħu. Din il-familja riedet tiffinanzja kompletament it-trattament ta’
tarbija ta’ 10 xhur li kienet tbati minn marda f’ moħħha. Fl-2015 huwa ġie nnominat
bħala l-iktar sportiv tal-karità wara li ta aktar minn €6, 000, 880 bħala għajnuna
wara t-terremot tan-Nepal tal-25 ta' April 2015.
Immaġinaw kieku ommu rnexxielha tagħmel abort! X’telfa kbira kienet tkun mhux
biss għad-dinja sportiva imma għall-umanità kollha. Din hija in-naħa umana ta’
dan l-istilla tal-futbol. Ronaldo ma huwiex biss rigal lid-dinja sportiva imma
lill-umanità kollha.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Awwissu 2021
Nessun commento:
Posta un commento