sabato 14 agosto 2021

Bħal-lum tmenin sena

 

L-14 ta’ Awwissu għal ħafna minna jista’ jkun jum bħal ħafna oħra u ma jfisser xejn għalina. Biss f’dan il-jum, sewwasew tmenin sena ilu, miet, jew ġie maqtul bniedem li ta’ min jgħid xi ħaġa fuqu. Qed nirreferi għal San Massimiljanu Kolbe.

Żmien il-gwerra

Iż-żmien li qed nitkellmu dwaru huwa żmien it-tieni gwerra dinjija. Żmien xejn sabiħ fl-istorja tal-umanità, biss imbagħad hemm waqtiet minn dan iż-żmien li huma aktar ta’ mistħija minn oħrajn, bħal ngħidu aħna t-twaqqif tal-Kampijiet ta’ Konċentrament.

Auschwitz - Kamp ta' Konċentrament
Illum, tant snin wara din il-paġna tal-istorja li tħammar wiċċ il-bniedem ċivilizzat, l-isem Auschwitz u ismijiet oħra marbutin mal-magna tal-mewt,  għadu jkexkixna, ibeżżagħna, ibikkimmna u jbikkina. F’dak il-post fejn miljuni ta’ bnedmin, il-parti l-kbira tagħhom Lhud, sabu it-tmiem tagħhom, ġew sterminati, meqruda, maqtula..... minħabba filosofija żbaljata, minħabba twemmin falz li kien inxtered fost il-mexxejja tal-poplu Ġermaniż – filosofija li tifred il-bniedem skont ir-razza! Filosofija li tgħallem il-qerq għax fostna l-bnedmin ma hemmx razez, aħna lkoll maħluqin xorta. Jeżistu iva varjazzjonijiet fil-lewn tal-ġilda tagħna, jeżistu differenzi fil-fiżjonomija ta’ bnedmin minn oħrajn, imma aħna lkoll membri tar-razza umana.

Il-qerda ta’ tant miljuni ta’ bnedmin Lhud kienet frott filosofija ħażina u żbaljata, biss daqstant ieħor hija żbaljata l-filosofija tal-gwerra, filosofija li matul is-seklu li għadda tatna għal darbtejn gwerer dinjin. Il-gwerra hija “Straġi Inutli.” Hekk sejħilha l-Papa Benedettu XV fl-ittra appostolika tiegħu lill-Popli antagonisti tal-ewwel gwerra dinjija, ittra li ħariġha nhar l-10 ta’ Awwissu, 1917. Straġi inutli li fiha kulħadd joħroġ tellief u fejn ħadd ma jirbaħ xejn. Hekk jiġri fi gwerra.

80 sena ilu

Illum jaħbat it-tmenin sena mill-mewt ta’ bniedem fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz. Nistħajjilkom tgħiduli li ma jiena qed ngħid xejn speċjali għax f’dak il-kamp kienu jmutu jew jinqatlu mijiet, jew eluf ta’ bnedmin kuljum. Imma llum huwa t-tmenin anniversarju mill-mewt ta’ Massimiljanu Marija Kolbe, il-patri Franġiskan Konventwali li ta ħajtu biex jinħeles bniedem ieħor.

Maximiljanu Marja Kolbe, imwieled Rajmund Kolbe fi Zduńska Wola, l-Polonja nhar it-8 ta’ Jannar, kien qassis Pollakk u Franġiskan li offra li jieħu post missier ta’ familja, destinat għall-bunker tal-ġuħ fil-kamp ta' konċentrament ta’ Auschwitz. Huwa ġie beatifikat fl-1971 mill-Papa Pawlu VI, li sejjaħlu "martri tal-imħabba" u mbagħad ipproklamat qaddis fl-1982 mill-Papa Ġwanni Pawlu II.

Patri Massimiljanu Kolbe OFM Conv.
Wara li faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, Massimiljanu Kolbe kien wieħed mill-ftit patrijiet li baqgħu fil-kunvent ta’ Niepokalanów, fejn twaqqaf sptar temporanju. Wara li l-belt inqabdet mill-Ġermaniżi, huwa ġie arrestat minnhom fid-19 ta' Settembru 1939 iżda meħlus fit-8 ta' Diċembru. Huwa rrifjuta li jiffirma d-Deutsche Volksliste, dokument li kien jagħtih drittijiet bħal dawk taċ-ċittadini Ġermaniżi. Mal-ħelsien tiegħu huwa kompla jaħdem fil-kunvent tiegħu, fejn hu u patrijiet oħra pprovdew kenn lir-refuġjati fosthom 2,000 Lhudi li ħeba fil-kunvent ta’ Niepokalanów mill-persekuzzjoni Ġermaniża.

Fit-28 ta’ Mejju, 1941, Kolbe wasal fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz, fejn kien irreġistrat bin-numru 16670 u impjegat f’xogħlijiet tabilħaqq umiljanti bħalma huma t-trasport ta’ katavri. Huwa ġie msawwat diversi drabi, iżda ma qatax qalbu u baqa’ juri solidarjetà ma’ sħabu l-priġunieri. Minkejja li kien ipprojbit, Kolbe ċċelebra l-quddiesa b’mod sigriet tal-anqas darbtejn u kompla bl-impenn tiegħu bħala presbiteru.

Pittura ta' San Massimiljanu Kolbe li tinsab fil-
Kolleġġjata ta' San Ġorġ Ħal Qormi 
 Xogħol Manuel Farrugia
Ftit minn  ħajtu

Forsi l-aktar parti tal-ħajja tal-Qaddis Kolbe li aħna midħla tagħha hija din l-aħħar biċċa, imma biex huwa seta’ jgħix b’dak il-mod, kellu pedamenti sodi. Kolbe ma beniex id-dar tiegħu fuq ir-ramel u meta ġie l-maltemp waqqagħlu kollox, Kolbe bena daru fuq il-blat.

Kolbe kiber f’familja reliġjuża, li fiha sab sostenn u appoġġ għall-vokazzjoni tiegħu. Fiċ-ċentru tal-ispiritwalità tiegħu poġġa l-figura ta’ Marija Immakulata, li huwa kien jaraha bħala r-rabta bejn il-bniedem u Alla, u li lilha jista’ jafda ruħu bl-imħabba u l-fiduċja. Kien hu li waqqaf “Il-Milizja tal-Immakulata” għax kien jaf li bħalma l-Immakulata saħqet ras is-serp, kellha s-setgħa titlob lil Binha jeqred il-ħażen mill-ħajja tagħna. Kolbe mar ixandar lil Kristu fl-artijiet tal-missjoni. Huwa mar kemm il-Ġappun kif ukoll l-Indja sabiex iwassal l-Evanġelju ta’ Kristu lil dawk il-popli!



Wara mewtu

Kolbe ġie beatifikat fis-17 ta’ Ottubru tas-sena 1971 mill-Papa Pawlu VI u kkanonizzat fl-10 ta’ Ottubru 1982 mill-Papa Ġwanni Pawlu II, Pollakk bħalu. Fil-jum tal-kanonizzazzjoni tiegħu, il-Papa Wojtyła fl-omelija tiegħu ddefinieh bħala "martri qaddis, patrun speċjali għaż-żminijiet diffiċli tagħna, patrun tas-seklu diffiċli tagħna" u "martri tal-karità". Preżenti wkoll għaċ-ċerimonja kien hemm Franciszek Gajowniczek, ir-raġel li kien salva mill-mewt fil-kamp tal-konċentrament.

Il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-memorja tiegħu dakinhar tal-mewt tiegħu, l-14 ta ’Awwissu.

Dan huwa dak li niċċelebraw illum, il-mewt ta’ bniedem kbir, sewwasew tmenin sena ilu!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 14 ta' Awwissu 2021




Nessun commento:

Posta un commento