Dan l-aħħar qrajna li l-monasteru tas-sorijiet tal-klawsura Agostinjani li
hemm il-Belt Valletta, strada rjali, ftit l-isfel minn Misraħ San Ġorġ, ser
jiftaħ il-bibien tiegħu biex jilqa’ fih sorijiet tal-klawsura mill-Filippini.
Intqalu ħafna teoriji, fosthom li issa ser ikollna “sorijiet impurtati!” Dan
il-fatt ħajjarni nikteb dan l-artiklu għax bosta mill-kummenti li rajt fuq
il-media soċjali tawni x’nifhem li hawn nuqqas ta’ tagħrif dwar dan l-argument.
Ħajja kontemplattiva
Irridu l-ewwel ħaġa nagħmlu distinzjoni bejn dik li tissejjaħ il-ħajja reliġjuża
attiva u l-ħajja reliġjuża kontemplattiva. L-ewwel forma ta’ ħajja reliġjuża,
jiġifieri meta grupp ta’ nies jibdew jgħixu flimkien biex jgħixu ħajja ta’
talb, kienet il-forma kontemplattiva. Aħna bil-Malti lis-sorijiet kollha
sorijiet insejħulhom u lill-patrijiet kollha patrijiet, allura biex nifthemu
jkollna nużaw il-kliem Taljan. Jeżistu l-Monaco u l-Monaca, il-monaco
bil-Malti jissejjaħ raħeb u l-monaca soru tal-klawsura. Huma dawn li
jissejħu reliġjużi ta’ ħajja kontemplattiva. Sa żmien San Franġisk u San
Duminku kienu jeżistu biss reliġjużi ta’ ħajja kontemplattiva. Dawn il-qaddisin
waqqfu l-ewwel ordnijiet ta’ ħajja reliġjuża attiva.
Il-ħajja kontemplattiva hija sinonima mal-klawsura. Fil-fatt anke l-ismijiet
tal-post fejn jgħixu jindika dan. Dawn joqgħodu f’monasteru (kelma li ġejja
minn mono stare – toqgħod waħdek) filwaqt li l-patrijiet u s-sorijiet
joqgħodu fil-kunvent (kelma li ġejja minn con vivere – ngħixu flimkien).
L-għan tal-ħajja kontemplattiva hija t-talb filwaqt li l-għan tal-ħajja reliġjuża
attiva minbarra t-talb hemm ukoll il-kariżma tal-ordni partikolari li għaliha
jkun jappartjeni l-membru. Hawn ippruvajt infiehem fil-qosor id-differenza bejn
iż-żewġ tipi differenti ta’ ħajjiet reliġjużi.
Ħajja moħlija
Fost il-kummenti li rajt dwar l-aħbar li xi sorijiet tal-klawsura mill-Filippini
ġejjin jgħixu Malta, rajt min kiteb li soru aħjar toħroġ barra tgħin lil min hu
fil-bżonn milli tmur tingħalaq fil-monasteru u skont dawn “jaħlu ħajjithom hemm
ġew!” Minn kummenti bħal dawn nindunaw kemm illum il-Malti tilef is-sens tat-talb,
kemm warrab dak li tant kien għal qalb l-antenati tagħna. Tabilħaqq li soru li taħdem
qrib in-nies tidher li qed tgħix ħajja utli filwaqt li minħabba l-klawsura,
minħabba r-restizzjonijiet li timponi l-ħajja monastika, mara li tidħol
fil-klawsura tidher għad-dinja bħala ħela. Imma jekk inżommu din it-teorija
nkunu qed ngħidu li t-talb huwa ħela ta’ żmien. Jekk tifhem dan l-argument żgur
li ma tgħidx li ħajja fil-monasteru hija ħajja moħlija.
Nuqqas ta’ membri
Il-monasteru tal-Agostinjani tal-Belt Valletta stqarr pubblikament li qiegħed
fi kriżi. Din il-ħaġa donnha nibżgħu ngħiduha bil-miftuħ, nippruvaw ngħattu
x-xemx bl-għarbiel u nibqgħu nitfgħu t-trab taħt it-tapit. In-numru ta’ patrijiet
u sorijiet kull ma jmur dejjem qed jonqos u dawk li qed jidħlu fil-kunventi huma
bil-wisq inqas minn dawk li qed imutu. Hawn mhux ser noqgħod nagħmel eżami
għalfejn iż-żgħażagħ mhux qed jersqu lejn il-ħajja reliġjuża, imma ngħid biss
li hemm bosta raġunijiet, u raġunijiet miż-żewġ naħat, mill-ġenerazzjoni
żagħżugħa u mill-Knisja u mill-Ordnijiet Reliġjużi.
Importazzjoni
Niftakar meta Malta kienet tesporta s-saċerdoti u s-sorijiet. F’kull parti
tad-dinja xi darba kien hemm preżenza ta’ xi membru tal-Knisja Maltija. Kien
hemm żmien li konna nisimgħu l-kliem: “Għad jasal iż-żmien li jibdew jiġu
l-missjunarji f’pajjiżna!” Konna nieħdu dal-kliem biċ-ċajt, konna naraw din
il-problema bogħod wisq minna u konna naħsbu li qatt ma kienet ser tilħaqna.
Kemm konna żbaljati! Wasal dak il-waqt fuqna wkoll, forsi kien għal għarrieda,
jew forsi ma konniex lesti għalih. Hu x’inhu wasal. Xorta waħda għadna ma
wasalniex għal-livelli li waslet fihom il-Knisja f’ċerti bnadi tal-Ewropa, fejn
kappillan ikollu tnejn, tlieta jew saħansitra erba’ parroċċi. Għadna ma wasalniex
fil-punt li parroċċa jkollha quddiesa waħda darba fil-ġimgħa, realtà li teżisti
f’ċerti parroċċi Ewropej. Aħna għadna mfissdin, irridu jekk jista’ jkun il-qassis
id-dar biex ma nimxux sal-knisja! Għadna fil-lussu meta nqabblu rwieħna ma’
pajjiżi oħra, imma resqin b’pass mgħaġġel lejn realtà ġdida.
Il-monasteru tal-Agostinjani tal-Belt fetaħ bwiebu għal membri barranin. Dawn
huma ta’ eżempju għal oħrajn, mhux biss reliġjużi femminili imma anke maskili. X’fiha
ħażin li jkollok soriijet jew patrijiet u saċerdoti impurtati?
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 4 ta' Settembru 2021
Nessun commento:
Posta un commento