Żort il-Polonja aktar minn darba u f’kull żjara tiegħi dejjem żort dak li
fadal mill-kamp ta’ konċentrament li n-Nażisti kienu bnew ġewwa Oświęcim jew
kif inhu magħruf aħjar: Auschwitz. F’waħda mill-barrakki tal-kamp hemm tabella
li rajtha l-ewwel darba li żort dan il-post li jħammar wiċċ l-umanità kollha.
Din it-tabella fiha miktub fuqha frażi ta’ George Santayana, miktuba
bil-Pollakk u bl-Ingliż. Il-frażi bil-Malti nistgħu ngħidu li tiġi hekk: Dak li
ma jiftakarx l-imgħoddi huwa kkunddannat li jerġa’ jgħaddi minnu.
George Santayana |
Ejjew qabel xejn naraw min kien dak li ħareġ b’din il-frażi eċċellenti. Ismu
propju kien Jorge Agustín Nicolás Ruiz de Santayana y Borrás, imma aktar huwa
magħruf bħala George Santayana. Huwa twieled Madrid fi Spanja f’Diċembru
tas-sena 1863. Meta kellu tmien snin il-familja tiegħu emigrat lejn l-Istati
Uniti u hu dejjem ħass li kien Amerikan minkejja li żamm iċ-ċittadinanza Spanjola.
Studja ġewwa l-Università ta’ Harvard. Wara erbgħin sena huwa reġa’ lura lejn
l-Ewropa fejn gĦex f’Avila, Pariġi u Oxford fost oħrajn u fil-kontinent tagħna
baqa’ sakemm miet fl-1952 fil-Belt ta’ Ruma, l-Italja. Huwa kien filosfu,
kittieb u poeta li jibqa’ magħruf kemm għal din il-frażi li semmejt kif ukoll
għal xi oħrajn bħal: Dawk li jmutu biss jaraw it-tmiem tal-gwerra.
Ġenoċidji
Fil-post fejn rajt il-plakka bi kliem Santayana ġew maqtula fuq miljun ruħ.
Biss ma rridux ninsew li fl-istess żmien kien qed issir qtil ta’ mijiet ta’
eluf ta’ Serbi mill-Kroati bl-għajta ta’ tindif etniku. Huwa stmat li nqatlu
aktar minn miljun Serb f’dan l-hekk imsejjaħ “tindif”. Insemmu wkoll li
n-Nażisti wkoll f’dawn is-snin qatlu bejn kwart u nofs miljun minn dak il-poplu
li jissejjaħ Rom, dejjem bl-iskuża tat-tindif etniku. Fl-1971 kellna bosta mwiet fil-ġlieda
għall-ħelsien tal-Bangladesh. Bejn mitejn u tliet mitt elf ruħ inqatlu
mill-forza tal-ordni tal-Pakistan. Bejn l-1974 u l-1999 kellna qtil ta’ mases
ta’ nies f’Timor tal-Lvant. Hemm inqatlu bejn mija u tliet mitt elf ruħ. Bejn l-1975 u l-1979 seħħ il-qtil tal-massa
fil-Kambodja. Bejn miljun u nofs u żewġ miljun ruħ sabu tmiem ħajjithom f’dawn
is-snin f’dan il-pajjiż Ażjatiku. Fil-Gwatemala bejn l-1981 u l-1983 inqalu
madwar mija u sitta u sittin elf persuna ta’ nisel Maya. Dawn ta’ wara t-tieni
gwerra dinjija huma kollha ġenoċidji li seħħew fi gwerra bierda u jkollna
ngħidu li ma kinux dawn biss. Ir-Rwanda, Il-Bosnija, il-Kongo, is-Somalja huma
ftit fost il-pajjiżi li għaddew minn esperjenza kerha ta’ ġenoċidju.
Donnha d-dinja tinsa dak li tkun għaddiet minnu, anzi jkolli ngħid tinsa
malajr wisq jew ma tkunx trid tiftakar. Biss biss is-seklu li għadda kien
dominat minn żewġ gwerer dinjin, li kull ma kien hemm bejn tmiem l-ewwel waħda
u l-bidu tat-tieni kienu madwar għoxrin sena. F’għoxrin sena kien hemm suldati
li kienu ssieltu fil-gwerra l-kbira u reġgħu sabu ruħom fuq il-front
tal-gwerra. F’għoxrin sena dik li tilfet lil żewġha fit-taqbid kienet għadha
tieħu ħsieb uliedha żgħażagħ. Wara għoxrin
sena, dak it-tifel li l-aħħar darba li ra lil missieru kien meta kien sejjer
għall-gwerra, liebes ta’ suldat, bla ma reġa’ qatt rah, għadu jħoss
it-tgħannieqa li tah. U donnu l-bniedem ma jitgħallem qatt, jinsa jew ma jkunx
irid jiftakar.
Fuq livell iżgħar
Hawn fuq semmejt xi każijiet fuq livell globali, fatti li smajna bihom fuq l-aħbarijiet, qrajna dwarhom fil-gazzetti u tkellimna fuqhom min jaf kemm-il darba. Biss il-bniedem għandu tendenza jinsa anke fuq livell personali. Bniedem li daħaq bik darba għandek terġa’ tafdah? Min jidħaq bik darba jista’ jidħaq bik darbtejn jew tlieta jew erba’ darbiet? Allura għandna nafdaw? Jekk ninsew dak li għaddejna minnu għandna mnejn inbatu l-konsegwenzi. Allura ma għandniex naħfru? Ġieli nisimgħu min jgħid: Naħfer iva, imma ninsa qatt! Il-bniedem ma jistax jinsa dak li jkun għadda minnu. Moħħ il-bniedem mhux hard disk ta’ kompjuter li tista’ tibdilha u titfa’ dak li trid fiha u tħalli barra dak li ma tridx. Il-bniedem sakemm il-fakultà tal-memorja tiegħu tkun għada taħdem sewwa ma jistax jinsa, imma jista’ jaljina rasu, jista’ ma jkunx tgħallem mill-imgħoddi u għalhekk ikollu jerġa’ jgħaddi mill-istess storja li jkun għadda minnha qabel.
Il-ħajja hija l-aqwa u l-akbar għalliema. Ħasra li ġieli ma nitgħallmux
minnha, ħasra li dak li tgħaddina minnu din il-ħajja ġieli joħroġ minn moħħna.
Kull esperjenza tal-ħajja għandna nitgħallmu minnha biex il quddiem meta
nerġgħu nsibu rwieħna fl-istess qagħda nkunu nafu x’għandna nagħmlu, inkunu
lesti nagħżlu t-triq li ma twassalniex għad-disfatta, għall-uġigħ, għat-telfa
imma nagħżlu triq differenti. Fuq kollox ma għandna nisew qatt kliem George
Santayana: Dak li ma jiftakarx l-imgħoddi huwa kkunddannat li jerġa’ jgħaddi
minnu.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Settembru 2021
Nessun commento:
Posta un commento