Ħaġa li spiss inħobb nagħmel hija li niftaħ
il-Bibbja bla ma noqgħod infittex u naqra dak li jkun hemm fil-paġna ta’
quddiemi. M’ ilux ftaħt il-Bibbja u bdejt naqra silta mill-Evanġelju ta’ San
Luqa fejn Ġesu jaqra fis-sinagoga. Moħħi malajr ġera bija u bdejt naħseb dwar
il-lingwa li Ġesu kien juża biex jitkellem kif ukoll jaqra. Dlonk ġie f’ moħħi
l-kliem li kien qalli wieħed patri, li l-ilsien tagħna jixbaħ ferm lil dak li
kien jitkellem Ġesu.
U moħħi mar aktar il bogħod u ndunajt kemm
aħna fortunati li għandna l-ilsien tagħna. Ikollna nammettu li ilsienna jaqdi
biss lilna. Ma tmur imkien fid-dinja fejn tista’ tinqeda bl-ilsien Malti. Iżda
xorta waħda għandna ngħożżuh għax huwa parti mportanti mill-identità tagħna.
Minkejja li l-Malti huwa lsien mitkellem minn ftit eluf, illum sab postu ma’
ilsna uffiċċjali oħra ta’ l-Unjoni Ewropeja. Dan il-fatt ikompli jsaħħaħ
il-punt li ilsien art twelidna huwa lsien ħaj.
Dun Karm Psaila |
Iżda aħna kemm napprezzawh? Ma nistax ngħid
li ma hawnx min iħobb tabilħaqq il-Malti u jitkellmu u jiktbu sewwa. M’ inix
ngħid għal nies bħal Dun Karm li qalilna “ Għalfejn tarmieh l-ilsien li tatek
ommok?” għax dan il-kliem inkiteb fi żmien meta l-ilsien Malti kien għaddej
minn tbatija kbira minħabba l-kwistjoni tal-lingwa. Qiegħed ngħid għal nies li
għadhom magħna bħal Kilin, li sa minn ċkuniti niftakru jikteb artikli sabiex
ilsienna jinkiteb u jiġi mitkellem tajjeb. F’ moħħi jiġi wkoll is-Sur Anthony
Mercieca, għalliem tal-Malti għal bosta snin, li fuq kelma Maltija waħda kapaċi
jagħtik lezzjoni tal-grammatika. Ma’ dawn hemm bosta oħrajn li jinpenjaw
irwieħom sabiex l-ilsien Malti mhux biss ma jmutx iżda jibqa’ miexi ‘l quddiem.
Biss sfortunatament il-mezzi ta’
komunikazzjoni moderni qegħdin ikissru l-grammatika ta’ lsienna. Rari tirċievi
Sms b’ Malti miktub tajjeb. Mhux qed ngħid għall-ħ bis-sink fuq rasha jew
għall-ġ, iċ-ċ u ż-ż bit-tikka, għax dawn ma jeżistux f’ telfon ċellulari, iżda
għal kliem li minħabba l-għaġla jinkiteb ħażin. Sirna neliminaw l-għajn u
l-akka u l-ie biex inħaffu. Kliem bħal dawn tarhom ukoll jekk tidħol f’ xi chat
room Maltija. Il-Konsegwenza ta’ dan kollu huwa li meta niġu biex niktbu inkunu
drajna naqtgħu fil-qasir u nispiċċaw biex
niktbu ħażin.
Meta tkompli taħseb ma tieħux bi kbira
l-ammont ta' żgħażagħ li ma jgħaddux
mill-matsec tal-Malti. Naf li l-awtoritajiet huma konxji ta’ din
is-sitwazzjoni. U la semmejt il-matsec, tajjeb ngħid li smajt li r-riżultati
ta’ din is-sena fil-Malti kienu aħjar minn ta’ dawn l-aħħar snin. Nispera li
jibqgħu sejrin hekk għax dan juri li qegħdin nibżgħu għal ilsienna li huwa
wieħed mill-pilastri fundamentali ta’ l-identità tagħna l-Maltin.
© Reno Muscat O.P.
Nessun commento:
Posta un commento