Meta wieħed
jisma’ bir-reġjun tal-Campania, fl-Italja bla ma jrid f’moħħu tiġi l-belt ta’ Napli, u dan bir-raġun kollu għax Napli hi
l-kapitali ta’ dan ir-reġjun, biss dan ir-reġjun minbarra l-provinċja ta’ Napli
jiġbor fih il-provinċji ta’ Avellino, Benevento, Caserta u Salerno.
Dan ir-reġjun
joffri wħud mill-isbaħ bliet u xenarji li wieħed isib fl-Italja meridjonali. Caserta,
Benevento, Salerno għandhom x’ joffru tassew lil dak li jżurhom. Caserta hi l-belt kapitali tal-provinċja
ta’ Caserta u hija l-aktar magħrufa għall-palazz irjali ta’ din il-belt jew kif
inhu magħruf aktar La Reggia di Caserta. Dan il-palazz jista’ jitqies bħala il-Versailles
tal-Italja, u tabilħaqq li kemm fir-rikkezzi kif ukoll fl-arti jixbah ħafna lil
Palazz ta’ Versailles fi Franza. Il-UNESCO għarfet ġmiel dan il-palazz u
fl-1997 iddikjaratu bħala wirt dinji.
Dan il-palazz fih
1,200 kamra u 1,790 tieqa. Il-palazz u l-ġonna tiegħu jinstabu fuq medda ta’
44,000 metru kwadru. Xi wħud mill-kmamar ta’ dan il-palazz, impittra u mgħammra
b’lussu imperjali huma miftuħin għall-pubbliku u ta’ min wieħed iżurhom jekk
jinzerta Caserta.
Fatt kurjuż dwar dan il-palazz hu dak li ġara fl-1861. L-unità tal-Italja ġabet fit-tmiem lir-renju Naplitan u dan il-palazz ġie
f’idejn l-istat ġdid Taljan. Waqt l-inventarju ltaqgħu ma’ oġġett li għal dawk
li kienu qed jagħmlu l-inventarju kien misterjuż u niżżluh bħala ‘banju forma
ta’ kitarra li ma nafux għalxiex jintuża’. Fil-fatt dan l-oġġett misterjuż ma kien
xejn ħlief il-bidet tal-palazz u jingħad li hu l-ewwel bidet fid-dinja.
Ir-reggia ta' Caserta |
Jekk il-palazz hu
ġawhra, ma jagħmillux għajb il-ġnien tiegħu, ġnien twil li fih għadd ta’
funtani u kaskati. Ta’ min isemmi li f’ dan il-palazz inġibdu bosta films,
fosthom Mission Impossible 3 fejn il-partijiet li juru l-Vatikan inġibdu
hawnhekk u Angels and Demons ta’ Dan Brown. Imma Caserta toffri aktar mir-Reggia.
Hija belt Medjevali. Il-katidral tagħha hu wieħed antik u jmur lura sal-Medjuevu.
Hu mibni fuq stil romanesk u fih għadd ta’ opri tal-arti, fejn jispikkaw fuq
kollox il-kampnar fuq barra u l-pulptu fuq ġewwa.
F’din il-belt wieħed
isib għadd kbir ta’ ħwienet tal-fast foods u numru ikbar ta’ pizzeriji u
ristoranti li joffru platti tipiċi bħal għaġin jew gnocchi bil-legumi jew il-ħaxix.
Il-kċina Casertana hi waħda rurali u hija tassew bnina.
Il-belt ta’ Benevento tmur lura sa żmien ir-Rumani, sewwasew żewġ sekli qabel Kristu. Qabel
din il-belt kienet tagħmel parti minn dak l-imsejjaħ Sannio, u wara kienet belt Lungobarda u wara
belt pontifiċja. Il-katidral
ta’ din il-belt kien mibni bejn is-sena 790 u t-800. Sofra bosta ħsara waqt l-attakki
tal-aħħar gwerra dinjija imma reġa’ ġie restawrat għall-istat oriġinali tiegħu.
Il-belt toffri għadd ta’ knejjes u kappelli oħra li kollha fihom opri ta’ arti
kif ukoll stejjer u kurżitajiet oħra.
Corso Garibaldi Benevento |
Benevento jiftaħar
bi knisja mill-isbaħ dedikata lil Santa Sofia, iddikjarata bħala wirt dinji
mill-Unesco fl-2011. Din il-knisja tinsab fit-triq prinċipali ta’ Benevento, Corso Garibaldi. Din it-triq twassalna sal-pjazza tal-katidral iżda matulha
nsibu bosta pjazzetti u postijiet oħra ta’ interess.
Għall-ikel m’għandniex
xi ngħidu – eċċellenti imma Benevento sa minn żmien ir-Rumani kien magħruf għall-inbid
tajjeb li jipprovdu l-kantini tiegħu. Benevento hi belt imdawra minn bosta bliet ċkejknin jew irħula.
Pietralcina |
Raħal ċkejken
li hu qrib Benevento u li llum sar imfittex u magħruf
tista’ tgħid mad-dinja kollha hu Pietralcina. Hu raħal żgħir bi 3,000 resident imma jiġbed lejh eluf ta’ pellegrini u
turisti kuljum. Ma hemmx għalfejn ngħidu, l-attrazzjoni prinċipali hi d-dar
fejn twieled San Piju tal-Pjagi. Tassew din hija l-attrazzjoni prinċipali imma mhijiex l-unika. Dawra mat-toroq ta’ Pietralcina tieħdok lura fiż-żmien meta ma kinux jeżistu
karozzi, meta l-arja kienet nadifa, bla tinġis u dħaħen. Xi wħud mit-toroq ta’ Pietralcina
lanqas jekk iridu ma jistgħu jidħlu karozzi għax huma tant dojoq li lanqas
karozza ma tgħaddi.
Tassew dan hu
post fejn wieħed jistrieħ u jinġabar ftit fih innifsu u jsib tassew lilu nnifsu!
Qatt smajtha d-diska Torna Surriento? Bilfors li iva jekk tħobb il-mużika Taljana, diska li ġiet interpretata minn għadd ta’ kantanti kbar fosthom Caruso, Pavarotti u Elvis Presley (bl-Ingliż bl-isem ta’ Surrender). Forsi ftit jemmnu li din id-diska kienet iddedikata għal raġel. Fil-fatt f’ Settembru tal-1902 il-Prim
Ministru Taljan Giuseppe Zanardelli żar Sorrento uffiċjalment. Il-Prim Ministru kien alloġġjat f’lukanda fejn kien jaħdem Giambattista
De Curtis, il-kittieb ta’ din id-diska.
Sorrento ma kienx
dak li hu llum, il-qagħda kienet waħda tal-biki u De Curtis talab lill-Prim
Ministru jagħmel xi ħaġa għal Sorrento, fi ftit sigħat kiteb din id-diska
bin-Naplitan u ddedikaha lil Zanardelli bit-tama li jerġa’ jżur lil Sorrento u jsibu
mibdul. U hekk kien għax illum Sorrento hi waħda mill-aqwa attrazzjonijiet
turistiċi tal-Italja meridjonali.
Sorrento |
Minkejja kollox
Sorrento ma tilifx il-karatteristiċi tiegħu u sal-lum għadna nistgħu ngawdu il-ġmiel
naturali kif ukoll il-benna ta’ dan il-lokal. Sorrento donnu gallarija fuq il-golf Naplitan. Ma hemmx għalfejn tinżel sa ħdejn il-baħar għax mill-belttista’ tara
veduti mill-isbaħ. Il-golf ta’ Napli,
bil-Vessuvju donnu sentinella għassa
fuqu jidher sewwa minn din il-belt turistika. Il-gżira ta’ Capri tidher qrib, donnha tistiednek iżżurha! Mhux ta’ b’xejn li mat-turisti
Amerikani Sorrento hija meqjusa bħala
belt tal-ħolm u l-imħabba. Sorrento ma
hijiex xi belt kbira, anzi wieħed
jista’ jżurha fi ftit sigħat, imma
dak li toffri hu xi ħaġa li ma
tintesa qatt. Ħwienet ta’
fama internazzjonali ssibhom ġewwa Sorento, imma mhux biss. F’Sorrento ssib ħwienet li jbigħu xogħol artġjanali bħal-lgamawwi tant
popolari man-nisa. (Gamawwa hija qoxra ta’ bebbuxu tal-baħar skulturata skont
il-gosti ta’ dak li jkun. Bl-Ingliż tissejjaħ Cameo) U xi ngħidu għal-lumiċell
jew il-krema tal-lumiċell. Madre mia che bontà! Bosta ħwienet ibigħu l-lumiċell
tagħhom u waqt li tkun qed iddur il-ħwienet tal-post xi wħud jistednuk tidħol u
joffrulek idduq il-lumiċell tagħhom sabiex iħajruk tixtri flixkun. Xi
tjubija! Imma attenti għax il-lumiċell
hu alkoħoliku u malajr jitla’ għar-ras, u l-ħwienet li joffru l-lumiċell tagħhom huma ħafna. Ħwienet oħra jbigħu ikel tradizzjonali u ħelu. Oħrajn ibigħu xogħol
tar-rakkmu – Dvalji, imkatar, ċentrijiet, investi. Kollox irrakkmat.
Sorrento hu lokal li tmur kemm tmur tkun tixtieq terġa’
żżuru anzi tkun għadek kif irkibt
il-karozza jew it-train biex titlaq
li tibda tħoss in-nostalġija għal dan il-post tal-ħolm.
Postijiet sbieħ, postijiet tal-ħolm jew kif jgħidu llum ‘tal-ġenn’!
Postijiet tal-ġenn għax inessuk il-ġenn tal-ħajja u jdewquk il-benna talkwiet u
t-trankwillità. Fuq kollox huma bliet li jlaqqgħuk
ma’ poplu dħuli li lest jaqdik bi
tbissima, poplu li jkellmek bi kliem poetiku li trid issir tafu biex temmen.
© Fr. Reno Muscat
OP
26 TA’ OTTUBRU, 2011
Nessun commento:
Posta un commento