Rajna xeni mill-iktar koroh. Xeni ta’ nirien ta’ ambaxxati. Smajna bil-qtil
ta’ Dun Andrea Santoro fit-Turkija. Rajna protesti. U dan kollu beda
minn zokk ta’ sulfarina wieħed.
Irridu ngħidu li l-Kristjani huma aktar tolleranti fejn tidħol ir-reliġjon.
Rajna films fejn Ġesu Kristu kien irredikoltat. E-mails li jiddieħqu
bil-mexxejja tal-Knisja Kattolika iduru madwar id-dinja kuljum. Ċajt dwar
il-qaddisin nisimgħu wkoll. Iżda l-musulmani huma differenti minna.
Għal bosta snin ħdimt ma’ nies ta’ twemmin
islamiku u nista’ ngħid li l-parti l-kbira minnhom huma nies twajbin u
ċajtiera, biss fejn tidħol ir-reliġjon ma hemmx ċajt. Għandhom rispett kbir
lejn il-profeti u għalihom Ġesu huwa profeta kbir. Dak li ġara dan l-aħħar jiem
żgur li ma jistax jiġġeneralizza u jitfa’ lil kulħadd f’ qoffa waħda.
Jista’ jkun li wara d-dimostrazjonijiet li saru
kien hemm in-nuqqas ta’ tolleranza reliġjuża jew jista’ jkun is-sens qawwi ta’
patrijottiżmu reliġjuż. Hu x’ inhu il-problema telgħet għal waħda politika.
Jekk isir bojkot lil xi pajjiż ta’ l-unjoni ewropeja jolqot lill-pajjiżi
msieħba l-oħra kollha. Anke pajjiżna jintlaqat b’ xi mod jew ieħor.
Ma rridx inħalli moħħi jiġri bija u mmur fi żmien
il-kruċjati jew fi żmien l-assedju l-kbir, iżda sitwazjoni bħal din li ninsabu
fiha għandha għax tħasseb u tiftaħ għajnejn min huwa responsabbli. Hemm bżonn
ta’ djalogu! Mhux faċli imma lanqas huwa impossibli, fejn hemm ir-rieda dejjem
hemm triq li twassal.
Nafu li jeżistu pajjiżi li għandhom armi li
jistgħu jeqirdu d-dinja. Nafu li xi pajjiżu għandhom għajnejhom miftuħin beraħ
fuq pajjiżi oħra u ma’ l-inqas pass lesti jieħdu azzjoni. Nispera li ma tkunx
ir-reliġjon li tagħti bidu għal iktar konflitti. Wara kollox it-tliet
religjonijiet monoteisti, jiġifieri li jemmnu f’ Alla wieħed, li huma
l-Ġudeiżmu, l-Kattoliċiżmu u l-Islam, jaduraw lill-istess Alla. Allura kif
nistgħu niġġieldu f’ isem Alla ma’ min jemmen fl-istess Alla tagħna?
Sulfarina waħda tat il-bidu għan-nar, nispera li
din il-fjamma tintefa mill-aktar fiss possibli qabel ma tinbidel f’ ħuġġieġa li
tkun diffiċli li tintefa’ u meta tintefa’ tħalli warajha ħsarat kbar.
B’ rieda tajba nistgħu naslu. Veru mhux faċli imma
xejn ma huwa impossibli.
© Reno Muscat O.P.
11/02/2006
Nessun commento:
Posta un commento