venerdì 10 aprile 2020

San Girgor


Waħda mid-drawwiet antiki tagħna l-Maltin hija li l-Erbgħa ta’ wara l-Għid il-Kbir issir il-festa hekk imsejħa ta’ San Girgor. Illum din il-festa tilfet ħafna mill-popolarità tagħha. Kien hemm żmien li dan il-jum kien ikun okkażjoni ta’ pellegrinaġġ li fih jieħdu sehem il-kleru ta’ Malta kif ukoll il-fratellanzi tal-parroċċi Maltin. Ġieli kienet tkun anke okkażjoni ta’ diżgwid jew ta’ pika. Bnedmin aħna! Illum din il-festa saret tkun ikkonċentrata fuq ix-xatt tar-raħal ċkejken ta’ Marsaxlokk. Ovvjament din is-sena l-ebda attività ma tista’ ssir minħabba l-qagħda li ninsabu fiha ħtija tal-imxija tal-Covid 19. Il-ħsieb tiegħi illum mhux li ngħid dwar id-drawwa tal-festa ta’ San Girgor iżda aktar dwar il-qaddis innifsu.

Il-bniedem
San Girgor kien papa li mexxa lill-Knisja bejn is-snin 590 u 604. Huwa magħruf bħala San Girgor il-kbir minħabba li fiż-żmien li kien imexxi lill-Knisja Kattolika rnexxielu jagħmel ċerti riformi kbar. Huwa twieled aktarx fis-sena 540 ġewwa l-belt ta’ Ruma. Ommu kienet Silvia, mara nobbli minn familja minn Sqallija filwaqt li missieru kien Ġordanu li kien jappartjeni għall-klassi aristokratika ta’ Ruma tal-qedem. Il-familja tiegħu kienet tappartjeni għall-Ġens Anici – razza li minnha kienu wkoll San Ġorġ Martri u Santa Krisitna Martri, li t-tnejn li huma ħallew ħajjithom għall-fidi Nisranija taħt l-Imperatur Dijoklezjanu snin qabel ma twieled Girgor.

Mill-għana għall-faqar
Kif rajna Girgor kien ġej minn familja stmata u għanja iżda huwa warrab il-ġid li kellu kif ukoll il-karriera politika li seta’ jkollu il quddiem u waqqaf monasteru ta’ irħieb Benedittini ġewwa d-dar tiegħu fejn sar wieħed minnhom hu stess. Huwa kien devot ħafna ta’ San Benedettu u fil-monasteru kien jistudja ħafna l-Kotba Mqaddsa. Ma damx wisq f’din il-ħajja għaliex fis-sena 578 il-Papa Benedettu I talbu biex ikun wieħed mis-seba’ djakni ta’ Ruma.

L-istatwa fuq Castel Sant Angelo
Bejn is-snin 589 u 590 il-peninżula Taljana għaddiet minn żmien ikrah. Minbarra li t-temp ħażin għamel ħafna ħsara kien hemm invażjoni mil-Longobardi. Biex il-qagħda tkompli titgħarraq faqqet il-pesta. Kollox ma’ kollox. Bejn bil-maltempati, kemm bil-gwerra kif ukoll bil-pesta tilfu ħajjithom eluf ta’ nies fosthom il-Papa Pelaġju II li miet bil-pesta fis-7 ta’ Frar tas-sena 590. Sas-sajf ta’ dik is-sena il-qagħda kienet għadha xejn sabiħa u nhar id-29 ta’ Awwissu waqt li Girgor kien qiegħed jipprietka, ħeġġeġ lin-nies ta’ Ruma biex għal tliet ijiet wara xulxin jagħmlu purċissjoni lejn il-bażilika ta’ Santa Maria Maggiore.

Jingħad li waqt li Girgor kien qiegħed fuq quddiem tal-purċissjoni, waqt li din kienet waslet fuq il-pont li jaqsam ix-xmara Tevere min-naħa tal-Vatikan, pont li kien jissejjaħ Elio jew ta’ Adrijanu, deher l-Arkanġku San Mikiel fuq il-fortizza . Din id-dehra kienet interpretata bħala s-sinjal li l-epidemija tal-pesta kienet waslet fi tmiemha.  Minn dak iż-żmien dik il-fortizza ingħatat l-isem ta’ Castel Sant’ Angelo u l-pont ta’ quddiemha Ponte Sant’ Angelo. U hekk għadhom sal-lum.

Papat
Ma rridux ninsew li meta seħħet id-dehra tal-Arkanġlu, il-Knisja kienet ilha xhur mingħajr mexxej. Fit-3 ta’ Settembru ta’ dik is-sena stess Girgor intgħażel biex imexxi hu l-Knisja. Papat ta’ tlettax-il sena u nofs li fihom huwa pprova jsib qbil mal-Longobardi, aġġorna u rregola lill-Kurja Rumana u wettaq bosta riformi oħra. Tajjeb insemmu li f’dik l-istess sena li Girgor laħaq Papa, fil-bażilika ta’ Santa Maria Maggiore waslet l-ikona tant għażiża u devota tal-Madonna bit-titlu Salus Popoli Romani – Saħħa tal-Poplu ta’ Ruma. Jingħad li din waslet Ruma mill-gżira ta’ Kreta u l-Papa Gregorju nnifsu mar jilqagħha minn fuq dgħajsa fuq ix-xmara Tevere.

Kant
Marbut ma’ isem dan il-papa hemm dak it-tip ta’ kant li wkoll jissejjaħ b’ismu: il-Gregorjan. Kien dan il-papa li daħħal dan il-kant fil-liturġija tal-Knisja Latina. Xi storiċi tal-Knisja jsostnu li dan il-kant iddaħħal fil-liturġija sekli wara l-Papa Girgor il-kbir, imma hu x’inhu issa hemm qiegħed u jġib ismu wkoll!

Kienu qaluli li dan il-kant, li ma jkunx akkumpanjat minn mużika, jinkiteb fuq erba’ linji mhux bħall-mużika l-oħra li n-noti tagħha jinkitbu fuq ħames linji.

Parroċċi
Il-Parroċċa ta' Kerċem
Tajjeb fl-aħħar nett insemmu li f’pajjiżna għandna parroċċa ġewwa tas-Sliema taħt il-patroċinju ta’ dan il-qaddis. Din il-knisja nbniet fuq xewqa tal-Isqof ta’ Malta Mawru Caruana kważi mitt sena ilu u saret parroċċa fl-1943. Għawdex insibu lil San Girgor bħala Ko-Patrun tal-Parroċċa ta’ Kerċem flimkien mal-Madonna tas-Sokkors. Il-knisja ta’ dan ir-raħal saret parroċċa fl-1885. Ma nistgħux inħallu barra l-kappella ta’ Santa Katerina iżda magħrufa bħala San Girgor li nsibu fiż-Żejtun, marbuta mal-festa li ssir l-Erbgħa ta’ wara l-Għid.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' April 2020




Nessun commento:

Posta un commento