It-tieni parti
Il-ġimgħa
l-oħra tajna ħarsa ħafifa dwar l-istorja tal-liżar hekk imsejjaħ ta’ Kristu li
jinsab ġewwa Turin, Illum sejrin inkomplu naraw xi tagħrif interessanti ieħor
dwar dini r-relikwa.
Għall-wiri
2015 Papa Franġisku quddiem il-Liżar ta' Kristu |
Minkejja li
l-liżar jinstab f’Turin, il-propjetà tiegħu hija tas-Santa Sede u huwa l-Papa
li jiddeċiedi meta din ir-relikwa tkun għall-wiri. F’għeluq il-mitt sena minn
l-ewwel ritratt tiegħu, jiġifieri fl-1998 saret espożizzjoni u sentejn wara
l-Papa Ġwanni Pawlu II ddeċieda li jerġa’ jkun espost sabiex ikun parti
miċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew il-Kbir. Fl-2002 sar xogħol ta’ restawr fuq
il-liżar. L-irqajja li kienu saru mis-sorijiet fl-1534 tneħħew u saret speċi
ta’ nforra fuq wara tal-liżar. Fl-2010 il-liżar kien espost għall-ewwel darba
fit-tielet millenju. Ħames
snin wara reġa’ kien għall-wiri. Din is-sena intqal li sejjer jerġa’ jkun għall-wiri billi
f’Turin sejra ssir laqgħa internazzjonali taż-żgħażagħ organizzata
mill-Komunità ta’ Taize. Dwar dan għadna rridu nkunu nafu sewwa x’ser jiġri.
Hemm ukoll il-possibilità li fil-2025 jerġa’ jkun espost għall-ġublew li jkun
imfakakr dik is-sena.
Qies u materjal
Il-liżar
huwa twil 4.2 metri b’metru punt tlieta wisgħa. In-nisġa tiegħu fiha għamla
tax-xewket il-ħuta, nisġa popolari Palestinjana ta’ madwar elfejn sena ilu. Kien
fl-1898 li dan il-liżar kien iffotografat mill-avukat Secondo Pia, mill-belt qrib
Turin, Asti. Fil-proċess tal-iżviluppar ta’ dan ir-ritratt instab li
n-negattiva turi sewwa l-persuna li kienet imkeffna fil-liżar. Jiġifieri
n-negattiva turi r-ritratt u l-liżar jidher bħala negattiva (ma nafx jekk
fhimtux eżatt!!) Fin-negattiva dehret sew il-figura ta’ raġel.
Fil-liżar
insibu erba’ traċċi, jew marki jew tbajja differenti : żewġ linji dritti t-tul
kollu tal-liżar u 29 toqba magħmulin mit-taqtira fidda li waqgħet fuqu fl-1532.
Jinsabu wkoll marki tal-ilma li ntuża biex jintefa l-istess nar. Marka oħra
hija x-xbieha umana, minn quddiem u minn wara, il-bniedem jidher mimdud
għat-tul tal-liżar. Hawn l-effetti huma differenti. Il-moħħ, l-imnieħer, il-ġeddum
u s-sider jidhru aktar skuri, filwaqt li partijiet oħra huma aktar ċari. It-tul
tal-persuna huwa ta’ madwar 180 ċentimetru. L-aħħar forma ta’ tbajja huma dawk
tad-demm, bħal dawk ta’ fuq ir-ras, l-għonq, il-polz, ir-riġlejn u l-kustat.
Hawn it-tbajja huma ta’ kulur differenti mill-bqija, huma aktarx ħamranin. Minn
studji li saru nstab li dawn huma tassew tbajja tad-demm.
Riżultati tal-eżamijiet
L-istudji
xjentifiċi li saru fuq dan il-liżar dawn l-aħħar mitt sena taw dawn
ir-riżultati:
Il-liżar m'huwiex
impitter. Ma jistax ikun li dan sar minn xi persuna għax l-effett tan-negattiva
tar-ritratt kien diġa' jinstab fuqu mijiet ta’ snin qabel kienet ivvintata
l-fotografija. It-tbajja saru minn ġisem uman mejjet, imma l-ebda traċċa ta’
dekomposizjoni ma tinstab, dan iffisser li l-ġisem mejjet ma damx wisq
imkeffen, lanqas biss iż-żmien li l-ġisem jibda jiddekomponi. It-toqob tal-imsiemer
fl-idejn ma jinstabux fil-pala tal-id imma fil-polz. Kuntrarjament għal dak li
naraw fl-arti, it-tislib kien isir billi jissammru msiemer fil-polz għax
il-pala tal-id ma tiflaħx il-piż tal-ġisem. Kieku dan il-liżar kien xogħol ta’
pittur, żgur li t-toqob tal-imsiemer kienu jsiru fil-pala tal-id kif dejjem
saru fl-arti. L-idejn juru biss erbat iswaba. Dan għaliex meta l-musmar jgħaddi
mill-polz, is-subgħa l-kbir jingħalaq. Id-demm u l-ilma (serum) li jinstabu
fil-parti tal-kustat huma tassew magħmulin minn ferita wara l-mewt tal-imsallab.
Dan jaqbel perfettament ma’ dak li nsibu fl-Evanġelju skont San Ġwann li suldat
nifidlu ġenbu b’lanza. L-eżamijiet li saru fuq il-liżar jindikaw li fuqu hemm
traċċi ta’ demm uman. Analiżi moderna sabet li r-ritratti tal-liżar fihom
infushom huma tri-dimensjonali, ħaġa li ma tinstabx f’pittura jew ritratti
oħrajn. Id-dettall tri-dimensjonali jgħina naraw detallji li ma narawhomx jekk
mhux b’dan il-mod. Eżamijiet oħra sabu fin-nisġa tal-liżar, trab ta’ ħxejjex u
fjuri (pollen) li jikbru jew kienu jikbru fil-Palestina jew fil-lvant nofsani
żmien twil ilu.
Favur u kontra
Minkejja dan
kollu hemm oħrajn li jsostnu li dan il-liżar huwa impitter u huwa xogħol
tas-seklu XV. Il carbon dating ma tantx jista’ jagħti dawl ċar minħabba li
fin-nar tal-1532 kien twaddab bosta ilma sabiex jintefa u l-fatt li l-liżar
kien ixxarrab sew jista’ jtellef lix-xjenzati. Il-bdil fil-kulur ukoll joħloq
problema. Jekk kittieba tas-seklu XV isostnu li x-xbieha kienet hekk ħajja li
d-demm kien jidher kważi frisk, kif allura fi ħmistax-il seklu r-relikwa
baqgħet kważi dejjem l-istess, minkejja l-vjaġġi li għamlet u l-bidla fil-klima
u f’ dawn l-aħħar ħames mitt sena x-xbieha saret kważi inviżibbli?
Il-mistoqsija
mhux faċli li tiġi mwieġba! Il-liżar ta’ Kristu f’ Turin huwa awtentiku? Żgur
li mhux ha nkun jiena li nagħti din it-twegiba, imma il-ħsieb personali tiegħi
huwa dan: Kemm-il darba dan il-liżar huwa l-istess wieħed li fih kien imkeffen
Ġesu, huwa ħaġa għażiża u qaddisa għal kull Nisrani. Mill-banda l-oħra jekk dan
huwa xogħol ta’ xi artist, li jekk inhu hekk kellu jkun tassew artist tajjeb,
żġur ma sarx b’qerq imma sar biex iressaq lill-poplu lejn id-devozzjoni
tal-kefen ta’ Kristu.
Fr Reno
Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 4 ta' April 2020
Nessun commento:
Posta un commento