Augusta, il-belt gżira li nħelset minn San Duminku
Il-waqgħa ta’ Kostantinopli f’
idejn it-Torok fl-1453 kienet qajmet biża’ kbir fl-Ewropa u daħħlet lis-slaten
taoċċidnet f’paniku kbir. Issa l-għadu ma għadux in-naħa l-oħra tal-baħar imma
kien ġie bieb ma’ bieb. It-theddida
Torka impressjonat l-Ewropej tal-sekli ħmistax u sittax. L-istoriku Taljan
Carlo Cipolla (1922-2000) jgħid li fi Franza bejn l-1460 u l-1609 kienu iktar
miktuba kotba dwar l-Imperu Tork milli dwar l-iskoperta tal-Amerika, fatt li
seħħ fl-1492.[1]
Il-periklu kien aktar u aktar f’ dawk il-postijiet maqtugħin mill-kontinent,
il-gzejjer jew ix-xtut li kienu ftit li xejn imħarsa kontra xi ħbit mill-għadu.
Il-kotna tal-istorja jirrakkuntawlna li mhux
darba u tnejn it-Torok kienu jinżlu f’ xi xatt u jġorru magħhom lil kull min
isibu, irġiel nisa u tfal. Dan seħħ kemm f’ pajjiżna kif ukoll f’ pajjiżo oħra
fosthom fi Sqallija. Wieħed m,ill-akbar minn dawn l-attakki sar fuq il-gżira
ta’ Augusta qrib Siracusa fi Sqallija. Kien is-16 ta’ Lulju tal-1551. It-tork
niżlu hemmhekk, kaxkru magħhom lil dawk kollha li sabu, serqu dak kolu li
setgħu u kissru l-belt. Dawk li rnexxielhom jeħilsuha minn idejn il-furbani
telqu darba għal dejjem lil din il-belt gżira u marru jsibu kenn f’ xi belt jew
raħal ieħor. Attakki oħrajn seħħew fis-snin ta’ wara. Fl-1560, jiġfieri ħames
snin qabel ma t-Torok attakkaw lill-Malta fl-assedju l-Kbir Augusta bdiew
jinbnewlha s-swar sabiex tilqa’ mill-attakki tal-misilmin.
Jiktbu l-istoriċi li fil-lejl tal-24 ta’ Mejju,
1594, waqt li l-għassiesa kienu reqdin, it-Torok reġgħu ħabtu għal Augusta. Ħin
bla waqt jidher San Duminku, il-qaddis patrun tal-belt, riekeb fuq żiemel b’
xabla f’ idu. Għal din id-dehra tal-għaġeb it-Torok ħarbu lura imwerwra u b’
hekk il-belt kienet salvata minn assedju ieħor li seta’ ħalla bosta mejtin,
bosta skjavi u bosta serq.
Augusta u San Duminku
L-ewwel
knisja iddedikata lil San Duminku f’ dan il-post inbniet fl-ewwel nofs
tas-seklu XII. Xi wħud mill-istoriċi jsotnu li din inbniet meta kienet qegħda
tinbena l-belt minn Federico II. Dawn isostnu wkoll li aktarx din kienet
l-ewwel knisja fid-dinja iddediakta lill-qaddis ta’ Gużman. Mal-knsija kien
hemm ukoll kunvent tal-patrijiet Dumnikani. Aktarx li dan kien l-ewwel kunvnet
tad-Dumnikani fi Sqallija, li aktar il quddiem kellha ssir provinċja Dumnikana
għaliha, liema provinċja anke Malta kienet tagħmel parti minnha. Ma nafux kif
kienet il-knsija u lanqas kif kien il-kunvent, nafu biss li fil-ħbit tas-sena
1551 kemm il-knisja kif ukoll il-kunvent ġew meqrudin mit-Torok. Matul it-30
sena ta’ wara inbniet knisja oħra kif ukoll il-kunvent, imma fl-1693, terrimot
li kien sar qered il-bini mill-ġdid. Din id-darba il-bini reġa tela’ fi
żmien sentejn. Tamin isemmi li f’ dak it-terrimot kien waqa’ wkoll il-Katidral
tal-Imdina f’ Malta. Terrimot ieħor
reġa’ waqqa’ l-knisja ta’ San Duminku fl-1848 u fl-1876 inbeda l-bini ta’
knisja oħra, dik li għadna naraw illum.
Il-faċċata tal-knsija hija fuq stil neoklassiku, b’ bieb
ċentrali kbir. Fiha erba’ kolonni u fuq il-bieb hemm tieqa kbira. Il-knisja fiha kampnar wieħed fuq
in-naħa tal-lemin. Fuq il-genb l-ieħor tal-knisja hemm il-bini li sas-seklu li
għadda kien il-kunvnet tal-patrijiet Dumnikani. Il-knisja minn ġewwa fiha
navata waħda ċentrali, maqsuma f’ ħames arki b’ kolonni li għandhom kapitelli
ta’ stil korintu. Fil-knisja insibu għadd ta’ altari laterali filwaqt li
l-altar maġġur jinsab wara kanċell ta balvostri ta’ rħam. L-apside hija
ffurmata minn kolonni tal-istess stil. Din il-knsija nistgħu ngħidu li għandha
xortiha ħażina. Terrimot ieħor, din id-darba fit-13 ta’ Diċembru, 1990 reġa
għamel ħafna ħsara fiha, imma mill-ġdid ġiet irrestawrata.
Illum il-knisja tintuża f’ okkażjonijiet speċjali, ma tkunx
miftuħa b’mod regolari, imma ssir festa kbira fl-24 ta’ Mejju ta’ kull sena.
Żjara f’ Augusta
Ħabib tiegħi, Dumnikan minn Augusta, kien ilu jistedinni
biex inżur din il-belt ġżira. Ħsibt li mmur ġimgħa Sqallija u ngħaddi xi
ġurnata hemmehkk, imma meta għidtlu bil-ħsieb tiegħi dlonk stedinni li ngħaddi
l-ġimgħa kollha għand il-familja tiegħu.
Wasalt bil-catamaran fil-port ta’ Catania, kien għadu lanqas
rabat mal-moll li lmaħt lil Michele jistennieni. Inżilt u wara s-solitu tislima
għala Taljana irkibna l-karozza tan-neputi tiegħu u qbadna triqitna lejn
Augusta. Kienet xi l-għaxar darba li kont qiegħed inżur din il-gżira gara
tagħna, imma Augusta qatt ma kont mort. Madwar ħamsin kilometru sewqan u
wasalna Augusta.
Il-belt ta’ Augusta llum kibret u ma għadiex biss il-ġżira
mdawwra bis-swar imma l-konfini tagħha estendew il barra. Il-familja li
żammitni għandha toqgħod fil-parti l-qadima, fit-triq il-prinċipali ta’
Augusta. Sa ftit snin ilu l-entratura waħdanija għal din il-belt kienet minn
fuq pont quddiem dak li jissejjaħ il-Bieb Spanjol. Illum hemm pont ieħor, twil
u modern li jgħaqqad l-art Siċiljana ma’ din il-gżira ċkejkna. Dan il-pont
modern ġie msemmi għal Federiku t-tieni.
Bħala saċerdot staqsejt fejn stajt inqaddes matul dawk
il-jiem li kont sejjer ngħaddi hemmhekk. Ix-xorti daħqitli u daħqitli waħda u
sew. Aktar il fuq għiditikom li l-knisja ta’ San Duminku ftit li xejn tkun
miftuħa, imma nzerta li dak li jieħu ħsiebha u għandu ċ-ċwievet tagħha jgħix
sewwasew sular fuq il-familja li kont għandha. Dan Domenico meta sema’ li kien
se jkun hemm patri Dumnikan fis-sular ta’ taħtu tar bil-ferħ u kien ta’ kuljum
jgħaddi jsellem lill-familja u lili. Tana ċ-ċwievet tal-knisja ta’ San Duminku
biex meta nkun irrid immu rinqaddes hemmhek. Kien hemm xi drabi li qaddist f’
din il-knisja u kien hemm jiem oħra li qaddist f’ knisja oħra iddediakta
lill-erwieħ.
Augusta hija belt li fiha bosta knejjes. Minbarra dik ta’
San Duminku hemm il-knisja parrokkjali iddedikata lil Marija mtellgħa s-sema.
Hemm knejjes oħra iddedikati lil San Ġużepp, San Bastjan, Sant’ Andrija, Santa
Luċija, San Franġisk ta’ Paola u għadd ta’ knejjes oħra ddedikati lill-Madonna
taħt xi titlu jew ieħor. Fuq il-ġżira għad hemm kunvent tal-patrijiet
Franġiskani Kapuċċini.
Minkejja
ċ-ċokon tal-belt hemm ħafna x’ wieħed jara. Filgħaxija hemm ġonna fejn wieħed
jista’ joqgħd ftit bilqegħda. Ġimgħa qabel ma kont hemmhekk kien hemm erużjoni
tal-vulkan Etna. Qaluli li filgħaxija ġewwa Augusta kien ikun hemm
spettaklu mill-isbaħ tara dan il-fenomenu.
L-ispeċjalità tal-ikel hawnhekk huwa l-għaġin bl-inċova jew
bil-brokkoli, il-kirxa jew il-parmeġġjana tal-brunġiel. Il-granita tittiekel
minn tlugħ ix-xemx sa nżulha u ma għandniex xi ngħidu il-cassata Siciliana u
l-kannoli tal-irkotta huma xi ħaġa li ma ssibhomx kullimkien. X’ dieta dieta –
mhux meta tara dik il-barka ta’ Alla kollha!
Festa ta’ San Duminku
Minbarra l-viċinanza geografika ta’ sqallija ma’ Malta,
it-tradizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ popli huma wkoll qrib xulxin. F’ Augusta
jsiru bosta festi f’ ġieħ il-qaddisin li jew għandhom xi knisja hemmhekk jew
hemm xi devozzjoni lejhom. Isiru purċissjonijiet fil-ímgħa l-Kbira u f’ Ħadd
il-Għid, imma l-ebda festa ma tisboq dik li ssir nhar l-24 ta’ Mejju
lill-Protettur ta’ Augusta San Duminku.
Il-festa tkun mifruxa fuq għadd ta’ jiem, bejn il-15 u l-24
tax-xahar, li jinvolvu tista’ tgħid lin-nies tal-belt kollha. Isiru tlielaq
taż-żwiemel għax San Duminku fl-24 ta’ Mejju, 1594 kien deher fuq żiemel biex
jipproteġi lil din il-belt. Il-bhejjem jittelqu fit-triq ċenterali, Via
Principe Umberto 1°. F’ nhar il-festa minn qabel sbieħ il-jum il-qniepen kollha
tal-knejjes u kappelli li jinsabu fil-belt jibdew isemmgħu leħinhom biex
ifakkru lill-poplu li bħal dakinhar San Duminku kien ħelishom mill-kursara.
Isir ħafna ħruq tan-nar u l-kanuni ta’ fuq il-kastell li jinsab fil-gzira jispara
tiri ta’ salut. Għadd ta’ baned iferħħu lill-poplu tal-belt u lill-eluf ta’
Sqallin li jingħaqdu magħhom għal din il-festa. U l-akbar stennija tkun għall-purċissjoni
li ssir filgħaxija. Tinħareġ l-istatwa tal-qaddis imżejna b’ għadd kbir ta’
deheb li ġie mogħti b’ rikonoxximent jew b’ radd ta’ ħajr lill-San Duminku
matul is-snin. F’ din il-purċissjoni jieħdu sehem għadd ta’ fratellanzi li
ġewwa Augusta għahom b’ saħħithom ħafna. Il-festa ta’ San Duminku f’ Augusta
hija għanja fil-kultura, folklor u tradizzjonijiet. Attrazzjoni sabiha hija
l-isfilata li ssir bi lbies medjevali f’ rappreżentazzjoni storika tal-ti ta’
Federiku t-Tieni. Isiru wirjiet ta’ sbadiatori, tant famużi fl-Italja kollha.
Matul il-jiem tal-festa jsiru wkoll kunċerti ta’mużika moderna. Ma jonqosx li
kull serata tispiċċa bi spettaklu pirotekniku.
Din hija belt li ma għandha xejn aktar għal qalbha minn San
Duminku. Kulħadd ikellmek dwar il-qaddis. Meta jaraw patri Dumnikan jintlew
bil-ferħ u jistaqsu jekk hemm xi ħjiel li d-Dumnikani jerġgħu lura f’ Augusta. Għandhom raġun in-nies ta’ Augusta
jħobbu lil San Duminku għax kien hu li ħelishom mill-attakki tat-Torok. Baqgħu
grati lejh sal-ġurnata tal-lum.
Fr Reno
Muscat OP
Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa ta' San Duminku l-Birgu 2014
Nessun commento:
Posta un commento