
X’ differenza hemm?
Id-differenza
bejn żwieġ u tieġ hija waħda kbira. Iż-żwieġ huwa l-kuntratt jew is-sagrament
jekk dan isir fil-Knisja u t-tieġ huwa l-festin li bosta drabi jsir wara
l-formalità taż-żwieġ. It-tieġ jispiċċa wara ftit sigħat filwaqt li ż-żwieġ
suppost jibqa’ sal-mewt ta’ xi parti mill-koppja. Din hija r-regola imma nafu
li r-realtà u r-regola mhux dejjem jimxu fuq l-istess binarji. Ir-realtà hija
’l fuq mir-regola u min-norma.
Ilbieraħ u llum
Billi ninsabu f’
dan iż-żmien fejn isiru bosta tiġijiet, u anke jiena bħala saċerdot ikolli
wkoll numru minnhom biex namministrahom, ġie f’ moħħi dan il-ħsieb u nixtieq
naqsmu magħkom. It-tiġijiet ta’ qabel kienu differenti għal kollox minn dawk
tal-lum f’ kull sens tal-kelma. Min kien jagħmel festin kien jistieden lil dak
li jkun bil-familja kollha, kbar u żgħar. Għalhekk festa ta’ tieġ kienet tkun
festa għat-tfal, għax għalihom tieġ kien il-post fejn kienu jiltaqgħu u jgawdu
u jiġru u jieklu ħelu u ċejċiet li mhux normalment wieħed isibhom kuljum.
Għall-kbar kienet tkun okkażjoni fejn jiltaqgħu flimkien, ħbieb antiki jew
oħrajn mhux daqstant antiki, u joqgħodu jirrakkuntaw dak li għaddha minnhom
mill-aħħar darba li ltaqgħu.

Illum ħadd ma
jistieden bit-tfal u ħadd ma jagħmel tieġ x’ xi garage kbir jew f’ xi sala taħt l-art, imma kulħadd ifittex xi
villa jew xi ġnien, xi sala armata sa snienha għal dawn l-okkażjonijiet. Illum
ukoll ma għadekx tara min jitfa’ ikel fil-basktijiet, jew tal-inqas jekk hawn
min għadu jagħmel hekk żgur jagħmlu bil-moħbi. L-ikel u l-ħelu li nsibu llum
fit-tiġijiet mhux l-istess bħal dak ta dari! Addio il-ġelat bil-pane di Spagna, il-pasta rjali u
l-biskuttini tar-raħal, illum morna fuq l-ikel Ċiniż, il-mejda Maltija, il-bar
li jservi l-cocktails u l-kumplament.
Illum it-tfal ma għadhomx ikunu mistiedna u biex ngħidu d-dritt lanqas tant
għadu psothom f’ attivitajiet bħal dawn fejn ma tantx fadlilhom fejn jiġru
ħielsa bla biża’ li jkissru xi ħaġa prezzjuża.
Il-wedding organiser
F’ pajjiżna
daħlet id-drawwa li biex tieġ ikun perfett ikun organizzat minn persuna
professjonali. Hawn ikolli nammetti li hawn organizzaturi u organizzaturi.
Ngħid id-dritt jien nippreferi mmexxi tieġ bla wedding organiser, imma
fl-aħħar mill-aħħar mhux jien niddeċiedi imma l-koppja. Darba ċċelebrajt tieġ fejn
aktar ħassejtni l-abbati milli s-saċerdot, bl-organiser jikmandani u jordnali x’ għandi nagħmel u meta rrid nieqef
u meta rrid inkompli. Tiġijiet bħal dawn jgħinuni nkabbar il-virtù
tat-temperanza u l-paċenzja. Iżda mhux l-orgaisers
kollha xorta, hemm ħafna minnhom li tarahom sa fuq iz-zuntier u mbagħad iħallu
f’ idejn iċ-ċelebrant, sewwasew kif għandu jkun.
Spejjes

Tassew li l-ispejjeż
għal dan l-avveniment saru kbar ħafna. Ġieli smajna b’ min nefaq aktar minn
sena paga biex għamel festa ta’ tieġ. Tassew li mingħandu l-bżar erħilu ħa
jroxxu imma min ma għandux x’ jagħmel? Jikkopja lil min għandu u jġorr
il-konswegwenzi billi jkollu jħallas daqs min għandu l-bżar. Illum il-ġurnata
s-soċjetà tagħna ma tantx taċċetta żwieġ bla tieġ. Il-ħasra tkun jekk nagħtu
każ it-tieġ aktar miż-żwieġ.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento