Fost tant snajja
u xogħolijiet li kull ma jmur qegħdin jgħibu minn pajjiżna, hemm dak
tas-sagristan. Minkejja li semmejt is-snajja, dik tas-sagristan aktar huwa
mistier milli sengħa għaliex xogħlu jitlob li jmidd idu għal dak kollu li
jinqala’ fil-knisja, minn xogħol tal-injam, għal xogħol ta’ ħadid, xogħol fuq
id-dawl u kull ħaġa li jkun hemm bżonn. Is-sagristan huwa dak li l-aktar
jgħaddi ħin il-knisja għaliex huwa jiftaħ filgħodu kmieni u jkun hu li jerġa’
jagħlaq il-bibien tal-knisja filgħaxija x’ ħin ikun intemm dak kollu li jkollu
jsir.
Minn qabel is-sebħ

Żminijiet u żminijiet

Matul is-sena
s-sagristan għandu xi xogħolijiet li bilkemm ninnutawhom, bħal ilesti l-knisja meta jkun hemm xi tieġ jew funeral, imur jixtri l-ostji u l-inbid li
mingħajrhom ma tkunx iċċelebrata l-quddiesa u li jżomm il-knisja fl-ordni u
nadifa. Sfortunatament ftit li xejn naħsbu f’ dawn l-irqaqat f’ dan il-qasam
tax-xogħol, li huma importanti għad li ma jidhrux.
Għajnuna

Nies ta’ kultura
Mill-esperjenza
tiegħi, is-sagristan, minħabba n-natura ta’ xogħol tiegħu, jsir bniedem ta’
kultura. Isir punt ta’ riferiment fejn tidħol l-istorja tal-parroċċa jew
tagħrif dwar il-knisja parrokkjali. Bilfors li jsir hekk. Kemm se jdum jisma’
stejjer mingħand dak u mingħand l-ieħor? Fl-aħħar jitgħallem sewwa hu wkoll.
Naf sagristana li l-istorja tal-post tax-xogħol tagħhom jafuha bl-amment. Dan
huwa wkoll frott l-imħabba li dak li jkun ikollu lejn xogħlu u lejn il-post
sagru li fih jaħdem. Is-sagristan huwa wkoll il-bniedem li jkun jaf kważi
lill-poplu kollu tar-raħal jew belt fejn jaħdem. Bilfors, min jiżżewweġ u min
jitgħammed u min jagħmel il-preċett jew il-griżma kif ukoll min imut b’ xi mod,
dirett jew indirett, se jiġi f’ kuntatt
mas-sagristan. Mhux ta’ b’ xejn li s-sagristan bħall-professjonisti, xogħolu 24
siegħa kuljum. Is-sagristan dejjem sejjer għax anke meta ma jkunx xogħol, barra
t-triq għandu mnejn isib lil xi ħadd jistaqsih xi ħaġa dwar il-knisja. Insomma
s-sagristan dejjem sejjer, donnu għandu par roti mhux par saqajn!
Il-mara tas-sagristan
Ma nistgħux ma
nsemmux lil dik il-persuna li bla ma tidher ikollha terfa’ l-piż ta’ dan
ix-xogħol ukoll. Mart is-sagristan trid tkun mara li taf tieħu paċenzja.
Kemm-il darba jkunu mifthemin biex joħorġu u jinqala’ xi ħaġa u l-pjan tagħhom
jispiċċa jitwarrab. Din trid tadatta ruħha maċ-ċirkostanzi ta’ xogħol żewġha.
Illum ħsiebi
waqa’ fuq dawn il-persuni li fis-skiet ilestu dak kollu li aħna s-saċerdoti
neħtieġu biex naħdmu. Nies li ftit naħsbu fihom imma li għandhom rwol
importanti ħafna fil-ħajja ta’ kuljum. Nies li jaħdmu bla daqq ta’ trombi, tajjeb
napprezzaw ħidmiethom.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento