Tefgħa ta’ ġebla bogħod – dinja differenti
Anqas minn mitt
kilomeru bogħod minna nsibu l-gżira ġara tagħna; Sqallija. Gżira kbira aktar
minn ħamsa u għoxrin elf kilomeru kwadru; gżira b’popolazzjoni ta’ ħames miljun
ruħ; gżira li fiha storja qadima mmens; gżira li fiha minn kollox, arti,
kultura, storja, u ħafna ħafna aktar.
Wieħed
mill-postijiet popolari magħna l-Maltin hija l-belt ta’ Siracusa. Jekk wieħed
jasal bil-baħar sa Pozzallo, ikollu xi siegħa sewqan biex jasal hemm, jekk
jasal bl-ajru sa Catania, ikollu xi siegħa sewqan ukoll.. Mela nistgħu ngħidu
li din il-belt tinsab sewwasew f’nofs triq bejn Pozzallo u Catania.
Storja
Siracusa hiija
belt mimlija storja għax kienet imwaqqfa mill-Griegi u wara għaddiet f’idejn
ir-Rumani u l-Biżantini. Kien hemm żmien fejn kien jeżisti l-Emirat ta’ Sqallija
u bla dubju Siracusa kienet tifforma parti minnu. Jekk naqbżu qabża sewwa
mill-istorja, ngħidu li Siracusa kienet belt li soffriet ħafna bumbardamenti
waqt it-tieni gwerra dinjija. Meta wieħed jara kemm hi għanja l-istorja ta’ din
il-belt jinduna li ma jistax jonqos tkun għanja wkoll f’dak kollu li għandha x’toffri.
Ortigia u Augusta
Il-pjazza bil-katidral ta' Ortigia |
Ma’ Siracusa
nsibu żewġ gżejjer żgħar; Ortigia u Augusta. L-ewwel waħda hija popolari ħafna
għax iżuruha bosta turisti minħabba l-bini barokk li fiha. Il-faċċata tal-katidral
tal-post huwa meravilja. Meta wieħed jidħol ġewwa fih, isib linja artistika totalment
differenti minn dak li jimmaġina li ser isib. Ma jistax jonqos li f’post
turistiku bħal dan wieħed isib bosta ħwienet.
Augusta hija
inqas famuża imma hija wkoll gżira ħelwa. Din mhix post turistiku iżda xorta
hemm x’wieħed jara. Hija gżira marbuta ma’ San Duminku, li huwa l-patrun
tal-gżira. Madanakollu l-patrijiet Dumnikani ilhom li ħallew il-kunvent u
l-knisja li kellhom fuq din il-gżira, biss il-festa baqgħet issir xorta waħda f’Mejju.
Dawn iż-żewġ
gżejjer huma magħqudin mal-kumplament ta’ Sqallija bil-pontijiet.
Madonna tad-dmugħ
Id-devozzjoni
lejn il-Madonna tad-dmugħ bdiet minn
fenominu li seħħ f’ dar ġewwa Via degli Orti di San Giorgio, Siracusa.
Santwarju Madonna tad-Dmugħ |
Angelo Iannusso u
martu Antonina Lucia Giusto ma kienux ilhom wisq miżżewġin. Antonella kienet
waqt l-ewwel tqala tagħha. Ma kellix tqala feliċi, bdiet tmurilha saħansitra
l-vista. Matul il-lejl tad-29 ta’ Awwissu 1953 Antonella ma bdiet tara xejn
iżda l-vista reġgħet ġietha filgħodu. L-ewwel ħaġa li lemħet Antonella kien
dmugħ nieżel minn għajnejn in-nofs bust tal-Madonna tal-ġibs li kellhom fuq
is-sodda. Din ix-xbieha kienu qalgħuha bħala riġal tat-tieġ, fil 21 ta’ Marzu
ta’ dik is-sena. Dawn il-fenomini baqgħu sejrin sal-1 ta’ Settembru ta’ dik
is-sena u seħħew għal 58 darba. L-aħbar ġriet malajr u nies minnn kull parti
ta’ Sqallija bdew imorru lejn din id-dar biex jitolbu lill-Madonna. Fit-30 ta’
Awwissu il-fenominu tad-dmugħ kien irreġistrat fuq filmat. Dan il-filmat
intwera fuq ir-RAI fl-1994.
Il-Knisja waqqfet
kummissjoni biex tistudja l-każ bla tef ta’ żmien. Fl-1 ta’ Settembru din
il-kummissjoni żaret id-dar u eżaminat il-likwidu li kien ħiereġ minn għajnejn
in-nofs bust. Huma ddikjaraw li dak kien dmugħ uman u x-xjenxa ma setgħet
tagħti l-ebda spjegazzjoni għall-fenomenu.
Il-ħsieb li
tinbena knisja għal dan in-nofs bust ġie f’ moħħ bosta. Kien fl-1957 li saret
il-pjanta tas-santwarju wara li sar konkors internazzjoanli. Il-bini fih forma
ta’ demgħa u beda jinbena fl-1966. Il-materjal użat huwa l-konkos. In-nies
tal-post kemm minħabba l-forma kif ukoll minħabba l-materjal ma tantx ħadet
grazzja mal-proġett. Il-bini tas-santwarju intemm 28 sena wara li nbeda.
Il-Papa San Ġwanni Pawlu II inawgura s-santwaru fl-1994. Fih tpoġġiet ix-xbieha
tal-Madonna li bkiet fl-1953.
Tajjeb ngħidu li
meta f’Malta, wara l-gwerra l-patrijiet Kapuċċini bnew il-knisja l-ġdida tagħhom
fil-Marsa, din ġiet iddedikata lill-Madonna tad-Dmugħ iżda mbagħad inbidel
it-titular u ġiet iddedikata lil Marija Reġina.
Xkora vojta?
Jekk wieħed iżur
Siracusa ma għandux jibqa’ lura milli jduq xi ġelat tajjeb, jew jekk inti
bħali, tippreferi l-granita, allura hawn tkun sibt il-ġenna! Billi din hija
belt mal-baħar ma jistax jonqos li ssib bosta ħwienet li joffru ħut għall-ikel,
imma mhux biss, hemm minn kollox u anke huma ħwienet li joffru platti
abbundanti. Imbagħad jew xi kannol tal-irkotta, jew xi biċċa cassata u kafè
tajjeb. Biex ma tkun tlift xejn, duq xi biskuttin tal-lewż. Nassigurak li dan
huwa ħelu, li flimkien mal-pastarjali, huwa xi ħaġa ta’ barra din id-dinja! Le
le, żgur li Siracusa mhux ser tħalluha vojta l-ixkora!
Rajna fuq fuq xi
ħaġa dwar post qrib tagħna, li wieħed jista’ jżuru fi vjaġġ ta’ ġurnata waħda
biss. Tassew li Siracusa hija tefgħa ta’ ġebla bogħod minna iżda hija dinja
għal kollox differenti.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta' Lulju 2020
Nessun commento:
Posta un commento