Issa li reġa’ fetaħ l-ajruport tajjeb nerġgħu nibdew naraw
xi ħaġa dwar xi postijiet barranin.
Il-moskea ta' Marrakesch |
Waħda
mid-destinazzjonijiet turistiċi li magħna l-Maltin kull ma jmur qegħda ssir
popolari hija l-Marokk, il-pajjiż fl-Afrika ta’ Fuq li jmiss mal-Baħar
Mediterran kif ukoll mal-Ocean Atlantiku, il-pajjiż li nistgħu nsejħulu waħda
mill-koxox tal-bieb tal-Mediterran.
Fost il-ħafna bliet Marokkini, insibu dik imsejħa Marrakech,
belt turistika, ir-raba’ l-akbar belt fil-Marokk, li għaqqdet sewwa l-kultura
Għarbija mal-esigenzi tal-bniedem tal-lum. B’hekk Marrakech saret belt li
tilqa’ fiha bosta turisti għaliex hemmhekk isibu xi ħaġa differenti minn
postijiet oħrajn. Minn Malta mhux diffiċli tasal. Titijira diretta lejn
Casablanca u mbagħad madwar sagħtejn sewqan u hemm aħna: Marakech.
Xi ħaġa fuq fuq
Bħal bosta bliet Għarab oħrajn, Marrakech għandha storja
twila. L-isem tal-belt aktarx ġej mill-ilsien Berberu, li bih jitkellmu bosta
Marokkini u xi ġnus Għarab oħra. JIsta’ jkun li l-isem ġej mill-kelmiet “amur
akush” li jfissru l-art ta’ Alla. Dwar din it-teorija bosta ma jaqblux, imma
ejjew inħallu barra t-teoriji u niffukaw fuq dak li nafu. L-ewwel dokument li
jsemmi lil din il-belt imur lura sas-seklu ħdax u biex tgħaxxaqha dan
id-dokument jagħti tifsira differenti għall-isem Marrakech.
L-ewwel abitanti f’dawn l-inħawi għexu fiż-żmien Neolitiku.
Dan nafuh minn bosta skavi li saru li fihom instabu fdalijiet li jmorru lura
lejn dawk iż-żminijiet. Għal aktar minn darba l-belt kienet isservi bħala
residenza uffiċjali tas-Sultan tal-Marokk. Sal-Indipendenza tal-Marokk, ġrajja
li seħħet fl-1956, Marrakech rat ħafna taqlib iżda minn dak iż-żmien ’l hawn
saret post turistiku u attrazzjoni ta’ bosta personaġġi, fosthom Yves Saint Laurent, il-membri tal-gruppi
popolari The Beatles u The Rolling Stones kif ukoll għadd ta’ Ewropej li wħud
minnhom investew fi djar hemmhekk.
Mill-Medina
sal-misraħ
Kif tista' ma dduqx ftit meraq tal-frott? |
Meta wieħed iżur din il-belt matul il-jum, ma jistax ma
jżurx it-toroq tal-Medina. Hawn wieħed isib dak l-ambjent tipiku Għarbi, is-suq
li joffri lil dak li jkun kull ma jkollu bżonn, minn affarijiet tal-ikel,
laħam, ħwawar, ħaxix u frott sa ħwejjeġ, prodotti maħdumin mill-ġilda, ħelu,
affarijiet tad-dar, fwejjaħ u nsomma kollox. It-toroq dojoq mimlijin bin-nies
iħawduk għall-ewwel, imma trid tibqa’ miexi mal-folla, jew tieqaf tixtri u
tħalli d-dinja għaddejja minn warajk. Ma jonqsux numru kbir ta’ ħwienet tat-te,
li jservu t-te bin-nagħniegħ, wieħed itjeb mill-ieħor. Kuluri u rwejjaħ ta’
ħxejjex u ħwawar bil-mijiet. Is-suk tal-Medina jwasslek fi pjazza kbira li
tissejjaħ Jemaa el-Fnaa. Din hija waħda mill-aktar pjazez famuzi fl-Afrika
kollha, li donnha tgħaqqad id-dinja l-imgħoddija ma’ dik tal-lum, mis-suq
tradizzjonali għall-ħwienet moderni.
Meta jgħaddi l-jum u jibda riesaq il-lejl, kollox jinbidel.
Il-misraħ li semmejt isir attrazzjoni turistika mill-kbar. Jintramaw għadd ta’
gabbani li jbiegħu frott magħsur. Ikollna ngħidu li l-frott fil-Marokk huwa
abbundanti u hawn issib tixrob il-meraq ta’ frott imħallat li jpaxxi l-palat
ta’ dak li jkun. Issib ukoll bosta ikel
tradizzjonali li jissajjar dak il-ħin. Issib ukoll min joffri li jagħmillek xi
biċċa tpinġija hekk imsejħa henna, mhux tattoo, tpinġija fuq il-ġisem li tmur
wara ftit jiem, jew ġimgħat. Bosta karozzelli armati b’pari ta’ żwiemel ikunu
jistennew lit-turist jikrihom. Ma tonqosx il-mużika. Hawn jinġabru l-mużiċisti
li jaspiraw li xi darba jagħmlu suċċess u jipprattikaw it-talent tagħhom.
Faċċata tal-misraħ jidher il-minarett tal-moskea msejħa Katubija. Din il-moskea
hija antika ħafna u sakemm inbniet il-moskea l-ġdida ġewwa Casablanca fis-snin
disgħin, kellha l-itwal minarett fil-Marokk. Il-poplu ta’ Marrakech kien jiftaħar
li beltu kellha l-itwal minarett, imma llum jiftaħar li għandu moskea antika
ħafna.
Avventura
F’din il-belt wieħed isisb xi avventuri li jista’ jagħmel u
li jsibhomx kullimkien. Tassew wieħed jista’ jmur fuq quad bike, imma dan
tista’ tagħmlu kullimkien. Avventura li wieħed jista’ jagħmel ladarba jkun
hawnehkk hija titjira bil-ballun tal-arja. Jiġu għalik filgħodu kmieni biex
wara siegħa sewqan tasal f’post fejn jibda jintefaħ il-ballun emormi. Kannestru
tal-qasab kbir iservi biex fih jilqa’ għoxrin ruħ biex flimkien mal-pilota
jitilgħu ’l fuq u jitħallew jiġu mmexxija miż-żiffa tar-riħ waqt li jaraw ix-xemx
tielgħa. Nassigurakom li hija esperjenza li ma tintesiex, trid tippruvaha biex
tkun taf xi tfisser. Wara siegħa fl-ajru tinżel u jiġu jiġbruk ix-xufiera
tal-karozzi li jkunu ħallewk minn fejn tlaqt. Tinduna li f’siegħa tkun imxejt
fl-arja madwar ħames kilometri. Jieħduk lura biex taħt tinda tieħu t-te u ħelu
tradizzjonali Marokkin. Lura lejn il-lukanda,
li aktarx tkun waħda lussuża mhux ħażin, biex tkompli l-ġurnata.
Dan huwa biss ftit minn dak li wieħed jitsa’ jara jew
jagħmel ġewwa Marrakech. Barraminnhekk din il-belt qegħda mhux wisq bogħod minn
xi postijiet li jattiraw lit-turisti. Min jaf, forsi jekk qatt ma mort, titħajjar
iżżur Marrakech xi darba. Nissuġġerilek li tmur.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' Lulju 2020
Nessun commento:
Posta un commento