Kull nazzjon li jeżisti fid-dinja għadnu xi ġrajja jew
ġrajjiet importanti li jixraq li titfakkar. Kull pajjiż ukoll għandu nies
importanti li wkoll ikun jixraq li jfakkar. Ħafna drabi dawn jibqgħu mfakkra
permezz ta’ xi monument. Dan l-aħħar bdejna nisimgħu ħafna argumenti dwar xi
monumenti anke f’pajjiżna.
Biex ħadd ma jinsa
It-tempji tal-Gġantija |
Monument jista’ jkun xi binja antika. Jingħad li t-tempji
megalitiċi li għandna f’pajjiżna, Ħaġar Qim, l-Imnajdra u l-Ġgantija huma
l-eqdem bini wieqaf li hawn fid-dinja. Stonehenge li huwa bini li jixbaħ lil
dawn it-tliet binjiet li semmejt ukoll hu qadim, imma dawk li nsibu fil-gżejjer
tagħna aktarx li twaqqfu madwar seba’ mitt sena qabel. Hawn min jgħid li
l-eqdem bini huma l-piramidi, imma anke l-forma turik liema ġie l-ewwel. Intant
ma noqgħodux nidħlu f’polemiċi. Dawn il-binjiet huma kollha monumenti qodma li
llum għadna ngawduhom għax kienu kkonservati meta nstabu.
Arkati u bibien
Il-bieb ta' Ħaż-Żebbuġ |
Hemm monumenti li jfakkru xi ġrajja importanti. Ir-Rumani
kienu jħobbu jibnu xi ark biex ifakkru xi gwerra li ntrebħet jew xi persuna
famuża. Għadna nistgħu naraw minn dawn l-arkijiet mhux biss fil-belt kapitali
tad-dinja Rumana, Ruma, Caput Mundi, imma madwar id-dinja kollha. Fost l-aktar
popolari hemm dak ta’ Pariġi, msejjaħ Arc
de Triomphe li nbena propju biex ifakkar rebħa li kien wettaq Napuljun
Bonaparti fl-1806. Bieb ieħor magħruf sewwa, li tlesta qabel dak ta’ Pariġi
huwa dak magħruf bħala Brandenburg Gate
fil-belt Ġermaniża ta’ Berlin. Dan tlesta fl-1791. Ma nistax ma nsemmix ukoll
dak li nsibu fi Brusell fil-Belġju, hekk imsejjaħ Arcade du Cinquantenaire, li l-bini tiegħu tlesta fl-1905.
Malta wkoll nistgħu niftraħru b’bibien jew arki bħal dawn.
Ejjew inħallu barra dawk li nsibu mas-swar tal-Imdina, tal-Kottonera u tal-Belt
Valletta. Kemm Ħaż-Żebbuġ kif ukoll Ħaż-Żabbar huma żewġt ibliet Maltin li
jistgħu jiftaħru li biex ifakkru li l-Gran Mastri Rohan u Hompesch
rispettivament tawhom isimhom, bnew dawn iż-żewġ bibien sbieħ li għadna
ngawduhom sal-lum.
Personaġġi
Imbagħad hemm monumenti oħra li juru personaġġi li jkollhom
xi rabta mal-pajjiż. Malta nistgħu ngħidu li aħna wkoll għandna numru mhux
ħażin minn dawn il-monumenti. Tassew li ġieli kellhom jgħaddu snin biex Sar xi momument li min tant kien jixraqlu imma
aħjar tard milli qatt.
Personaġġ li tassew inħoss li pajjiżna qed jonqos bil-kbir miegħu
huwa Dun Gioanello Cilia, li fit-23 ta’ Ġunju 1556, meta l-Forti Sant Iermu
waqgħet f’idejn it-Torok, dan spiċċa maqtul minnhom. Dan ma kienx membru
fil-milizja, ma kienx suldat imma kien il-Kappillan ta’ Ħal Qormi li dak
iż-żmien Sant Iermu kien jagħmel parti minnu. Dan ħass li kellu jkun hemmhekk
jassisti spiritwalment lil dawk li kienu qed jiġġieldu għall-fidi fuq it-territorju
tal-parroċċa tiegħu. Għaddew 455 sena u lanqas irħama ma hawn tindika lil dan
l-eroj u martri. Ħaġa bħal din għandha tħammar wiċċ min hu nkarigat
mill-patrimonju Malti.
Kontroversji
Hawn min il-kontroversi jikolhom aktar minn biċċa ħobż
biż-żejt fejn xatt il-baħar. Minn żmien għal żmien fuq din in-nitfa ta’ blata
jkun hawn min jiċċaqlaqlu fuq xi ħaġa. Ġieli smajna xi psewdo storiku jgħid li
għandna nneħħu l-George Cross minn fuq il-bandiera Maltija. Kull meta sar xi
stħarriġ dwar dan l-argument, dejjem kien hemm aktar minn disgħin fil-mija li
ma jaqblux ma’ din il-ħaġa għax dak huwa unur għalina lkoll, mhux biss għan-nanniet
jew bużnanniet tagħna li mietu fil-gwerra imma għalina wkoll biex niftakru li
l-qlubija tal-ġens Malti kienet ippremjata minn sultan barrani wkoll. U issa
qed nisimgħu biex il-monument tar-Reġina Vittorja jitneħħa minn Pjazza Reġina.
Se ndumu nilgħabu ċess bil-monumenti? Tas-Sette Giugno qallajnih u dak tal-Gran
Mastru Vihena, stordejnih. (dan minn Manuel Island sab ruħu f’nofs il-pjazza li
llum tissejjaħ Reġina fil-B elt Valletta, imbagħad ħaduh quddiem il-Mall
il-Furjana sakemm kellu jwarrab biex postu jieħdu l-monument tal-Indipendenza.)
Niskanta kif hawn min kollox jagħtih fastidju, anke statwa ta’ Reġina. Jien kieku
ddejjaqni, meta nidħol il-Belt ngħaddi minn hemm bla ma nħares lejha. Mhux għax
fil-verità minkejja li ma tagħtinix fastidju fejn qegħda, xi darba waqaft
niċċassa lejha!
Ħsara
Dan l-aħħar smajna u rajna li waqt protesti barra minn Malta
saru xi ħsarat lil xi monumenti. Aktarx li dawn il-monumenti kellhom rabta ma’
persuni li b’xi mod kienu marbutin mal-iskjavitù fl-Amerika. Ma rridx nidħol
fil-kwitjoni kif bdew il-protesti u sebaħ u dalam.
Meta waqa’ l-Komuniżmu fl-Ewropa tal-Lvant konna rajna xeni
bħal dawn. Niftakar kont mort l-Ungerija ftit snin wara l-waqa’ tal-komuniżmu.
Dawn biex ma jħallux momumenti ta’ żmien il-Komuniżmu mżerdin mal-pajjiż kollu,
bil-periklu li fuqhom isiru atti ta’ vandaliżmu, ġabruhom kollha fi pjazza
waħda u ħolqu mużew apert.
Li rrid ngħid jien huwa li pajjiżna għandu storja twila, u
mhux lakemm naqbdu nneħħu kif ġie ġie għax inkunu qed nagħmlu ħafna ħsara.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 4 ta' Lulju 2020
Nessun commento:
Posta un commento